Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #20551 Sitting 459 2021-05-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – proġetti ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti ta' restawr inbdew f'Għawdex matul is-sena 2021 mill-Ministeru għal Għawdex u xi proġetti oħra ta' restawr hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2021?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li nbdew, jew huma ppjanati li jsiru matul din is-sena, huma: ir-restawr taż-żewġ niċeċ fid-daħla taċ-Ċitadella, ir-Rabat Għawdex; in-Niċċa tal-Madonna tas-Sellum, ix-Xagħra Għawdex; Pont ta’ Sdieri; u l-Akwedotti.
Leg 13 PQ #20552 Sitting 459 2021-05-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-tender li ħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti u li għalqet fit-22 ta' Settembru 2020 CfT: CT2281/2019 - 'Tender to Finish, Furnish, Equip, Operate, Manage, Maintain and Transfer Back Dar San Ġużepp, Għajnsielem, Gozo as a Long Term Care Facility for Elderly with Environmental Friendly items' u jgħid meta hu maħsub li din it-tender tiġi awarded?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport tal-evalwazzjoni tat-tender imsemmija ġie pprezentat quddiem il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti nhar it-Tlieta 27 t’April. Il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti qed janalizza r-rakkomondazzjani tal-Bord tal-Evalwazzjoni sabiex ikun jista’ jieħu deċizjoni finali dwarha.
Leg 13 PQ #20553 Sitting 459 2021-05-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra Għawdex – Għar ta’ Calypso — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso fix-Xagħra u jgħid x'tenders ħarġu s’issa u x’tip ta' xogħlijiet infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru fuq dan il-post u l-akkwati tiegħu matul din is-sena? Jista’ jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan il-proġett ferm importanti għal gżira Għawdxija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tenders għax-xogħlijiet infrastrutturali mistennija joħorġu hekk kif il-Ministeru għal Għawdex jottjeni l-permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali – ħaddiema li jaħdmu Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu, li jaħdmu ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fejn jaħdmu bħala post, x'tip ta' xogħol jagħmlu u kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tiegħu u kemm ilhom jaħdmu f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Ġbir ta' karozzi abbandunati mill-pulizija f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza abbandunata nġabret mill-Pulizija f’Għawdex mis-sena 2015 sal-lum? Huwa minnu li l-pulizija f’Għawdex mhux qed jiġbru karozzi abbandunati madwar Għawdex għaliex mhemmx post fejn jinżammu? X’se jagħmel il-Ministeru biex jipprovdi post fejn jinġabru dawn il-vetturi li jkunu tneħħew mit-toroq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ karozzi abbandunati li nġabru mill-Pulizija f’Għawdex mis-sena 2015 sal-lum kien ta’ (62). Karozzi abbandunati qed jinġabru minn kuntrattur f’Għawdex sakemm dawn jiġu skrapjati. Infurmat li l-Korp tal-Pulizija mhux l-unika entità responsabli minn ġbir ta' vetturi abbandunati. Il-Pulizija dejjem jimxu skont dak li tgħid il-liġi f’dan ir-rigward
Leg 13 PQ #20544 Sitting 458 2021-05-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ta’ Sannat – Triq Sannat – sinjali fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet u għala Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, għadha ma saritx fiha zebra crossing kif ukoll is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li jifred karreġjata minn oħra? Jista’ jgħid meta ser isiru peress li hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-sinjali fit-toroq se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.

Inċidenti tat-traffiku fit-triq li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’kollox kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku li ġew irrapurtati lill-gwardjani lokali jew pulizija kull sena mill-2015 sal-lum, maqsuma sena b' sena, fi Triq l-Imġarr li twassal mill-Port tal-Imġarr sar-Rabat Għawdex u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-inċidenti tat-traffiku rapportati fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant, fl-akwati indikati minnu huma maqsuma kif ġej: fl-2015 - 118; fl-2016 - 92; fl-2017 - 116; fl-2018 - 105; fl-2019 - 106; fl-2020 - 84; u sal-31 ta' Marzu 2021 - 17.

Għawdex u Kemmuna – vetturi u muturi tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura u mutur għandu l-Korp tal-Pulizija ġewwa Għawdex u Kemmuna? Jista' jgħid kull vettura x'marka hi u ta' liema sena hi? Jista' jgħid għal kull vettura jew mutur, mil-liema taqsima tal-Pulizija ġewwa Għawdex qed jintuża? Liema minnhom bħalissa mhux qed jintużaw minħabba ħsara? Jista’ jgħid xi ħsara għandha kull vettura li mhux qed tintuża u meta hu maħsub li kull vettura li hija wieqfa, terġa’ tibda tintuża?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li bħalissa l-Korp tal-Pulizija f'Għawdex u Kemmuna għandu 29 vettura, jiġifieri 15 -il karozza u 12 -il mutur, quad bike u dagħjsa. Il-marki ta’ dawn il-vetturi huma BMW, Mitsubishi, Peugeot, Honda, Fiat, Ford, Toyota, Aeon, u Drago. 11 il-vettura minnhom huma ta' qabel l-2011 u l-bqija huma kollha ta' bejn l-2013 u l-2019. Minn dawn hemm mutur li dalwaqt jerġa' jibda jintuża u vettura oħra li għandha ħsara fil-magna.

