Ħlas ta’ taxxa addizzjonali jew penali taħt il-Kapitoli 364 u 372
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għas-sena 2019 kemm tħallset taxxa addizzjonali jew penali a tenur tal-Kapitolu 364 tal-Liġijiet ta’ Malta? Kemm kien ħlas addizzjonali u kemm kien ħlas fi forma ta’ penali? Jista’ jgħid għas-sena 2019 kemm tħallset taxxa addizzjonali jew penali a tenur tal-Kapitolu 372 tal-Liġijiet ta’ Malta? Kemm kien ħlas addizzjonali u kemm kien ħlas fi forma ta’ penali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għal Għawdex – Post ta’ Manager Security Services
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19843 rigward is-sejħa ta' Manager Security Services mal-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'wassal biex fuq il-website tal-Ministeru ħarġet notifika fejn intqal li 'The Permanent Secretary, Ministry for Gozo is hereby notifying that the call for the Post of Manager Security Services in the Ministry for Gozo published on the Government Intranet on 5th February 2021 through Circular No HR/MG 5/2021 is being withdrawn by virtue of this notice'? Jista’ jgħid x'ħa jiġri issa u f’liema żmien hi ppjanata li terġa’ toħroġ din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sejħa ġiet irtirata minħabba bdil ta’ ċirkustanzi mhux previsti li ġabu magħhom bżonnijiet differenti minn dawk ippjanati fis-sejħa oriġinali. Sejħa simili toħroġ meta jkunu identifikati bżonnijiet relatati ma’ Sigurtà.
Post ta’ Clerk fis-Servizz Pubbliku – kandidati eliġibbli
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19979 u tgħid kemm kien hemm kandidati eleġibbli u li qagħdu għal General Ability Test għall-post ta' Clerk fis-Servizz Pubbliku? Kemm kienet il-pass mark u kemm għaddew minn dan il-General Ability Test? Tista’ tispjega għaliex ladarba dan il-General Ability Test kien wieħed kompjuterizzat (online digital format) ir-riżultat ma ħariġx dakinhar stess, iżda kellhom jgħaddu diversi ġranet biex inħareġ? Tista’ l-Ministru tgħid fuq liema Notice Boards u fejn ġewwa Għawdex u Malta gew ippublikati, kif dejjem sar fis-snin passati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li għas-sejħa tal-post ta’ Clerk fis-Servizz Pubbliku, kien hemm 301-il kandidat eliġibbli, li minnhom 270 għażlu li joqogħdu għall-General Ability Test. Il-passmark kienet 30% u kien hemm 262 kandidat li kiseb dan il-persentaġġ jew aħjar. Minħabba li l-eżami jwassal għal klassifika (i.e. ranking), huwa meħtieġ li l-kandidati kollha jiġu infurmati bil-marka tagħhom fl-istess waqt. Ir-riżultat tal-General Ability Test ġie ppubblikat fuq in-noticeboard tal-Edu Servizz.gov (One Stop Shop) il-Furjana, kif ukoll fuq dik taċ-Ċentru tal-Eżamijiet, ir-Rabat, Għawdex.
