Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent fil-preżent kemm hemm ħaddiema jaħdmu fl-uffiċini fil-Gozo Innovation Hub u kemm minnhom huma ħaddiema impjegati maċ-Ċivil u kemm minnhom huma impjegati mal-privat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li t-taghrif ghadu qed jingabar u t-twegiba tinghata f’seduta ohra
Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2020 s’issa jekk kienx hemm xi istanzi fejn l-Unjoni Ewropea (UE) avżat lil Malta li jistgħu jittieħdu jew qed jittieħdu infringement proceedings talli Malta naqset li timplimenta f’waqtu xi direttiva tal-istess Unjoni Ewropea? Jekk kien hemm tali miżuri da parti tal-Unjoni Ewropea, jista’ jelenka f’kull każ fir-rigward ta’ liema direttivi u x’inhu l-istatus attwali f’kull każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-Kummissjoni Ewropea tavża lil xi Stat Membru dwar il-possibbiltà ta’ proċeduri minħabba nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ xi direttiva, jew nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-ħin, dejjem isiru pubbliċi fil-pajjiż rispettiv u fl-istrutturi Ewropej. Attwalment, l-awtoritajiet Maltin qed jaħdmu biex pajjiżna jiġi konformi ma’ 28 direttiva, li jittrattaw l-oqsma tal-kompetizzjoni, is-servizzi finanzjarji, t-telekommunikazzjoni, it-trasport, l-ambjent, l-immigrazzjoni u l-enerġija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed tieħu l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) biex tħares l-interessi tal-anzjani fid-dawl ta’ aktar enfasi tal-banek kummerċjali fuq użu ta’ mezzi elettroniċi meta wieħed iqis li ħafna anzjani mhumiex daqstant familjari u mħarġa fl-użu ta’ tali mezzi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tiddiskuti b’mod regolari mal-Banek u ssegwi mill-qrib is-servizzi li jkunu qed jiġu offruti lill-klijenti.
Għalkemm minn mindu bdiet il-pandemija tal-Covid 19, il-Banek ziedu s-servizzi diġitali, l-Awtorita’ tara li l-istess servizzi jiġu offruti wkoll mill-fergħat tagħhom. Għal ammonti inqas minn €500, il-Banek jinkoraġġixxu lill- klijenti biex jiġbdu dawn il-flus mill-kont tagħhom permezz tal-ATM.
Madankollu, l-Awtorità tassigura li l-anzjani xorta jkollhom il-faċilita’ li jagħmlu użu mis-servizz tal-kaxxiera fil-fergħat. Fil-kaz fejn il-klijenti jagħżlu li juzaw mezzi diġitali, l-Awtorità ddiskutiet u rat li l-Banek joffru l-assistenza meħtieġa lill-klijenti.
Bħalissa l-Awtorità nediet kampanja edukattiva biex toħloq għarfien mall- konsumatur dwar is-servizzi diġitali bankarji. Din il-kampanja tinkludi wkoll intervisti/diskussjonijiet fuq programmi televizivi lokali li fihom qegħdin jipparteċipaw uffiċjali tal-Awtorita’.
Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender li għalqet fil-15 ta' Frar 2021 'GCOL C 05/2020 (MPU) Subject CONCESSION FOR THE RUNNING OF CAFETERIA OUTLETS AT GOZO CHANNEL (OPERATIONS) LIMITED MGARR AND CIRKEWWA TERMINALS', jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala f'Marzu 2021 din l-imsemmija tender l-ewwel ġiet irrakomandata li tiġi awarded iżda imbagħad b'dawn l-aħħar ġranet din it-tender ġiet ikkanċellata?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li jagħlaq il-proċess tat-tender, il-Gvern ħabbar li kien se jibda jopera s-servizz tal-Fast Ferry bejn Malta u Għawdex, b'mod imminenti. Fil-fatt tali servizz diġa beda jopera xi ġimgħat ilu. L-Evaluation Committee dehrlu li dan is-servizz kien se jkollu mpatt fuq it-turnover tal-kafetterija tat-Terminal. Għaldaqstant l-Evaluation Comittee issuġġerixxa li dan it-tender ma jiġix allokat u għaldaqstant jiġi kanċellat a tenut tal-klawsola 18.3(b) tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tat-Tenders li tipprovdi: ‘the economic or technical parameters of the project have been fundamentally altered’; .
'NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE PROVISION OF ACCOMODATION FOR ELDERLY PERSONS IN GOZO' MG 316/2017/pt
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21122 u jispjega u jgħid fiex tikkonsisti u kemm hi stmata li ħa tiġi tiswa globalment in-'NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE PROVISION OF ACCOMODATION FOR ELDERLY PERSONS IN GOZO' MG 316/2017/pt1? Jista’ jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex ma ħarġitx tender biex jiġi offrut dan is-servizz ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid kemm-il sena ilu jiġi awarded dan is-servizz permezz ta' Negotiated Procedure u kemm kienet is-somma globali sa issa li l-Ministeru għal Għawdex ħallas u lil min ħallas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-'NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE PROVISION OF ACCOMODATION FOR ELDERLY PERSONS IN GOZO' MG 316/2017/pt1 għall-perjodu ta’ April sa Awwissu 2021, għal ħamsa u ħamsin sodda, qiegħda tiġi stmata li se tiswa €474,650.00 excl. VAT. Is-servizz ilu jingħata mis-sena 2017 minn Health Services Gozo Ltd. Is-servizz ingħata permezz ta’ Negotiated Procedure minħabba limitazzjonijiet fis- suq. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-somma globali li ħallas il-Ministeru għal Għawdex.
