Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Immodernizzar ta’ pitkaliji, cold stores u l-biċċerija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31556 fl-intier tagħha u jelenka b’mod separat l-ispejjeż li saru matul din il-leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex il-biċċerija, il-cold stores u l-pitkaliji f’Għawdex jiġu mmodernizzati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa relatata mal-biċċerija kienet ta’ €201,173.08, filwaqt li n-nefqa għal Cold Stores kienet ta’ €29,361.85. Fir-rigward tal-Pitkalija, l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.

Rabat, Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – Problema tax-xita

Question

Peress li kull meta tagħmel ix-xita d-djar tar-residenti fi Triq it-Tabib Anton Tabone, fir-Rabat Għawdex, qed jimtlew bl-ilma u qed ikun hemm ukoll periklu kbir fit-triq, jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir fl-immedjat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fix-xhur li gejjin se jibda jigi ppreparat rapport tekniku kif ukoll it-terimini u kundizzjonijiet, biex sussegwentament toħroġ sejħa għall-offerti li tkopri r-rikostruzzjoni ta’ din it-triq.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Safety audit ta’ proġetti u toroq

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti/toroq ġewwa Għawdex li fil-preżent il-Ministeru tiegħu qed jagħmel safety audit tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-imsemmija audits isiru b’mod regolari minn żmien għall-ieħor fuq it-toroq; kemm dawk li jkun għaddej xogħol fuqhom, kemm dawk li tlestew u anke fuq oħrajn li l-Ministeru jħoss li hemm bżonn li jsiru xi tip ta’ studji simili qabel jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet għal xi sejħa għall-offerti.

Riżorsi Agrikoli Malta – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex jikkonsisti l-proġett ta’ restawr tal-ħitan tas-sejjieħ ġewwa Għawdex illi qed jiġi implimentat bħalissa, fejn numru ta’ applikanti qed jiġu assistiti mill-aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tal-Immaniġġjar kienet ħarġet Miżura senjatament il-Miżura 4.4 appoġġ għal investimenti mhux produttivi marbuta mal-kisba ta’ objettivi agro-ambjentali u klimatiċi li tiffoka primarjament fuq ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ u li hija parti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Peress li l-proċess ta’ applikazzjoni għal din il-miżura jista’ jkun wieħed kumpless u tekniku, l-Aġenzija ħadet l-inizjattiva li toħroġ sejħa ta’ interess għal dawk kollha li xtaqu jipparteċipaw, inklużi l-bdiewa Għawdxin. L-għan ewlieni kien li l-Aġenzija tkun tista’ tissottometti applikazzjoni kollettiva f’isem dawn l-applikanti kollha, sabiex tiffaċilita l-proċess. Bħala parti minn dan il-proċess, l-Aġenzija ngaġġat Periti sabiex iwettqu stima fuq il-ħitan tas-sejjieħ identifikati mill-bdiewa interessati. Dawn l-istimi kienu meħtieġa sabiex tiġi ddeterminata l-ammont totali ta’ xogħol li kellu jitwettaq u biex is-sottomissjoni tal-applikazzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża. Wara li saret is-sottomissjoni tal-applikazzjoni li inkludiet in-numru ta’ metri ta’ ħitan stmati għal kull individwu, u wara li l-proġett ġie approvat mill-Awtorità tal-Immaniġġjar, l-Aġenzija ħadet ħsieb toħroġ sejħa pubblika (tender) sabiex jiġu ingaġġati kuntratturi għall-eżekuzzjoni tax-xogħol ta’ restawr. Il-kuntrattur li rebaħ is-sejħa kien responsabbli li jwettaq ix-xogħol skont il-linji gwida tekniċi u regolatorji kollha applikabbli. Meta imbagħad jitlesta r-restawr, il-Periti maħtura mill-Aġenzija jkunu jistgħu jagħmlu ċ-ċertifikazzjoni finali tal-ħitan, biex jiġi kkonfermat li x-xogħol sar skont is-sengħa tradizzjonali u l-permessi kollha rilevanti, kif meħtieġ mill-Miżura u r-regolamenti tal-FAEŻR. B’dan il-mod, l-Aġenzija assistiet lill-benefiċjarji matul il-proċess kollu, mill-istadju inizjali ta’ informazzjoni u sottomissjoni tal-applikazzjoni, sal-implimentazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni finali tal-proġett.

Ta’ Xħajma, Għawdex – Proġett tas-solar flowers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-irwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett tas-‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta Xħajma, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-rwol tal-Ministeru kien li jipprovdi l-ispazju fejn jitwaħħlu s-solar flowers u l-aċċess għall-konnessjoni mal-grid.

Ix-Xewkija - Ċentru tal-Università - Estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dawn l-aħħar erba’ xhur fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija u kemm intefqu flus fuq din l-estensjoni f’dawn l-aħħar erba’ xhur?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 25006.

Terminal taċ-Ċirkewwa - Xogħol tar-riġenerazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31506 dwar ix-xogħol tar-riġenerazzjoni tat-Terminal taċ-Ċirkewwa, fejn ġie mwieġeb  li "x-xogħol li sar dan l-aħħar fuq it-terminal kien jinvolvi xogħol ta’ emerġenza fuq il-lift shafts tat-Terminal, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-kolonni tal-istess terminal",  jista'  l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat u għal kull każ jgħid: lil min ingħataw; x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata perjodikament fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Ix-Xewkija Għawdex - Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol neċessarju fil-Korsa taż-Żwiemel f’Ta’ Xħajma sabiex parti minnha tkun tista’ tintuża mill-atleti Għawdxin li jipprattikaw f’dan il-post? Jista’ jgħid ukoll x’sar sal-lum u x’baqa’ xi jsir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onerevoli interpellant li matul is-sena d-dieħla, il-Gvern mistenni jibda l-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ sit u l-ħidma fuq l-athletic track bil-għan li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura sportiva ġewwa Għawdex.

