Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18380 u jgħid fil-proġett li għaddej bħalissa ta’ Riġenerazzjoni tal-Menqa fil-Promenade ta' Marsalforn jispjega fid-dettall fiex kienu jikkonsistu l-varjazzjonijiet jew Direct Orders li ngħataw fit-13 ta' Frar 2020, fit-2 ta' April 2020 u fit-8 ta' April 2020, min talab għalihom, kemm ġew jiswew, lil min ingħataw u min awtorizza dawn il-varjazzjonijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx iktar jew hemmx ippjanat li jkun hemm iktar variations u direct orders fuq dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18698 jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra f’liema xahar u sena hu ppjanat li toħroġ it-tender biex jinxtara r-raba' vapur tal-Gozo Channel u jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-iskop?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex jagħmel riferenza għar-risposta li kienet ngħatat għal Mistoqsija Parlamantari numru 19150.
Fondazzjoni għas-Servizz tal-Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex – Traineeship Scheme
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm imsieħba fit-Traineeship Scheme li tnediet bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex? Jista jgħid kemm hemm ippjanati li jidħlu msieħba fit-Traineeship Scheme fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 20528.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi rigward it-Torri tal-Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex li jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf? Jista’ l-Ministru jgħid x'qed tagħmel l-Awtorità tal-Artijiet biex issalva dan is-sit storiku?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba provduta f’PQ 17183, dwar l-istess suġġett.
Ministeru għal Għawdex – Vot Kapitali – Services Gozo Directorate — nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus sena b'sena li kienu vvutati għas-'Services Gozo Directorate' taħt il-Vot Kapitali għas-sena 2018, 2019 u 2020 tal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jelenka l-inizjattivi u l-ammont ta’ finanzi li ntefqu fuq kull proġett u inizjattiva?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16888 u jgħid liema toroq f'Għawdex saru matul is-sena 2020 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid f'kull każ it-tul tat-triq li saret bit-tarmak u f'kull każ jekk inbidlux is-servizzi kollha qabel saret it-triq bit-tarmak u jekk sarux culverts għall-ilma tax-xita kif ukoll culverts minn fejn jgħaddu s-servizzi kollha fl-istess toroq? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża fuq kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li bħal ma jaf hu stess, matul is-sena 2020 saru numru rekord ta’ toroq f’Għawdex. Għalhekk, nitlob lill-istess Interpellant jispeċifika għall-liema toroq qed jirreferi.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16889 li ngħatat fit-2 ta' Novembru 2019, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi dwar ix-xogħol fuq Osservatorju Astronomiku fil-Qortin? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta' dan l-Osservatorju?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda bini ġdid involut għaliex dan hu Osservatorju li jinħadem fi struttura waħda u li mbagħad titpoġġa fuq il-bejt tal-kmamar eżistenti li hemm fil-Qortin T’Isopu. L-istruttura tal-Osservatorju bħalissa qed tinħadem mill-kumpanija li rebħet is-sejħa għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar ir-rinovar (upgrading) tat-'Till' ġewwa l-Blue Lagoon li matul is-sena 2019 kien anke saħansitra ngħatat direct order għal konsulenza professjonali għalih?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli li tlabt sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għal Għawdex – persuni impjegati ma’ kuntratturi privati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17156 u jgħid kemm kien hemm persuni impjegati ma' kuntratturi privati u li kienu qed jagħmlu xogħol ta' Security Guards għall-Ministeru għal Għawdex jew entitajiet li jaqgħu taħtu u l-postijiet ġewwa Għawdex fejn kien qed jingħata dan is-servizz u f'kull post kemm kien hemm Security Guards u l-ħinijiet li kienu qed jagħtu dan is-servizz sena b'sena mis-sena 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża fuq dan is-servizz, jekk ingħatawx permezz ta' Tender jew Direct Order kif ukoll l-isem tal-kumpaniji li taw dan is-servizz sena b' sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt sabiex l-informazzjoni mitluba tinġabar.
Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar l-aħħar żviluppi dwar il-bini ta’ Qorti ġdida ġewwa Għawdex u jgħid x'sar f'dawn l-aħħar ġimgħat u x'inhu jsir bħalissa biex dan il-proġett li ilu mwiegħed seba' snin, isir? Fejn ser isir dan il-Qorti ġdid u meta hu mistenni jibda x-xogħol? Sadanittant x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jassigura li l-Qorti fiċ-Ċittadella jkun aċċessibbli għal kulħadd?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija fuq il-bini ta’ Qorti ġdida ġewwa Għawdex nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsia tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Fir-rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-Amministrazzjoni tal-Qorti ta’ Għawdex tagħmel dak kollu li hu possibbli sabiex tnaqqas mill-problemi tan-nuqqas ta’ aċċessibilita’ b’mod immedjat, bħal per eżempju jintbagħtu deputati reġistraturi jagħtu l-ġuramenti, kif ukoll jinstemgħu xhieda u jsiru seduti barra mill-bini tal-Qorti kemm mill-Maġistrati kif ukoll mill-Assistent Ġudizzjarju.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17323 u taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett li kien tħabbar f’Marzu 2017 li kien jikkonsisti minn Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġewwa Ħal Far minn kumpanija ta’ supermarkets internazzjonali? Tista’ tikkonferma jekk dan il-proġett hux ser isir jew le u jekk iva meta hu ppjanat li jibda u jitlesta dan l-imsemmi proġett u kemm hu ppjanat li jħaddem nies?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett indikat mhux ħa jiġi mplimentat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19975 u jgħid liema xogħol sar fuq ix-shooting range taż-Żebbuġ, Għawdex f’dawn l-aħħar erba’ snin? Kemm sewa dan ix-xogħol u jekk dan sarx b'direct order jew b’tender? