Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti d-Direct Order li ngħata fil-11 ta' Frar 2020 mid-Diviżjoni Strateġija u Support fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex rigward Triq iż-Żewwieqa fil-Qala Għawdex kemm kien il-valur tiegħu, lil min ngħata (isem u kunjom) u b’liema mod ġie magħżul l-individwu u minn min ġie approvat dan id-Direct Order (isem u kunjom)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji huma ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern.
Għawdex – high friction anti-skid surface treatment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta ilha mwaqqfa Infrastructure Malta, kemm-il metru ta’ high friction anti-skid surface treatment saru? Meta u fejn saru fuq it-toroq fil-gżira ta’ Għawdex? Kemm-il metru hu ppjanat li jsir high friction anti-skid surface treatment matul is-sena 2021 ġewwa l-gżira ta' Għawdex biex jonqsu r-riskji ta’ inċidenti u biex inaqqas ir-riskji ta' żlieq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18158, l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija għadha qed tinġabar. Il-mistoqsijiet dwar xogħlijiet fit-toroq ta’ Għawdex għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet u min hu responsabbli għall-fatt li parti minn Triq l-Imġarr bejn Ġnien il-Familja u l-uffiċini tal-Kunsill tal-Qala fil-Qala Għawdex, li hi t-triq prinċipali li twasslek għar-raħal tal-Qala u li saret inqas minn ħames snin ilu, bdew jitfaċċaw fiha ħsarat konsiderevoli f'dawn l-aħħar ġimgħat f'din il-parti tat-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol f’din it-triq sar mill-Water Services Corporation xi snin ilu sabiex inbidel il-main prinċipali tal-ilma li jissuplixxi lil Għawdex. Il-Ministeru se jkun qiegħed jara x’inhuma dawn l-allegat ħsarat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15690 u jagħti l-lista tal-konsulenti kollha ingaġġati mill-Ministeru/entitajiet/awtoritajiet u aġenziji tiegħu minn Ġunju 2017 sal-lum u għal kull konsulent jgħid kif kien ingaġġat u x’inhuma t-termini tal-ħlas/benefiċċji tiegħu/tagħha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti fi ħdan il-Ministeru huma ingaġġati skont il-Manwal rispettiv. Minn Ġunju 2017 sal-lum dawk ingaġġati bħala tali huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Ministeru għal Għawdex – binjiet ġodda mikrija mingħand il-privat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inkrew binjiet ġodda mingħand il-privat mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu bejn il-31 ta' Jannar 2020 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f' kull każ għal liema skop inkrew dawn il-binjiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mid-data msemmija sal-lum, il-Ministeru għal Għawdex kera tliet binjiet ġodda mingħand il-privat. Binja minnhom qiegħda tinkera biex tintuża mit-taqsima tar-Reġistru Pubbliku, mil-Land Registry u anke minn Nutar tal-Gvern. It-tieni binja qiegħda tintuża bħala Day Centre’ għall-anzjani, filwaqt li t-tielet binja ser tkun qiegħda tintuża temporanjament minn diversi uffiċini ġa eżistenti fil-binja tal-Ministeru għal Għawdex, li ser ikunu qegħdin jirrelokaw sabiex ikunu jistgħu jitkomplew ix-xogħlijiet marbuta mal-proġettt tar-Retro Fitting tal-istess Ministeru.
In-Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr – studju u testijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16951 u ċjoè: B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministeru għal Għawdex fit-18 ta' April 2019 fi Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex, tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn l-ex Ministru għal Għawdex, nies tekniċi mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-perit/Geotechnical Engineer li tqabbdu flimkien ma' esperti barranin biex jagħmlu l-istudji u testijiet meħtieġa bħala testijiet fuq il-kwalità tat-tafal u testijiet oħra u jħejju l-pjanti u d-disinni meħtieġa ta' xogħol li hemm bżonn issir f'din it-triq, jista' l-Ministru jgħid x'ħejjew dawn in-nies (pjanti/disinni) li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha, kif ukoll id-dati meta tħejjew dawn l-istudji/pjanti/disinni tax-xogħol li għandu jsir f'din it-triq? Jista’ jgħid kemm tħallsu dawn id-ditti u n-nies tekniċi kemm barranin kif ukoll lokali? Jista’ jikkonferma jekk il-Ministeru għal Għawdex għadux juża s-servizzi ta’ dawn id-ditti u n-nies tekniċi kemm barranin kif ukoll lokali u jekk hux qiegħed juża l-pjanti u disinni tagħhom fuq dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn in-nies tekniċi tħallsu € 49,451.50 (Vat eskluż).
