Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il twelid kien hemm f’Għawdex kull sena mis-sena 2016 sas-sena 2021? Jista’ jgħid minn dawn it-twelid kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li t-tnejn kienu ċittadini Maltin? Kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li huma t-tnejn ta’ ċittadinanza barranija u kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li wieħed jew waħda huma ċittadini Maltin u l-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin barrani?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha tintalab lill-Ministeru kkonċernat.
Għawdex – Ċittaddella – rampa fi Pjazza Katidral — passi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jieħu u ħa l-Ministeru tiegħu biex issa li ġie stabbilit li r-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella f'Għawdex mhix skont il-guidelines Access for All tittranġa u tkun skont dawn il-guidelines? Ma jaħsibx il-Ministru li dan proġett tal-Gvern li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea kellu jkun ta' eżempju kif ikun aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment għall-persuni bi problemi ta' mobilità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rampa li hemm fil-Pjazza tal-Katidral fiċ-Ċittadella saret skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-permess approvat mill-MEPA tal-2011: PA00656/11. Infakkar li r-rampa msemmija ġiet imtawla skont il-permessi ndikati sabiex tkun aktar aċċessibbli, kemm għal vetturi li joffru servizzi kif ukoll mijiet ta’ viżitaturi li jżuru l-post. Nassigura li l-flus minfuqa minn fondi Ewropej ġew investiti bl-aħjar mod u x-xogħlijiet li saru għamlu liċ-Ċittadella fil-maġġoranza assoluta aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment għal persuni bi problemi ta’ mobilità.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Learning Support Assistants (LSAs) Għawdxin jaħdmu f'Malta? Tista’ tgħid jekk hemmx lista ta’ seniority fost dawn l-LSAs Għawdxin u jekk iva, fuq xiex hi bbażata u hijiex lista pubblika? Tista’ tgħid jekk din il-lista ta’ seniority hijiex qed tintuża biex dawn jintbagħtu Għawdex meta jkun hemm il-vacancies f’Għawdex? Tista’ tgħid meta ntużat l-aħħar din il-lista ta’ seniority u kemm ġew trasferiti LSAs lejn Għawdex mill-Elezzjoni Ġenerali tat-2017 sal-lum?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 17440 u 20059. L-aħħar li ntużat il-lista tas-seniority kien f’Jannar 2021. Mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2017 (Ġunju 2017) ġew trasferiti 21 LSEs.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom liċenzja tal-kaċċa f’Għawdex illum u kemm kien hemm persuni li kellhom liċenzja tal-kaċċa fl-2017? Jista’ jgħid kemm hemm persuni li għandhom liċenzja għall-insib f’Għawdex illum u kemm kien hemm persuni li kellhom liċenzja għall-insib fl-2017?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 20342 - Għawdex – liċenjza tal-kaċċa u tal-insib - paper's laid.pdf
Qala Għawdex — Istitut għat-Turiżmu – korsijiet offruti
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2020/2021 kemm kien hemm korsijiet offruti fl-Istitut għat-Turiżmu tal-Qala Għawdex? Liema kienu dawn il-korsijiet? Kemm bdew studenti għal kull kors u kemm spiċċaw il-kors fl-aħħar tas-sena skolastika? Jista' jgħid kemm hemm impjegati full-time u part-time fl-istess Istitut u x’inhu x-xogħol ta' dawn l-impjegati? Kemm kienet l-ispiża rikorrenti totali ta' dan l-Istitut għas-sena 2020 u kemm kienet l-ispiża kapitali fl-istess sena?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena akkademika 2020/21 qed jiġu offruti erba’ korsijiet fl-Istitut għat-Turiżmu ġewwa Għawdex. Dawn huma:
· Foundation – 4 studenti
· Certificate in Food Production and Preparation – 5 studenti
· Climate Friendly Travel – 40 student
· BSc in Diving Safety – 9 studenti.
Fl-Istitut hemm 11-il impjegat full-time (amministratur, security, cleaners u tradesman) u 9 impjegati part-time (letturi). L-ispiża rikorrenti għas-sena 2020 kienet ta’ €238,097.72 u dik kapitali kienet ta’ €32,717.30.
