Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija matul is-sena 2021 u fiex jikkonsistu u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex.
Fil-gżira Għawdixja, Infrastructure Malta daqt tlesti proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr. Dan l-investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea kien jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li jużaw is-sajjieda. L-aġenzija nstallat erba’ puntuni ġodda u faċilitajiet oħrajn għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. B’organizzazzjoni aħjar tal-puntuni ġodda se jiżdiedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom.
Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jinżammu aktar indaf. Il-proġett se jgħin biex iż-żona tal-Menqa fill-Port tal-Imġarr tkun organizzata aħjar, u biex tidher isbaħ ukoll.
Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet oħrajn mal-kosta Għawdxija, fosthom tiswijiet ta’ strutturi f’Imġarr ix-Xini u nbena wkoll mill-ġdid il-moll fil-Bajja ta’ Santa Marija, f’Kemmuna.
F’dan l-istadju huwa ppjanat li jsiru żewġ proġetti oħrajn fil-Port tal-Imġarr. L-ewwel proġett huwa l-bini mill-ġdid tat-tarf tal-mollijiet fejn jittrakka l-vapur t’Għawdex magħrufin bħala Jetty 2 u Jetty 3. Il-valur ta’ dan il-proġett jammonta għal madwar €1 miljun (VAT mhux inkluż).
It-tieni proġett huwa l-bini tal-moll għall-Fast Ferry. Dan il-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar €2 miljun (VAT mhux inkluż).
Kerċem – Triq Għajn Abdul u x-Xagħra – Triq ta’ Stellini — toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex Triq Għajn Abdul ġewwa Ta' Kerċem u Triq ta' Stellini fix-Xagħra Għawdex jinbnew mil-ġdid peress li partijiet minnhom huma ta' periklu għal minn jgħaddi minnhom? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn it-toroq hux ser isiru matul is-sena 2021 u jekk iva f’liema xahar mistenni jibda x-xogħol fuq din l-imsemmija toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet fuq dawn it-toroq qegħdin fi stadju inizjali.
B'referenza għar-rivista 'Proġett Għawdex' li l-ewwel ħarġa tagħha kienet f'Novembru 2019 u fejn f'din ir-rivista kien hemm miktub li din ħa tibda tkun ippubblikata minn żmien għall-żmien biex jinżamm kuntatt mar-residenti Għawdxin kif ukoll ikunu infurmati fuq proġetti li jkunu qed jitwettqu madwar Għawdex, kif ukoll fuq diversi skemi li huma intiżi għar-residenti Għawdxin, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ħarġet matul is-sena 2020 din ir-rivista u jgħid kemm-il darba hemm ippjanata li toħroġ din ir-rivista matul is-sena 2021? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża totali sal-lum fuq din ir-rivista liema spiża tkun tinkludi stampar, posta u xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-permess PA/01519/18 'Upgrading works to open rehabilitated landfill to the public Site at Il-Qortin Ta' Għajn Damma, Xagħra, Gozo' u jgħid f'liema stadju wasal dan il-permess biex jiġi approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u jgħid għala għaddew iktar minn sentejn u għadu ma ġiex approvat dan il-permess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tinsab fl-aħħar stadju tal-proċess tal-ippjanar fejn qed jitħejja d-Development Permit Application Report bir-rakkomandazzjoni għall-Bord tal-Ippjanar. L-Awtoritá tal-Ippjanar taġixxi, kif jixraq, b’mod awtonomu mill-uffiċċju tal-Ministru fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ovvjament dejjem fil-parametri tal-liġi, anke f’dan il-każ. Dwar dewmien il-proċess jieħu ż-żmien tiegħu imma l-importanti li l-proċess issa wasal fl-aħħar stadju tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qegħdin jintużaw karozzi mis-Segretarjat Privat tiegħu u jagħti wkoll in-numru tar-reġistrazzjoni u l-mudell ta' kull karozza li qed tintuża mill-membri tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jista' jgħid, fejn hu l-każ, min qed juża l-istess karozzi? F'kull każ jista' jgħid jekk il-karozzi humiex proprjetà tal-Ministeru jew inkella humiex mikrija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm tliet karozzi li qed jintużaw mis-Segretarjat Privat. Waħda mill-karozzi hija proprjeta’ tal-Ministeru, filwaqt li t-tnejn l-oħra huma mikrija. L-ebda’ karozza ma hi tintuża minn l-istess individwi.