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16950 u jgħid kemm, f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, jagħti l-isem tat-triq u kemm kien it-tul u wisa’ fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2020 biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2020 saru sitt farm roads. Dawn huma Ħondoq ir-Rummien fil-Qala b’tul ta’ 24.3 metru u wisa ta’ żewġ metri, Ħabel it-Twil fiż-Żebbuġ b’tul ta’ 221 metru u wisa ta’ tmien metri, Ta’ Kanġla l-Għasri b’tul ta’ 32 metru u erba’ metri wisa, Triq il-Kunċizzjoni l-Qala b’tul ta’ 72.2 metru u tlett metri wisa, Għajn Abdun Kerċem b’tul ta’ 210 metru u sitt metri wisa u Triq il-Buskett fin-Nadur b’tul ta’ 212 metru u wisa ta’ 4.5 metri.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema taħt il-Community Scheme Workers
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16997 u jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema tal-Iskema (Community Scheme Workers) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid taħt liema Direttorat jiffurmaw parti dawn il-ħaddiema, kif ukoll jgħid x'inhu xogħolhom, kif ukoll jgħid x'korsijiet sarulhom sa issa lil dawn il-ħaddiema u x'korsijiet hemm ippjanati li jsirilhom matul is-sena 2021 mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16776 u jagħti dettalji dwar il-proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jew għadhom għaddejjin? Jista' jagħti l-valur totali, għal kull proġett jew programm/inizjattiva, ta’ kemm se jiġi jiswa u kemm minnu hu kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li jispiċċa kull proġett jew programm/inizjattiva?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill Onor. Interpellant sabiex jirreffieri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Triq li mir-Rabat twassal għall-Bajja ta’ Marsalforn – xogħol
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16536 li ngħatat fit-28 ta' Ottubru 2020 rigward meta ser jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid tat-triq li mir-Rabat twassal għall-Bajja ta’ Marsalforn fejn ingħad fit-tweġiba 'li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin' jista’ l-Ministru jgħid kif għaddew iktar min xahrejn u bdiet sena ġdida u fuq din l-imsemmija triq għadu ma nbeda ebda xogħol infrastrutturali fuqha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ġimgħat beda x-xogħol preparatorju ta’ kif ser isiru l-fazijiet ta’ din it-triq sabiex l-impatt fuq ir-residenti ikun minimu kif ukoll pjan ta’ traffic management. Fi Frar ser jibda l-mobilization tal-makkinarju fuq il-post sabiex sussegwement jibdew ix-xogħlijiet.
Marsalforn – Triq il-Qbajjar – problema ta’ drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta ser isolvi b'mod permanenti l-problema ta' drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula u ilu jiskula għal żmien twil, fi Triq il-Qbajjar ġewwa Marsalforn b'inkonvenjent qawwi għar-residenti u l-pubbliku? Tista' tispjega wkoll meta din l-istess triq ser titnaddaf mill-ħmieġ ta' kull xorta li fiha, mhux lanqas mill-ħafna żrar u trabijiet li jirriżultaw minn patching mhux adekwat kaġun ta' dan id-drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-iskular mhux joriġina mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li hemm fil-madwar. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadmet u kkolaborat diversi drabi ma’ entitajiet oħra fejn qatt ma nstab li dan kien ġej minn xi sistema tal-Korporazzjoni.
Il-patching tat-triq ma jaqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika – statistika fuq Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar statistika ta' kull qasam li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għandu dwar Għawdex?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-NSO jippubblika serje ta’ statistika reġjonali fuq diversi setturi f’Malta u Għawdex miġbura f’pubblikazzjoni annwali bit-titlu ‘Regional Statistics MALTA’.
Din il-pubblikazzjoni tkopri statistika dwar il-popolazzjoni, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-ekonomija, it-trasport, it-turizmu, l-agrikoltura u s-sajd u r-rizorsi (ilma, skart u enerġija rinovabbli) dejjem fl-livell reġjonali. L-aktar pubblikazzjoni riċenti ġiet ippubblikata fis-27 ta’ Mejju 2020 bl-isem ‘
Regional Statistics MALTA: 2020 Edition’
.
Apparti, l-NSO jippubblika numru ta’
News Releases
b’kontenut reġjonali. F’dan ir-rigward, it-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra qed tipprovdi l-ismijiet ta’ dawn in-
News Releases
.
Dawn il-pubblikazzjonijiet huma kollha disponibbli minn fuq is-sit ta’ l-NSO.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għall-Breakwater f’Marsalforn u dan peress li din hija waħda mill-wegħdi prinċipali tal-Gvern għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett se jitwettaq mid-direttorat EkoGħawdex u għalhekk l-ispejjeż relatati ma’ dan il-proġett se jgħaddu mill-vot allokat lill-EkoGħawdex. Madanakollu, mhux eskluż li dan il-proġett ikun iffananzjat mill-pakkett il-ġdid ta’ Fondi Ewropej.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16895 kollha kemm hi u jgħid kemm proġetti minn Għawdex ħadu għajnuna min-National Lotteries Good Causes Fund f'dawn l-aħħar tliet snin u fiex kien jikkonsisti kull progett? Jista' jgħid ukoll is-somma li ngħata kull proġett?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid skont l-aħħar stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kemm hija d-differenza fil-paga medja f'Għawdex minn dik f’Malta u kemm hija d-differenza fi dħul medju ta' familja f'Għawdex minn dik f’Malta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Port tal-Imġarr Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr) u jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-imsemmi proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema ingaġġati bħala skrivana
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16949 u jgħid kemm hemm persuni ingaġġati bl-iskemi u ngħataw xogħol ta' skrivana f'diversi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jikkonferma li dawn iddaħħlu bl-iskema bla ebda eżami u bi ftit kwalifiċi? Jista’ jgħid jekk il-persuni ingaġġati fuq skema u qed jagħmlu xogħol klerikali humiex kollha jagħmlu xogħol temporanju? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali li hu permanenti? Jista’ jgħid jekk fil-futur qarib hemmx ippjanati li jiġu ingaġġati iktar persuni bl-iskema li jagħmlu xogħol klerikali ġewwa l-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm sebgħa u ħamsin persuna li kienu ngaġġati fil-passat bl-iskema u li qed jagħmlu xogħol meħtieġ skont il-kapaċitajiet tagħhom fid-dipartimenti fejn hemm il-ħtieġa għalihom.