Għawdex, Triq l-Imġarr, - Inċidenti tat-traffiku – Miżuri

Question

Fid-dawl tal-inċidenti, anki serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, ġimgħat u anki f’dawn l-aħħar ġranet fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar xhur Transport Malta ħejjiet studju fuq Triq l-Imġarr Għajnsielem/ Xewkija/Rabat li jinkludi numru ta’ miżuri ta’ traffic calming measures u li ġew mgħoddija lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għall-implimentazzjoni.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31030 u 31407 fl-intier tagħhom u jgħid meta nbeda x-xogħol fuq Triq l-Emigranti, fin-Nadur? Jista’ jgħid ukoll kemm fiha tul din it-triq, meta ser jitlesta minn kollox (xahar u sena) ix-xogħol f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill Onor interpellant li x-xogħol se jitkompla mill-kuntrattur inkarigat fil-gimgħat li ġejjin wara li WSC lestew x-xogħlijiet tagħhom.

CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26919 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta’ din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

CT3003/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF ULYSSES GROVE IN XEWKIJA, GOZO WITH A REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACT – Proċess ta’ aġġudikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa “CT3003/2025 TENDER FOR THE UPGRADING OF ULYSSES GROVE IN XEWKIJA, GOZO WITH A REDUCED ENVIRONMENTAL IMPACT” li għalqet fit-12 ta’ Ġunju 2025, u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni u meta hu maħsub li jiġi konkluż?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender li qed issir referenza għalih, bħalissa jinsab fi stadju ta’ aġġudikazzjoni.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Sejħa għal Labourers f’Għawdex

Question

B’referenza għall-aħħar sejħa esterna (minn barra) mill-Ministeru tiegħu sabiex jiġu ingaġġati labourers f’Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, kemm damu miftuħa u x’tip ta’ kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa, kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa, u kemm minnhom għaddew mill-Interview?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda sejħa esterna għall-ingaġġ ta’ labourers f’Għawdex.  Is-sejħa li kien hemm dan l-aħħar kienet għal-labourers biex jimtlew vaganzi fis-servizz kollu tas-saħħa.  Is-sejħa saret skond il-ftehim iffirmat bejn il-Gvern u l-Unionijiet relevanti li jirrigwardaw il-Klassi Industrijali. Din is-sejħa ġiet maħruġa permezz ta’ Jobsplus u ppubblikata fuq il-midja soċjali fit-30 ta’ April 2025.   Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-avviż kif ġie ppubblikat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Ministeru tiegħu fuq ix-xogħol tar-riġenerazzjoni tat-Terminal taċ-Ċirkewwa u għal kull każ, lil min ingħata, x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppublikata perjodikament fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet kienu qed jagħmlu / għamlu l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’dawn l-aħħar ġranet u ġimgħat, u fil-preżent, fi Triq l-Emigranti fin-Nadur, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll liema xogħlijiet oħra huma ppjanati li jsiru minn dawn il-ħaddiema f’din it-triq fil-ġranet u fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 31408, ninsab infurmata li x-xogħlijiet min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huma lesti.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Ministeru tiegħu għal xogħol fit-Terminal ġewwa l-Port tal-Imġarr Għawdex, fil-Parkeġġ ta’ taħt l-art u fil-Marshalling Area, u għal kull każ jgħid lil min ingħataw, x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppublikata perjodikament fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Għawdex, Triq l-Imġarr, - Inċidenti tat-traffiku – Miżuri

Question

Fid-dawl tal-inċidenti, anki serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, ġimgħat u anki f’dawn l-aħħar ġranet fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Magħtab - Waste-to-energy plant

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31403 dwar fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa “Competitive Procedure with Negotiation” għall-proġett “to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab” fejn ġie mwieġeb li “t-tender inkwistjoni jinsab fl-istadju ta’ evalwazzjoni”, tista’ l-Ministru tgħid għal kemm żmien ilha fi stadju ta’ evalwazzjoni din is-sejħa u meta hu maħsub li jiġi konkluż dan il-proċess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-9 ta' Mejju 2025, id-deċiżjoni tal-award datata 20 ta’ Jannar 2025 ġiet irtirata u għalhekk reġgħet bdiet l-evalwazzjoni mill-ġdid. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi konkluża fl-iqsar żmien possibbli.

TENDER FOR THE SUPPLY AND DELIVERY OF NON-POTABLE WATER FOR RESERVOIR AND IRRIGATION PURPOSES FOR GOZO GENERAL HOSPITAL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li toħroġ it-tender “TENDER FOR THE SUPPLY AND DELIVERY OF NON-POTABLE WATER FOR RESERVOIR AND IRRIGATION PURPOSES FOR GOZO GENERAL HOSPITAL”? Għaliex din ġiet ikkanċellata darbtejn? Jista’ jgħid ukoll min kien qed jagħmel ix-xogħol mitlub minn din is-sejħa f’dawn l-aħħar xhur u fil-preżent?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tender inħareġ mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex ikollu s-servizz ta’ provista tal-ilma għat-tisqija tal-ġonna tal-Isptar. It-tender ġie kkanċellat l-ewwel darba biex issir tibdil fl-FBF (financial bid form). It-tieni sejħa ġiet ikkanċellata minħabba li l-offerti sottomessi ma kinux teknikament aċċettabli. Is-servizz msemmi mhux qiegħed jingħata fil-preżent.

Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi – Appelli pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm appelli pendenti biex jinstemgħu quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) u kemm ilu pendenti biex jinstema’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid ukoll b’liema ordni dawn jinstemgħu quddiem il-PCRB?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.