Għawdex — Proġetti ta’ Cruise Liner Terminal u Yacht Marina f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess quddiem il-Privatisation Unit sabiex isiru Cruise Liner Terminal u Yacht Marina oħra f'Għawdex? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn iż-żewġ proġetti li kienu mwiegħda fil-programm elettorali tal-Partit Laburista?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fil-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x’inhi l-kompetenza ta’ kull Direttur Ġenerali, Direttur u Assistent Direttur u min qed jokkupa dawn il-karigi fil-preżent? Jista’ jgħid kull Direttur Ġenerali u kull Direttur kemm għandu impjegati taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 20345 - Ministeru għal Għawdex – Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi.pdf
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'WORKS TENDER FOR THE RE-INSTATEMENT OF RUBBLE WALLS AT TRIQ TAL-LOGGA, XEWKIJA (CfT CA Unique ID: XLC/10/2020)' u jgħid fiex wasal il-proċess biex din l-imsemmija tender tiġi awarded?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li għadhom kemm ingħalqu l-evalwazzjonijiet tal-offerti mitfugħa. L-evalwazzjoni tgħaddi għall-approvazzjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-iskejjel f'Għawdex li sar xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul is-sena 2020? Meta sar dan ix-xogħol f'kull skola? Fiex kien jikkonsisti l-istess xogħol f'kull skola u kemm ġie jiswa? Tista’ tgħid x'tip ta' manutenzjoni u fiex tikkonsisti u f’liema skola hemm ippjanata li ssir matul din is-sena u kemm hi ppjanata li tiġi tiswa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru fl-iskejjel f’Għawdex matul is-sena 2020, li laħqu €65,845, huma kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Matul din is-sena hemm ippjanat xogħol ta’ manutenzjoni f’dawn l-iskejjel:
· Skola Primarja Għarb
· Skola Primarja Għajnsielem
· Skola Primarja Kerċem
· Skola Primarja Nadur
· Skola Primarja Qala
· Skola Primarja Rabat
· Skola Primarja San Lawrenz
· Skola Primarja Sannat
· Skola Primarja Xagħra
· Skola Primarja Xewkija
· Skola Primarja Żebbuġ
· Skola Sekondarja Victoria
Ix-xogħlijiet f’dawn l-iskejjel mistenni jkopri, fost oħrajn, tibjid, rinnovazzjoni ta’ bibien, tibdil ta’ madum, tikħil u żebgħa, tibdil ta’ poġġamani, toilets, installazzjoni ta’ blinds, installazzjoni ta’ lift u rinnovazzjoni ta’ ċerti zoni li hemm fil-binjiet ta’ dawn l-iskejjel.
In-nefqa totali għal dawn ix-xogħlijiet se tammonta għal €497,490, li hija aktar minn seba’ darbiet iżjed minn nefqa li kien hemm is-sena l-oħra fuq manutenzjoni fuq l-iskejjel pubbliċi f’Għawdex.
Attachments:PQ 20326 - Skejjel f'Għawdex - xogħol ta' manutenzjoni - 2020.pdf
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-esportazzjoni ta' prodotti manifatturati f’Għawdex għal kull sena, mill-1 ta' Jannar sal-aħħar ta' Diċembru, għas-snin 2017, 2018, 2019 u 2020?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istatistika dwar l-esportazzjoni, toħroġ għall-Malta kollha, inkluz t’Għawdex, għalhekk m’għandniex informazzjoni għal Għawdex biss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar mill-Ministeru tiegħu f'Għawdex kull sena mis-sena 2015 'l hawn? F’liema lokalitajiet u x'tip ta' siġar kienu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għas-snin 2015 sa 2018 ingħatat f’PQ 6406, filwaqt li l-informazzjoni għas-snin 2019 sal-lum tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 20336 - Ministeru għal Għawdex Tħawwil ta' Siġar.pdf
MCCAA – Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – ilmenti dwar riklami qarrieqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2020 s’issa kemm ilmenti rċieva l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA dwar riklami qarrieqa u skont liema settur kienu? F’kull każ, jista’ jelenka l-eżitu finali? Jista’ jgħid fil-preżent f’kemm-il proċedimenti legali quddiem il-qrati hu parti fihom id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur? F’kull każ, jista’ jelenka l-Qorti li quddiemha jinsab il-każ u dwar xiex jittratta l-każ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2020 sa issa l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur irċieva għoxrin ilment li kienu relatati ma’ reklamar qarrieqi. Dawn l-ilmenti jikkonċernaw reklamar ta’ offerti fuq servizzi jew prodotti fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, stabbilimenti ta’ ħwejjeġ, prodotti elettroniċi u għamara, ristoranti u caterers, supermarkets, trattamenti mediċi u kosmetiċi, pannelli solari u fwejjaħ.
Minn dawn l-għoxrin ilment, tnejn ġew reġistrati minn konsumaturi individwali għal rimedju u jirrigwardaw servizzi tat-telekomunikazzjoni, fejn f’każ minnhom intlaħaq ftehim amikevoli u l-każ l-ieħor ġie rtirat.