Uffiċċju tas-SEM (MEUSAC) f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent fejn jinsab l-uffiċċju f’Għawdex tas-SEM (MEUSAC) u f’liema ħinijiet qed jinfetaħ għas-servizz tal-Għawdxin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-uffiċċju ta' SEM f'Għawdex jinstab fl-NGO Centre, Triq il-Madonna tar-Rummiena, Ix-Xewkija XWK 9082. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-07:45 sas-14:15, mit-Tnejn sal-Ġimgħa. L-uffiċċju jista' jiġi kkuntattjat fuq 21552868. Id-dettalji ta’ kuntatt jinsabu fil-website u l-paġna ta’ facebook tal-aġenzija. Wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, il-klijenti xorta jistgħu jibagħatu e-mail fuq info.sem@gov.mt sabiex jitolbu aktar informazzjoni jew jagħmlu appuntament sabiex issir laqgħa u jingħataw tagħrif aktar dettaljat. Ix-xogħol li jitwettaq minn SEM f’Għawdex mhuwiex biss xogħol li jsir fl-uffiċċju imma anke lil hinn minnu.
Leg 13 PQ #20548 Sitting 458 2021-05-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ kull direct order

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kull direct order, kienet ta’ liema valur kienet, li ta kull dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, matul is-sena 2020? Jista’ jgħid f’kull każ x’inxtara jew x’servizz ingħata, kif ukoll il-valur u min ġie mħallas?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni tkun ippubblikata perjodikament fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Leg 13 PQ #20549 Sitting 458 2021-05-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema trasferiti fil-kunvent ta’ Santu Wistin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ġimgħat kemm ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex ġew trasferiti ġewwa l-kunvent ta' Santu Wistin? Jista’ jgħid jekk din il-binja għandhiex il-faċilitajiet kollha ta’ sigurtà u aċċess skont il-liġi rikjesti mill-Health and Safety Authority? Jista’ jgħid jekk sarx accessibility audit ta' din il-binja mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u jekk iva, jista' jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 53 ħaddiem tal-Ministeru għal Għawdex li temporanjament ġew trasferiti f’parti mill-Kunvent ta’ Santu Wistin. Il-ħaddiema ġew trasferiti f’dan il-post għal perjodu temporanju biex ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet ta’ rinovar fuq il-binja amministrattiva li tinkorpora l-Ministeru għal Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett il-binja kollha, għall-ewwel darba, se issir aċċessibli għal kulħadd skont il-liġi kif rikjest mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà. Il-ħaddiema trasferiti temporanjament fil-Kunvent ta’ Santu Wistin jagħmlu xogħol ta’ back office u ma jarawx pubbliku. L-istess ħaddiema sa ftit ġimgħat ilu kienu jaħdmu f’parti mill-binja amministrattiva tal-Ministeru li bħalissa għadha mhix aċċessibbli. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li bosta minn dawn il-ħaddiema bħalissa qed jgħamlu l-parti l-kbira minn xogħolhom permezz ta’ telework.