B’referenza għall-avviż numru 418 li deher fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta’ Marzu 2021, jista’ l-Prim Ministru jispjega għalfejn fis-skeda li ħarġet ma’ dan l-avviż f’każ ta’ ċertu awtoritajiet pubbliċi bħall-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), dawn ġew speċifikati għalihom waqt li oħrajn bħall-Awtorità Maltija dwar il-logħob (MGA) u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) jidher li ġew inklużi f’kategorija ġenerika li tapplika għall-uffiċjali pubbliċi assenjati ma’ aġenziji tal-Gvern, entitajiet, u organizzazzjonijet pubbliċi oħra?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi l-Istrument ta’ Delega tas-setgħa tal-eżerċizzju tad-dixxiplina fuq uffiċjali pubbliċi, jelenka biss dawk l-entitajiet fejn hemm ammont sostanzjali ta’ uffiċjali pubbliċi li huma detailed magħhom. Meta saret ir-reviżjoni tal-Istrument ta’ Delega, dan sar fuq il-parir li tat il-Public Service Commission.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19651 rigward il-proġett tal-Multi Modal Hub f’Ta’ Xħajma fin-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' għajnuna ta' flus mill-Unjoni Ewropea taħt l- ERDF.07.091 li kienu allokati għal dan il-proġett? Jista' jgħid jekk hux ser ikun hemm minn dawn il-fondi li ser jintilfu? Jista’ jgħid meta hu maħsub li jitlesta dan il-proġett u jibda jintuża mill-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għajnuna ta’ flus mill-Unjoni Ewropeja tlaħħaq l-€4,727,388.00 bir-rata ta’ ko-finanzjament ta’ 80% fondi Ewropej, 20% fondi nazzjonali. Il-Ministeru kommess li jassorbi l-fondi kollha allokati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġetti marittimi tal-Gżira ta' Għawdex jaqgħux taħt il-Ministeru għal Għawdex u jekk iva, jista’ jgħid liema huma dawk il-proġetti marittimi li hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2021? Jista’ jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dawn l-imsemmija proġetti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid fil-preżent, kemm hemm Għawdxin fil-kariga ta’ EU Fund Officer, EU Fund Manager, Manager I, Manager II, Manager, Senior Principle, Principle, Assistant Principle, Executive Officer, Clerks u Assistant Clerks ġewwa Malta u kemm ilhom jaħdmu ġewwa Malta? Jista’ jgħid kemm minn dawn, jiġifieri mill-EU Fund Officer, EU Fund Manager, Manager I, Manager II, Manager, Senior Principle, Principle, Assistant Principle, Executives Officers, Clerks u Assistant Clerks ġew transferred biex jibdew jaħdmu ġewwa Għawdex matul is-snin 2018, 2019 u 2020? Kemm hemm ippjanat li jinġiebu ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Għawdex f'dawn il-gradi matul is-sena 2021?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li fil-karigi msemmija hemm 85 persuna minn Ghawdex. Tlieta ilhom iżjed minn 20 sena, 13 bejn 10 u 20 sena, 29 bejn 5 u 10 snin u 40 inqas minn ħames snin.
Fil-gradi/pożizzjoni imsemmija kien hemm dawn l-impjegati li ġew transferred biex jibdew jaħdmu ġewwa Għawdex
fl-2018 kien hemm 3 persuni;
fl-2019 kien hemm 7 persuni; u
fl-2020 kien hemm 6 persuni.
Rigward kemm hemm ippjanati li jinġiebu ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex fil-gradi/pożizzjonijiet imsemmija, dawn jintbagħtu Għawdex skont il-vakanzi li jkun hemm u skont pjanijiet dwar ir-riżorsi umani.
Fond konsolidat f’Għawdex – nefqa kapitali tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-gvern mill-Fond Konsolidat f'Għawdex kull sena mill-2013 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, pereżempju investiment produttiv, infrastrutturali u soċjal? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta mill-Fond Konsolidat għall-istess oqsma ta’ investiment?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mituba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-ishma u l-assi li nbiegħu mill-Gvern kull sena mill-2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm daħħal flus il-Gvern minn kull wieħed minn dawn l-ishma u assi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellent li matul is-snin imsemmija, id-dħul li ġie rreġistrat fil-Fond Konsolidat mill-bejgħ ta’ isħma kien mill-Malta Public Transport Service Ltd, li kienet involuta fit-tranzizzjoni bejn l-operatur preċedenti tas-sevizz pubbliku, u dak li hemm bħalissa.
Għalkemm il-bejgħ sar permezz ta’ kuntratt f’Dicembru 2014, l-ammonti dovuti daħlu u ser ikomplu jidħlu fil-Fond Konsolidat tul numru ta’ snin; sa issa Eur 700,000 fl-2015, u Eur 888,888 kull sena fis-snin 2016, 2017, 2018, 2019 u 2020.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema taħt il-Permanent Secretary
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16999 u 18174 u jgħid kemm kien hemm, u fil-preżent kemm hemm persuni li jaqgħu taħt ir-responsabilità tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex li huma impjegati bħala Consultants, Persons of Trust, Position of Trust, Contract for Service , Customer Care Representatives OPM jew b'Direct Order sena b'sena u xahar b'xahar mill-10 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li llum hemm persuna waħda li qiegħda abbażi ta’ person of trust basis u li taqa’ mas-Segretarju Permanenti.