Ir-Rabat Għawdex – Triq il-Vajringa – perit inkarigat mix-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru għal Għawdex fuq Triq il-Vajringa fir-Rabat t’Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ir-Rabat Għawdex – Triq Għajn Qattet – perit inkarigat mix-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq Għajn Qattet fir-Rabat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kuntratt ġie mogħti għas-somma ta’ Euro 530,531.92 (excl VAT) filwaqt li l-kuntrattur s’issa tħallas l-amont ta’ Euro 150,281.25 (excl VAT). It-testijiet saru għand l-MCCAA. Kopja tat-testijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 19575 - Ir-Rabat Għawdex – Triq Għajn Qattet – perit inkarigat mix-xogħol - PAPERS LAID.pdf
Ministeru għal Għawdex – uffiċjali – rimborż għall-użu tal-karozza privata tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, qegħdin jiġi rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali? Jista’ jgħid x’inhu l-grad tagħhom u l-pożizzjoni li qegħdin jokkupaw, kif ukoll l-ammont ta’ flus li rċevew matul is-sena 2020 għal dan il-għan? Jista’ jgħid ukoll min ta l-approvazzjoni tiegħu għal tali rimborż f’kull każ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk fl-Iskola Primarja tax-Xewkija, Għawdex hemmx nuqqas ta' spazju peress li parti mill-Iskola fl-aħħar snin ittieħdet għal skopijiet oħra? Jekk iva x'qed isir biex jiġi rimedjata dan in-nuqqas ta' spazju?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m'hemmx nuqqas ta’ spazju fl-Iskola Primarja tax-Xewkija.
Skejjel ta' Għawdex — servizz ta' pulizija fil-ħinijiet ta' dħul u ħruġ tat-tfal
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel kollha f'Għawdex hux qed ikollhom servizz ta' Pulizija fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal? Jekk le x'inhi r-raġuni? Ma taħsibx li s-sigurtà tat-tfal għandha tiġi qabel kull ħaġa oħra?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmata li fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal, l-iskejjel f’Għawdex qed ikollhom servizz tal-Pulizija jew tal-uffiċjali tas-sigurtà, liema miżura ġiet introdotta minn din is-sena skolastika.
Sptar Ġenerali ta' Għawdex — impjegati - pagi u spejjeż relatati
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet is-somma totali li tħallset f'pagi u spejjeż relatati ma’ pagi (National Insurance, allowances, overtime etc) lill-impjegati kollha tal-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għas-sena 2019 u 2020? Għall-istess sena kemm kienet is-somma totali li tħallset lill-kuntratturi privati talli pprovdew ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa totali li l-Gvern ħallas fuq pagi tal-ħaddiema u spejjeż oħra relatati mal-pagi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-2019 kienet €28,254,781.30 filwaqt li fl-2020 kienet €29.596,649.78.
Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament min organizza ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Pavimentar tal-Menqa ġewwa Marsalforn fil-bidu ta' Novembru 2020? Jista’ jagħti rendikont ta’ kemm ġiet tiswa din iċ-ċerimonja u fiex kienet tikkonsisti din in-nefqa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Pavimentar tal-Menqa ġewwa Marsalforn ġiet organizzata mill-Ministeru għal Għawdex, u n-nefqa totali kienet dik ta’ €13,138.50 (VAT eskluż).
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17183, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi rigward it-Torri tal-Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex li jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweħiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 17183 fuq l-istess suġġett
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sejħa għall-ħaddiema bħala Labourers mas-Servizz Pubbliku ħarġet il-Jobsplus fl-2014, 2015, 2016, 2017, 2018, 2019, 2020 u 2021? Fuq talba ta’ liema Ministeru ħarġu tali sejħiet u f'kull każ kemm kienet it-talba?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi numru ta’ sejħiet li kien hemm ma’ Jobsplus fis-settur pubbliku u l-entitajiet pubbliċi bejn l-2014 u 2021 bħala Labourers.
Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur — ġurisdizzjoni
Question
B’referenza għal proposta li kienet tramite l-mistoqsija parlamentari 6025 fl-2018, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux intenzjonat li jirrevedi l-kompetenza tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur u jekk iva meta ser titwettaq din il-proposta?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur għandha tiżdied għal €5000 fejn l-emendi proposti għal din ir-reviżjoni ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika s-sena li għaddiet. Din l-emenda fir-reviżjoni għandha titressaq quddiem il-Parlament fil-ġranet li ġejjin.