Raħħala u Sajjieda full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ raħħala full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib man-numru ta’ raħħala full-time f’Malta u Għawdex kollu sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda kollha f’Malta u Għawdex sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda part-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda part-time ta’ Malta u Għawdex kollha sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ full-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-full-time farmers kollha fil-pajjiż sal-aħħar tas-sena 2020? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ part-time farmers ġewwa Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-part-time farmers fil-pajjiż kollu sal-aħħar tas-sena 2020?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru li jiena tiegħu responsabbli ma jinżammux rekords ta’ sajjieda reġistrati, iżda ta’ bastimenti tas-Sajd reġistrati. Ninsab infurmat li n-numru ta’ bastimenti full-time f’Għawdex fl-aħħar tas-sena 2020 kien ta’ 65, li huwa 7.7% tal-bastmenti full-time kollha f’Malta u Għawdex. Filwaqt, li n-numru ta’ bastimenti part-time f’Għawdex fl-istess perjodu kien ta’ 99, li huwa 21.4% tal-bastiment part-time kollha f’Malta u Għawdex. Fir-rigward tar-raħħala, sal-31 ta’ Diċembru 2020 f’Għawdex kien hemm 544 raħħala attivi reġistrati, filwaqt li f’Malta kien hemm 1408. Ma tinzammx informazzjoni dwar jekk dawn humiex full-time jew part-time. In-numru ta’ persuni rreġistrati bħala bdiewa sal-llum huwa ta’ 6,373 f’Malta, u 2,127 f’Għawdex. Ninfurmak ukoll li ma tinżammx informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex full-time jew part-time.
Leg 13 PQ #20539 Sitting 457 2021-05-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija – Triq il-Mitħna – perit inkarigat mix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien il-Perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq il-Mitħna fix-Xewkija? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-Perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f’liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Residenti Għawdxin – vetturi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi reġistrati lil sidien li huma residenti t’Għawdex? Jista’ jaqsam dan l-ammont f’karozzi, vetturi kummerċjali u muturi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport bl-ammont ta’ vetturi ta’ sidien li huma residenti t’Għawdex.
Leg 13 PQ #20541 Sitting 457 2021-05-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Presidenti tal-Kunsilli tal-Iskejjel ta’ Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-Presidenti tal-Kunsilli tal-Iskejjel ta' Għawdex kollu? Tista' jgħid f'kull każ, il-persuna li qed isservi bħala President tal-Kunsill Skolastiku ġietx nominata mill-Ministru wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-lokalità u jekk hi nnominatx lill-persuna nominata mill-Kunsill inkella nnominat lil dik il-persuna li dehrilha hi? F'każ li l-Ministru ma mxietx mal-parir tal-kunsill lokali, tista' tagħti r-raġuni għaliex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li filwaqt li l-Kunsilli għandhom il-fakultà li jinnominaw, l-għażla finali hija f’idejn il-Ministru. L-ittri tal-ħatra sejrin jintbagħtu fil-jiem li ġejjin.
Leg 13 PQ #20542 Sitting 457 2021-05-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ esperti u konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-esperti u konsulenti li hu u l-Ministeru tiegħu u dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, kellhom matul is-sena 2020 u li għad għandhom fil-preżent? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista: a. bl-ismijiet; b. kemm qegħdin jitħallsu mill-istess Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu; u c. jagħti l-informazzjoni dwar dawn l-esperti u konsulenti u ta’ xiex huma esperti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 19216.
Leg 13 PQ #20543 Sitting 457 2021-05-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kemmuna – siti storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka s-siti storiċi li hemm fuq Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hemmx siti minn dawn li huma devoluti u lil min huma devoluti? Jista’ jgħid x’qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex f’kull sit li hemm f’Kemmuna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat. Il-Ministeru għal Għawdex mhux għaddej b’xogħol strutturali u/jew ta’ restawr fuq siti storiċi f’Kemmuna.
Leg 13 PQ #20444 Sitting 456 2021-05-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kemmuna – xogħlijiet — perit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-perit (ditta ta' periti) inkarigata mill-pjanti/designs kif ukoll mix-xogħol li beda fl-aħħar ġimgħat ġewwa Kemmuna? Jista’ jgħid kif intgħażlu meta ntgħażlu u kemm tħallas s’issa l-perit (ditta ta' Periti) inkarigati minn dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-periti imqabbda mill-Ministeru huma tad-ditta tal-periti William Lewis. Dawn intgħażlu abbażi tal-esperjenza tagħhom f’dawn it-tip ta’ xogħlijiet ta’ natura sensittiva fis-sena 2020 u s’issa tħallset s-somma ta’ € 3,650.00.

Imġarr Għawdex – pontoons fil-Port

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20108 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta u kemm ser ikun hemm pontoons fil-Port tal-Imġarr f'Għawdex li mhux ser ikunu operati mill-kuntrattur privat? Jista' jgħid kemm minn dawn ser ikunu għas-sajjieda, kemm għall-sajjieda full-time u kemm għal dawk part-time? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li jiġu allokati dawn il-pontoons?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li ser ikun hemm total ta 3 puntuni ġodda ta’ daqsijiet differenti bejn 27 u 55 metru. Kif ukoll estensjoni ta’ 30 metru fuq wieħed mill-puntuni ezistenti. Bil-puntuni ġodda inkluzi, ser ikun hemm total ta’ 7 puntuni ta’ daqsijiet differenti u li m’humiex ser ikunu operati minn xi kuntrattur privat. Dawn il-puntuni għandhom ikun fil-post sa l-aħħar ta’ Mejju 2021. Fl-allokazzjoni tal-irmiġġi ġodda li se jinħolqu b’dawn il-puntuni se tingħata prijorita’ lid-dgħajjes tas-sajjieda kemm full-time kif ukoll part-time. Barra minn hekk, wara interventi strutturali fuq il-mollijiet e¿istenti, nħoloq aktar spazju biex jiġu allokati aktar dgħajjes.