Għawdex – L-Għarb – Triq Franġisk Portelli – perit inkarigat mix-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar fuq Triq Franġisk Portelli fl-Għarb, Għawdex, u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux quality control tests u jekk iva minn min saru, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Perit inkarigat huwa uffiċjal tal-Ministeru għal Għawdex.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12318, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' studju u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja u pjanti ta' dawn l-istudji biex issir it-tkabbir tal-helipad tal-Forzi Armati ta' Malta ġewwa Għawdex biex tilħaq il-ħtiġijiet militari ġodda?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi l-istudju ġie konkluż u x-xogħolijiet huma mistennija jibdew fil-jiem li ġejjin.
Għawdex – AFM – rilokazzjoni tal-komponent marittimu
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex waslu t-taħdidiet bejn l-Forzi Armati ta’ Malta, Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Ministeru għal Għawdex għar-rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan l-AFM ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li t-taħdidiet dwar ir-rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta ġewwa Għawdex għadhom għaddejjin bil-għan li tinstab l-aħjar soluzzjoni.
In vista li l-Ministru ħabbar riforma fil-pitkalija f’Lulju tas-sena l-oħra u reċentement qal li b’differenza għall-Ministru ta’ qabel hu qed iwettaq ir-riforma tal-pitkalija, jista’ l-Ministru, iniżżel punt punt liema huma dawk il-miżuri konkreti li bihom qed tiġi riformata l-pitkalija u jindika l-benefiċċju li qed jieħdu l-bdiewa minn kull miżura?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru l-preparamenti għall-implimentazzjoni tar-riforma u l-pjan li kien tħabbar is-sena l-oħra beda jitwettaq. Sa issa tlestiet is-sistema eletronika u għaddej ukoll proċess ta’ reġistrazzjoni tal-istakeholders kollha li jagħmlu użu mill-Pitkalija, jiġifieri bdiewa, xerrejja, pitkala u ħaddiema oħra. Dawn kollha se tingħatalhom card uffiċjali.
Dan ix-xahar se jitniedi l-proġett pilota mal-Koperativa Ċentrali tal-Bdiewa li se jkun katalist sabiex tiddaħħal ir-riforma ġewwa l- Pitkalija. Dan il-proġett se jkun jinkludi bidu ta’ dħul ta’ standards fuq il-prodotti, barcoding fuq il-kaxxi, kif ukoll reġistrar tal-prodott ġewwa s-sistema elettronika l-ġdida. Dan kollu se jgħin sabiex ikun hemm traċċabilta’ u kontroll fuq il-prodotti li jiddaħlu u jinbiegħu minn ġewwa l-Pitkalija.
Ta’ min isemmi, li l-Gvern għaddej b’kampanja bl-isem ta’ “Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk” li għandha l-għan li tippromwovi s-settur speċifikament, il-produzzjoni agrikola f’Malta u titnissel kultura biex il-konsumatur Malti jagħti tali priorità fl-għażliet tiegħu biex dejjem jaġevola l-prodott lokali, frott il-ħidma tal-bdiewa tagħna.
Finalment ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li, kontra l-impressjoni li qed jipprova jagħti u kontra dak li kien jiġri fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, din l-amministrazzjoni tikkordina ħidma sħiħa u ħolistika għall-ġid tal-poplu kollu Malti u Għawdxi.
Eliminazzjoni tal-importazzjoni tas-single use plastics – studju tal-impatt finanzjarju u ekonomiku fuq il-bdiewa u raħħala
Question
In vista tal-fatt li l-Gvern ta’ Malta ħabbar il-mira li fl-aħħar ta’ din is-sena jelimina l-importazzjoni tas-Single Use Plastics minn Malta, jista’ l-Ministru, jippubblika l-istudju dwar l-impatt finanzjarju u ekonomiku li din il-miżura ser ikollha fuq il-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin:
1. fil-produzzjoni tal-prodotti agrikoli tagħhom u jekk hemmx prodotti li bħalissa qed ikunu importati u li l-importazzjoni tagħhom ser ikollha titwaqqaf? u
2. fil-preżentazzjoni tal-prodotti agrikoli għall-konsumatur u kif ser jiġi impattat il-prodott lokali meta jikkompeti mal-prodott impurtat?
Response (REFALO, ANTON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 20185, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali ser jibqa’ jsegwi l-iżviluppi dwar kif il-mira li telimina l-importazzjoni tas-Single Use Plastics ser taffetwa lill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk, flimkien mal-Ministeru kkonċernat, qed isiru diskussjonijiet sabiex jiġi mfassal pjan għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea tas-Single Use Plastics.