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar l-amministrazzjoni ta' din ix-shooting range mill-Gozo Clay Target Association? Jista’ jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu f'din ix-shooting range u min ħallas il-pagi ta' dawn il-ħaddiema, sena b'sena għal dawn l-aħħar erba’ snin? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' xogħlijiet hemm ippjanat li jsir fix-xhur li ġejjin f'din ix-shooting range?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda ftehim dwar l-amministrazzjoni tar-Range mal-kumitat preżenti – Gozo Clay Target Association. Ix-xogħlijiet ippjanati huma infrastrutturali u tisbieħ tal-post. Il-bqija tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 21006 – Żebbuġ Għawdex – shooting Range – xogħol - papers laid.pdf
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19573 u jgħid kemm ingħataw contracts of service mill-Ministeru tiegħu inkluż mid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum? Jista’ jagħti wkoll dettalji dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull kuntratt, is-servizzi li ngħataw kif ukoll il-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra fir-rigward ta’ kull tali kuntratt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm għoxrin persuna ngaġġata fuq contract of service, b’perjodi ta’ kuntratt ta’ sena, bl-eċċezzjoni ta’ persuna waħda, li l-kuntratt tagħha jintemm hekk kif ix-xogħol relatat ikun komplut. Il-ħlas tal-persuni konċernati, b’konformità mar-regolamenti tal-Gvern, hu skont id-dmirijiet li huma assenjati lilhom.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jispjega fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement 'negotiated Procedure For The Management Of Historic Sites In Gozo' (CfT CA Unique ID: MG 137/2021)? Jista’ jgħid liema huma dawn il-Historic Sites ġewwa Għawdex u min fil-preżent u f'dawn l-aħħar xhur kien jieħu ħsiebhom u kemm kien qed jitħallas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender li ħarġet reċentement 'Negotiated Procedure For The Management Of Historic Sites In Gozo' (CfT CA Unique ID: MG 137/2021), kienet tirreferi għal servizz tal-immaniġġjar għal siti storiċi f’Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għal Għawdex.
Dan it-tender intrebaħ minn Tal-Fuklar Folk Group, VO/0922 u l-valur tal- kuntratt hu għas-somma ta’ €230,424.82 u qiegħed għal perjodu ta’ sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ investimenti saru u fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur ġewwa l-bini tal-Cold Stores fix-Xewkija Għawdex mill-1 ta' Jannar 2020 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ investimenti u fiex jikkonsistu u kemm hu stmat li jkun il-valur tagħhom u li hemm ippjanati li jsiru ġewwa l-bini tal-Cold Stores matul is-sena 2021?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020 it-total ta` investiment fil-Cold Stores tax-Xewkija kien jammonta għal €99,229.94 imqassma kif ġej:
Ġeneratur Elettriku - €74,069.78 vat inkluża,
Magna li tipproduċi s-silġ - €25,160.16 vat inkluża.
Hemm ippjanati wkoll diversi xogħlijiet oħra li għandhom iwasslu għar-rinnovar komplet ta` dawn il-faċilitajiet użati mill-bdiewa u s-sajjieda.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema impjegati mas-Servizz Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm ħaddiema u xi grad, li huma impjegati jew ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u li kellhom jew għad għandhom 'Contract for Service' mal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Quotation għal ġarr ta’ makkinarji u materjal mill-Imġarr Għawdex għal Kemmuna
Question
B’referenza għal quotation li ħarġet reċentement mill-Ministeru tiegħu li hi 'Quotation for the Provision of Hiring Service of Barge with Pilot and Crew to be used to Transport Machinery and Material to and from Comino to Mġarr Harbour' jista’ l-Ministru jgħid min, f'dawn l-aħħar ġimgħat kien qed joffri dan is-servizz, fejn ħarġet is-sejħa biex jipprovdi dan is-servizz u kemm-il vjaġġ għamel mill-port tal-Imġarr għal Kemmuna u viċi-versa u kemm tħallas u b’liema rata tħallas s’issa biex ipprovda dan is-servizz u kemm fadallu jitħallas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz kien qiegħed jingħata minn Polaris Marine Services Co. Ltd, u din kienet l-irħas offerta li nġabret permezz ta’ hand quotation. Is-servizz mitlub huwa għal 130 siegħa, liema servizz s’issa għadu ma tħallasx.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-permess PA/03136/20 To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works. Wied ta' Mġarr ix-Xini, Access from Triq tal-Gruwa, Xewkija and Triq Mġarr ix-Xini, Sannat, u jgħid fiex wasal il-proċess biex joħorġu l-permessi kollha meħtieġa biex ikun jista’ jibda x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru l-konsultazzjonijiet kollha mal-entitajiet rilevanti ħalli b’hekk ikun jista jitkompla l-proċess normali tal-applikazzjoni.
Health and Safety Risk Assessment fid-dipartimenti taħt il-Ministeru għal Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skont kif titlob il-liġi tal-Health and Safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u jista' kopji tiegħu jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex lura f’Marzu tal-2018 kien ħa ħsieb u għamel l-Occupational Health and Risk Assessment. F’dan ir-rapport saret analiżi dwar is-saħħa u s-sigurta fi ħdan il-Ministeru, dejjem b’konsultazzjoni ma’ dak li tgħid il-liġi permezz ta’ avviżi legali. Il-Ministeru huwa impenjat li jħares il-miżuri tas-saħħa u s-sigurta tal-ħaddiema tiegħu, anke kif rakkomandat fir-rapport indikat.
Għawdex – Ir-Rabat — Triq Ninu Cremona – perit inkarigat mix-xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-Perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq Ninu Cremona fir-Rabat Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-Perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f’liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni li qed tiġi mitluba tinġabar.