Tender

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'CfT title: IM049/2019 Prequalification questionnaire (PQQ) for the award of a concession contract for the design, build, finance, operate, maintain and transfer of a Malta-Gozo (partly sub-sea)' li għalqet fl-4 ta' Ġunju 2020 u jgħid fiex wasal il-proċess ta' din l-imsemmija offerta biex tiġi awarded?

Response (BORG, IAN)

Il-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex jinkludi l-bini ta’ mina twila 14-il kilometru, parti minnha taħt il-baħar, li jkollha żewġ korsiji għall-vetturi, waħda f’kull direzzjoni, bi spazju bejniethom li jkun wiesgħa biżżejjed għall-inġenji t’emerġenza. Din il-konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer se telimina l-isfidi ekonomiċi u soċjali li l-familji u n-negozji Għawdxin ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom diversi snin minħabba l-limitazzjonijiet li jeżistu fis-servizzi eżistenti bil-baħar u bl-ajru. L-ippjanar tal-Proġett tal-Mina bejn Malta u Għawdex beda diversi snin ilu meta Transport Malta kienet varat diversi studji tekniċi, soċjali u ekonomiċi dwar il-vijabilità tal-proġett. Infrastructure Malta ġiet fdata b’dan il-proġett malli twaqqfet fl-2018. Ftit wara, f’Diċembru tal-istess sena, l-aġenzija ppubblikat pre-information notice fejn ħabbret li kienet se tniedi proċess kompetittiv biex tagħżel il-konċessjonarji li hemm bżonn biex tinbena din l-infrastruttura ġdida. Fl-2019, Infrastructure Malta intensifikat il-ħidma fuq l-istudji preliminari li kienu meħtieġa biex tvara dan il-proċess. F’Jannar tal-2020, l-aġenzija nediet l-ewwel stadju minn tlieta tal-proċess li għandu jwassal biex jintgħażel il-kunċessjonarju li ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-Mina bejn Malta u Għawdex għal numru predefinit ta’snin. Fl-ewwel stadju ta’ dan il-proċess kompetittiv, dak tal-pre-qualification questionnaire (PQQ), l-aġenxija stiednet lill-offerenti prospettivi biex jipprovdu informazzjoni u dokumentazzjoni li juru li diġà għandhom esperjenza fil-bini ta’ mini simili, li għandhom rekord tajjeb fl-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll li għandhom il-kapaċità teknika u finanzjarja biex iwettqu dan il-proġett b’suċċess. Iż-żmien biex isiru is-sottomissjonijiet tal-PQQ skada l-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 2020. Infrastructure Malta rċeviet erba’ sottomissjonijiet minn kumpaniji internazzjonali u konsorzji li huma interessati li jibnu u joperaw il-mina. Bord tal-Evalwazzjoni qed jevalwa l-pre-qualification questionnaires skont il-kriterji li kienu stabbiliti fid-dokumentazzjoni tal-PQQ ippubblikati f’Jannar. L-offerenti li jgħaddu b’suċċess mill-istadju tal-PQQ jikkwalifikaw għat-tieni stadju, li jinkludi l-Invitation to Participate in Dialogue (ITPD). F’dan l-istadju, il-parteċipanti jridu jissottomettu pjanijiet tekniċi dettaljati tal-istruttura proposta minnhom għall-mina, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni tagħha kemm-il darba jingħataw il-konċessjoni. Il-parteċipanti jiġu mistiedna għal taħditiet biex jispjegaw il-proposta lit-tim tal-evalwazzjoni li se jkun qed janalizza kull proposta. Dan it-tieni stadju jibda malli jitlesta l-proċess tal-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet tal-PQQ. Wara l-istadju tal-ITPD, il-proċess tal-għażla jiġi konkluż bl-istadju tal-Best and Final Offer (BAFO). Offerenti li jkunu ħadu sehem fl-istadju tal-ITPD jintalbu jagħmlu l-proposta finali tagħhom għall-proġett. Din trid tinkludi offerta dettaljata kemm mil-lat tekniku kif ukoll finanzjarju li tkun ibba¿ata fuq il-proposta li jkunu għamlu fl-istadju preċedenti. It-tim tal-għażla mbagħad jiddeċiedi u jirrakkomanda liema tkun l-aħjar offerta skon il-kriterji stabbiliti. Fl-istess ħin li qed isir il-proċess tal-għażla, tim t’esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar qed jagħmlu wkoll studju estensiv dwar l-impatt abjentali (EIA) tal-proġett propost, kif ukoll studji oħrajn tekniċi. Il-Bord tal-Evalwazzjoni jaħdem b’mod kunfidenzjali u indipendenti. Għalhekk, Infrastructure Malta mhix f’pożizzjoni li tgħid meta dan il-proċess se jkun konkluż. Il-Gvern jemmen li ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq dan il-Bord, sabiex ikompli jaħdem b’serenità u indipendenza biex niksbu l-aħjar riżultat possibbli għal dan il-proġett nazzjonali.