Nitlob li din il-mistoqsija tiġi rriferuta lill-Ministeru kkonċernat peress li din ser taffettwa lis-setturi in ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid x'produzzjonijiet/films inġibdu ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films? Kemm huwa ppjanat li jinġibdu produzzjonijiet/films ġewwa Għawdex matul il-kumplament tas-sena 2021 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020 ma kien hemm ebda produzzjoni barranija li nġibdet f’Għawdex. Dan peress li produzzjoni li fil-fatt kienet ser tingibed f’Għawdex, giet posposta ghal din is sena minħabba l-imxija tal-COVID-19.
Ta’ min isemmi li kien hemm produzzjoni lokali li bbenfikat minn fondi tal-Malta Film Fund (illum magħrufa bħala Screen Malta) li ġibdet għal xi jiem f’Għawdex u li kellha nefqa totali ta’ madwar 20 elf Ewro.
Għal 2021 s’issa hemm żewġ produzzjonijiet ippjanati li ser jinġibdu f’April u f’Mejju. L-ewwel produzzjoni hija serje Ingliża li ser tinġibed f’bosta lokazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. It-tieni produzzjoni hija
reality show
li ser jinġibed kollu f’Għawdex fuq medda ta’ 24 ġurnata. Huwa stmat li matul il-ġbid tagħhom, dawn iż-żewġ produzzjonijiet flimkien ser ikunu qed jonfqu ‘l fuq minn 4 miljun Ewro.
Intant, il-Kummissjoni Maltija għall-Films għaddejja b’ħidma kontinwa biex tattira aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna, inkluż lejn Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan (PA07491/16) għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar tas-sena 2021 hu ppjanat li jiġi approvat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni għadha dik kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13490, cioè, li l-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (PA07491/16) għaddiet mill-proċess ta’ “screening” u bħalissa l-Awtorità qegħda tistenna l-informazzjoni li ntalbet fl-iscreening letter sabiex tkun tista’ tivvalida u tibda tipproċessa din l-applikazzjoni. Il-Perit talab għal aktar estensjoni ta’ żmien sa biex ikun jista’ jwieġeb għall-informazzjoni mitluba.
Awtorità dwar l-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex – post
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn qed topera l-Awtorità dwar l-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm qed jitħallas kera kull xahar għall-post li minnu qed topera din l-Awtorità? Jista' jgħid kemm-il metru kwadru ta' uffiċċini kriet din l-Awtorità u minn għand min kriethom? Jista' jgħid għal kemm żmien inkera dan il-post? Minn fejn hemm il-ħsieb li topera b'mod permanenti din l-Awtorità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità dwar l-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex qed topera mill-bini tal-Innovation Hub, li jinsab fi Triq il-Pitkalija, ix-Xewkija. L-użu tal-post - abbażi ta’ temporary agreement - hu ta’ €1,991.25 (exl. VAT) fix-xahar. L-użu tal-post hu fuq bażi ta ‘temporary agreement’ minn xahar għal xahar suġġet għal ‘encroachment fee’. Apparti hekk, il-GRDA qed tuża madwar 177 metru kwadru minn għand Indis Malta. Bħalissa l-Awtorita qed tagħmel l-evalwazzjonijiet tagħha, għal post permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta u kemm ser ikun hemm pontoons fil-Port tal-Imġarr f'Għawdex li mhux ser ikunu operati mill-kuntrattur privat? Jista' jgħid kemm minn dawn ser ikunu għas-sajjieda, kemm għall-sajjieda full time u kemm għal dawk part time? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li jiġu allokati dawn il-pontoons?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex meta xi ħadd minn Għawdex iċempel fuq il-112 jaqbad ma’ Malta? Jista' jgħid għaliex kien hemm okkażżjonjiet fejn persuni ċemplu 112 minħabba xi emerġenza f'Għawdex u x’ħin qabdu talbuhom in-numru u qalulhom biex jaqtgħu t-telefonata u li ser iċemplulhom lura minn Għawdex? Ma jaħsibx li dan għandu jinbidel biex it-telefonata tgħaddi direttament fl-emerġenza f'Għawdex u dan għaliex f'ċertu ċirkostanzi kull minuta tgħodd biex tiġi salvata ħajja ta 'persuna?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.