Bħalma ġara fl-aħħar snin, il-Ministeru għal Għawdex jibqa’ mpenjat biex uffiċjali tal-Gvern residenti Għawdex li bħalissa x-xogħol tagħhom huwa bbażat f’Malta, jiġu rilokati f’Għawdex. Dan jinkludi ukoll l-iskrivana, fejn il-Ministeru għal Għawdex għandu bżonn numru akbar ta’ skrivana u filfatt qed jitlob li l-iskrivana Għawdxin li hemm jaħdmu Malta jiġu rilokati ġewwa Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex skont l-Estimi Supplimentari għas-sena 2020 fil-vot 6794 intefqu €21 miljun iżjed milli kien previst? Jista' jagħti dettalji eżatti fiex intefqu dawn il-€21 miljun iżjed mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, matul is-sena 2020?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma addizzjonali ta’ €21 miljun, li qed jirreferi għaliha, kienet intalbet bil-għan li l-Ministeru jkun jista’ jimitiga bl-aħjar mod iċ-ċirkostanzi bla preċedent li żviluppaw fuq l-industrija turistika kollha kemm hi b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19.
Minkejja dan, grazzi għall-għaqal fit-tmexxija u anke peress li l-pandemija twalet, u allura saru
savings
oħra minn inizjattivi li ma setgħux jimmaterjalizzaw, il-flus riservati ma kienx hemm bżonn li jiskattaw. Dawn jistgħu jerġgħu jkunu għad-dispożizzjoni tal-Awtorità sabiex jintużaw b’mod effettiv bil-għan li l-industrija tiġi mgħejjuna tqum fuq saqajha kemm jista’ jkun malajr, u biex pajjiżna jkun
marketed
b’mod aggressiv, fi żminijiet aktar opportuni. Infakkar li l-ekonomija nazzjonali tiddependi ħafna fuq din l-industrija, waqt li minnha jaqilgħu l-għajxien tagħhom eluf kbar ta’ familji Maltin u Għawdxin, kemm b’mod dirett kif ukoll indirettament.
Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Vot ‘Rent’ — talba għal aktar fondi
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-vot 24 'Rent' taħt il-Ministru għat-Turiżmu għas-sena 2020 kien ta' €242,000 u fil-fatt intalbu €400,000 oħra għal dan il-vot (skont l-Estimi Supplimentari għas-sena 2020)? Jista' jagħti break down fuq xiex tħallas l-ammont ta' €642,000 f'kirjiet mill-Ministeru tiegħu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-somma addizzjonali ta’ €400,000, li qed jirreferi għaliha, kienet intalbet biex tkopri l-ispejjeż tal-ħlas tal-kera relatata mal-fond tal-Ministeru stess fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Dan kien neċessarju wara li d-Dipartiment tal-Artijiet ħareġ fattura u dikjarazzjoni b’lura biex ikopri d-drittijiet tal-kera peress li kien għad hemm pendenzi passati li setgħu jiġu pproċessati biss meta l-proċess ġie iffinalizzat.
Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Vot ‘Professional Services’ — talba għal aktar fondi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-vot 31 tal-Ministeru tiegħu għal 'Professional Services' kien ta' żewġ miljuni u fil-fatt intalbu €600,000 oħra (skont l-Estimi supplimentari għas-sena 2020)? Jista' jagħti break down fiex intefqu dawn iż-żewġ miljuni u sitt mitt elf euro fi Professional Services u jgħid għal kull min tħallas minn taħt dan il-vot fis-sena 2020, min kien, kemm tħallas b'mod globali matul l-istess sena, u jekk dan ix-xogħol ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-somma addizzjonali ta’ €600,000, li qed jirreferi għaliha, kienet mitluba minħabba li l-ħlasijiet tal-grievances fl-Air Malta, li ammontaw għal madwar €850,000, għaddew kollha minn dan il-vot. Kienet wegħda elettorali minn Gvern Laburista li jissewwew l-inġustizzji u l-vendikazzjonijiet li twettqu minn amministrazzzjonijiet preċedenti anke fil-linja nazzjonali tal-ajru, għax għandu għal qalbu l-ħaddiem Malti u Għawdxi.