Indis Malta – proġetti infrastrutturali fix-Xewkija Industrial Estate
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti Infrastrutturali saru u kemm ġew jiswew minn Indis Malta ġewwa x-Xewkija Industrial Estate matul is-sena 2020 u xi proġetti infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru minn Indis Malta matul is-sena 2021 ġewwa x-Xewkija Industrial Estate u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw contracts of service mill-Ministeru inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum, sena b’sena? Jista’ jagħti ukoll dettalji dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull kuntratt, is-servizzi li ngħataw kif ukoll il-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra fir-rigward ta’ kull tali kuntratt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 10896, tlabt biex il-kumplament tat-tagħrif jinġabar. Appena dan ikun disponibbli, inkun nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sistema tal-impożizzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi – konsultazzjoni pubblika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest li jqis li ssir konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-bdil leġislattiv meħtieġ biex tiġi riveduta b’mod komprensiv is-sistema tal-impożizzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi (irrespettivament tal-mod kif inhuma msejħin fil-liġi) minn diversi awtoritajiet pubbliċi –– dan ukoll fid-dawl ta’ diversi sentenzi tal-qrati Maltin fosthom dik tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fi Federation of Estate Agents vs id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et.?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor, Interpellant li hekk kif jaf ben tajjeb huwa stess, il-Gvern ġa ħareġ b’soluzzjoni tajba sabiex jiġi emendat l-Artiklu 39 tal-Kostituzzjoni u dan jiġi eżatt konformi mal-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, liema emenda tirrikjedi iż-żewg terzi tal-Kamra tad-Deputati. L-Oppożizzjoni mhux qed taqbel ma dan. Għalhekk il-Gvern ħareġ b’soluzzjoni oħra sabiex jaċċerta li entitajiet importanti f’pajjiżna jistgħu jkunu effettivi u jimponu somom amministrattivi li jkun jixraq.
Malta Tourism Authority – ksur tar-Regolamenti dwar Pakkett tal-Ivvjaġġar, Pakkett ta’ Vaganzi u Pakkett ta’ Tours
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm il-każ ħadet passi regolatorji l-Malta Tourism Authority fir-rigward ta’ allegat ksur tar-Regolamenti dwar Pakkett tal-Ivvjaġġar, Pakkett ta’ Vaganzi u Pakkett ta’ Tours (li tħasru fil-2018) u sussegwentement taħt ir-Regolamenti dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar u Arranġamenti tal-Ivvjaġġar Marbuta (L.S. 409.19) sena b’sena mill-2017 s’issa? F’kull każ jista’ jgħid fejn ittieħdu passi u fiex kienu jikkonsistu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox ittieħdu erba’ azzjonijiet legali fir-rigward ta’ ksur tar-Regolamenti dwar Pakkett tal-Ivjaġġar, Pakkett ta’ Vaganzi u Pakkett ta’ Tours (li tħassru fl-2018) u sussegwentement taħt ir-Regolamenti dwar Pakketti tal-Ivjaġġar u Arranġamenti tal-Ivjaġġar Marbuta (LS 409.19). Dawn kienu kollha fl-2018 u f’kull każ instab li ma kienux inħarġu ċ-ċertifikati tal-insolvenza lill-ivjaġġatur kif mitlub mill-liġi kkonċernata u l-azzjoni kienet tikkonsisti f’multa amministrattiva.
Xewkija – Wied ta’ Mġarr ix-Xini, Triq tal-Gruwa, Triq Mġarr ix-Xini — permess
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-permess PA/03136/20 To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works. Wied ta' Mġarr ix-Xini, Access from Triq tal-Gruwa, Xewkija and Triq Mġarr ix-Xini, Sannat u jgħid f'liema stadju wasal dan il-permess biex jiġi approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, fir-rigward tal-applikazzjoni PA/03136/20, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tistenna l-ħlasijiet neċessarji sabiex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi vvalidata u jitkompla l-proċess. Min-naħa l-oħra l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ġiet ikkonsultata diġà bħala parti mill-proċess tal-ippjanar u l-konkużjoni kienet li l-Awtorità m’għandhiex oġġezzjoni għall-interventi proposti.