L-eżitu tal-każijiet l-oħra huwa li f’erba’ każijiet ma kienx hemm ksur, ħames każijiet għadhom pendenti u qed jiġu analizzati fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, supermarkets u pannelli solari, u fil-kumplament tal-każijiet l-oħra l-kummerċjanti kkonċernati rregolarizzaw ruħhom billi biddlu jew waqqfu r-reklam qarrieqi wara li saret komunikazzjoni uffiċjali mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Il-każ li jirrigwarda trattamenti mediċi ġie riferut lill-entita’ responsabbli fejn qed tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Għall-aħħar żewġ mistoqsijiet, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm tliet każijiet li għadhom miftuħa u dawn huma relatati mal-artikolu 25A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur preċedenti, jiġifieri l-Att ta’ qabel l-emendi tal-2011, quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, Ġudikatura Kriminali. Ta’ min jikkjarifika li dawn il-każijiet mhumiex dwar reklamar qarrieqi iżda minħabba li l-kummerċjanti ma kinux osservaw id-deċiżjonijiet tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur. Hemm ukoll każ pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell rigward operatur fil-kamp tat-telekomunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol sar fil-Korsa taż-Żwiemel ġewwa Ta’ Xħajma, f’dawn l-aħħar ħames snin? Kemm sewa dan ix-xogħol u jekk dan sarx b'direct order jew b’tender? Jista’ jgħid kemm inxtraw affarijiet f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom inxtraw b'direct order jew b’tender? Jista’ jgħid kemm kien hemm ħaddiema, x'inhu l-grad tagħhom li kienu qed jaħdmu f'din il-korsa taż-żwiemel u min ħallas il-pagi ta' dawn il-ħaddiema, sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' xogħlijiet hemm ippjanat li jsir fix-xhur li ġejjin f'din il-korsa taż-żwiemel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hemm lista tax-xogħlijiet li saru u tal-ħaddiema li hemm jaħdmu ġewwa l-Korsa taż-Żwiemel. Barra minn hekk għax-xhur li ġejjin hemm maħsub aktar tisbiħ u rinovar biex il-Korsa tkun attrezzata u miftuħa għal aktar dixxiplini sportivi.
Attachments:PQ 20317 - Ta’ Xħajma – korsa taż-żwiemel.pdf
'Tender for the provision of health and safety services for road reconstruction works around Gozo
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement mill-Ministeru tiegħu li hi 'Tender for the provision of health and safety services for road reconstruction works around Gozo. ( MGOZ/MPU T 73/2020)'? Jista’ jgħid ukoll kif ġie magħżul min f'dawn l-aħħar ħames snin kien jagħti dan is-servizz u min fil-preżent qed jagħti dan is-servizz u kif intgħażel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender qiegħed fl-istadju ta’ evalwazzjoni. Fl-aħħar ħames snin dan is-Servizz kien qed jiġi offrut minn diversi service providers f’dan il-qasam.
'Tender for the Provision of Archaeological Monitoring Services during the Reconstruction of Foreman and By the Bastion Roads, Victoria as well as Ramla Road, Xagħra'
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'Tender for the Provision of Archaeological Monitoring Services during the Reconstruction of Foreman and By the Bastion Roads, Victoria as well as Ramla Road, Xagħra' (MGOZ/MPU T 83/2020)? Jista’ jgħid min qed jipprovdi dan servizz fi triq Foreman peress li din it-triq ilu xhur għaddej xogħol fija u din l-imsemmija tender (MGOZ/MPU T 83/2020) għadha ma ġietx awarded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Tender qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni. Is-servizz qed jiġi pprovdut mis-sur Joseph Grima, li mill-informazzjoni li għandu dan il-Ministeru, huwa l-unika arkeologu f’Għawdex li jipprovdi dan is-servizz.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema seconded jew on loan
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18374 fl-intier tagħha jiġifieri kollha kemm hi u jgħid kemm kien hemm u hemm ħaddiema seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena u xahar b’xahar mill-1 ta' Ġunju 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x'kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description), u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Enemalta – ħaddiema li ġew trasferiti ma’ kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Enemalta u li ġew trasferiti mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li qed jaħdmu mal-Ministeru għal Għawdex? Tista’ tgħid kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin, xi grad u kemm-il sena kien ilhom jaħdmu mal-Enemalta kull wieħed u waħda minn dawn l-individwi? ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema msemmija ġew trasferiti lill-Engineering Resources Limited u mhux kif ġie riferut separatament. B’kollox kien hemm tmintax (18) il-impjegat li minnhom sbatax (17) huma Għawdxin u wieħed (1) huwa Malti.
L-informazzjoni mitluba rigward kemm-il sena kienu ilhom jaħdmu u l-grad tal-ħaddiema hi ta’ natura personali, b’hekk skont il-liġi tal-GDPR din l-informazzjoni ma tistgħax tingħata.
Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet – membri
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri appuntati fuq il-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet a tenur tal-artikolu 24 tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi Kap. 81? Meta ġew appuntati u t-tul tal-ħatra tagħhom?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar s’issa dwar l-implimenatazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur? Jista’ jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li ssir konsultazzjoni pubbliku wiesa’ dwar l-istess u jekk iva meta hi intenzjonata li ssir?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 inbeda, u fil-fatt l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħadet ukoll sehem fil-laqgħat organizzati mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Huwa ppjanat li ssir konsultazzjoni pubblika fix-xhur li ġejjin.