(Korrezzjoni: Ara dokument PL 7106 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 495, nhar it-Tlieta, 12 ta' Ottubru 2021
Attachments:PQ 21828 - NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE PROVISION OF ACCOMODATION FOR ELDERLY PERSONS IN GOZO.pdf07106.pdf
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm antennas/jew apparat simili b'permess validu mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni (MCA) fuq residenzi privati f'kull raħal f'Għawdex sena b'sena minn Diċembru 2012 sa Mejju 2021, liema apparat ġie installat minn kumpaniji privati f'pajjiżna? Jista' jgħid f'liema toroq dawn jinsabu installati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil-Onor. Interpellant, l-informazzjioni dwar antenna/ jew apparat simili ma’ tistax tingħata. Dan minħabba li apparat tar-radjokomunikazzjoni li huma regolati permezz ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, inkluż dawk li jintużaw biex jiġi provdut servizz tat-telefonija ċellulari, ma jeħtieġux liċenzja individwali.
Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender for the COnstruction of a New Cargo Facility at Ras Ħanżir between Laboratory and Fuel wharves, Corradino, Grand Harbour Malta (CFT CA Unique ID: IM027/2020) u jgħid fiex wasal il-proċess u meta hu previst li jintemm biex din l-imsemmija tender tiġi aġġudikata?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta ser tibni moll ġdid ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija fiż-żona ta’ Ras Ħanżir fl-inħawi ta’ Kordin, fil-Port il-Kbir. Din il-faċilità ġdida għall-merkanzija ta’ €65 miljun bejn Xatt il-Laboratorju u Fuel Wharf se tintroduċi spazju ta’ rmiġġ addizzjonali tant meħtieġ fil-Port il-Kbir għal bastimenti li jġorru trailers u merkanzija ġenerali oħra (Ro-Ro Ships). Se ttejjeb l-effiċjenza fil-port filwaqt li tipprovdi lill-awtoritajiet marittimi lokali b’aktar flessibilità u disponibbiltà fl-użu tal-mollijiet l-oħrajn fl-istess żona.
Il-pjanijiet biex din il-medda abbandunata tal-kosta tinbidel f’xatt ġdid kien ilhom għal ħafna snin. Infrastructure Malta inkludiet dan il-proġett fil-pjan fit-tul tagħha biex ittejjeb il-faċilitajiet għall-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-Port il-Kbir minn meta ġiet fdata bl-iżvilupp tal-infrastruttura marittima ta’ Malta fl-2019. Saru diskussjonijiet mal-awtoritajiet tat-trasport, l-ippjanar, l-ambjent u l-wirt storiku, kif ukoll partijiet interessati oħrajn, biex il-pjanijiet tal-proġett ikunu skont ir-rekwiżiti tal-partijiet kollha interessati. F’Ottubru li għadda, l-aġenzija ħarġet sejħa għall-offerti biex jintgħażlu l-kuntratturi li se jibnu dan il-moll ġdid fit-tliet snin li ġejjin.
Il-faċilità għall-merkanzija f’Ras Ħanżir se testendi fuq medda ta’ 28,000 metru kwadru, kważi daqs erba’ football grounds. Magħha se jkunu jistgħu jorbtu bastimenti sa 300 metru tul u b’fond sa 9 metri. Il-proġett jinkludi t-tqegħid tal-pedamenti fi 30 metru fond, it-tisħiħ ta’ qiegħ il-baħar, il-bini tal-istruttura ewlenija tal-moll u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-irmiġġ, l-immaniġġjar tal-merkanzija u l-operat għall-ħażna. Ix-xatt il-ġdid se jkollu wkoll faċilitajiet oħrajn bħalma huma konnessjonijiet għas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni, sistema tat-tifi tan-nar, provvista tal-elettriku għat-trailers bil-friża, sistemi ta’ lqugħ għall-ilma tax-xita u tagħmir effiċjenti fl-enerġija biex idawwal il-moll.
Infrastructure Malta iddisinjat ukoll il-moll ġdid b’mod li jkun jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ bastimenti futuri, inkluż l-infrastruttura biex fil-futur ikun jista’ jipprovdi lill-bastimenti s-servizz tal-elettriku mix-xatt għal aktar sostenibbiltà ambjentali. Il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.
Il-proċess tal-aġġudikazzjoni għadu għaddej. Il-Bord jitħalla jmexxi l-evalwazzjoni tal-offeri mingħajr l-ebda forma ta’ ndħil u għaldaqstant minix f’pożizzjoni li nindika meta dan il-proċess se jkun konkluż.
Ir-Rabat Għawdex — Triq Pompei - traffic management
Question
Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li Triq Pompei fir-Rabat, Għawdex issir one way bit-traffiku kollu li jkun ġej minn erba' toroq arterjali jintefa' ġo triq sekondarja u dejqa bħalma hi Triq Pompei? Jista' jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux ilmenti mir-residenti u jekk huwa ltaqax mal-istess residenti? Jista' jgħid jekk hux se jieħu ġassi biex itaffi l-konsegwenza koroh, inkluż duħħan u arja ħażina, li qed isoffru r-residenti ta' din it-triq? Jaf li hemm anzjani li spiċċaw ma jistgħux joħorġu minn djarhom bl-ammont enormi tat-traffiku li ntefa' f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kopja ġiet stampata ta' Nisġet Artna Ħarġa Numru 26? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta' dan il-ktejjeb (layout, printing, posta eċċ)? Jista' jgħid lil min ġiet mibgħut bil-posta dan il-ktejjeb?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej:
· Numru ta' kopji stampati: 25,500 kopja
· Spiża totali tad-disinn: €283.20
· Spiża totali tal-qari tal-provi: €177
· Spiża totali tal-istampar: €8,570.13
· Spiża totali tal-posta: €2,733.14
Dan il-magażin jitqassam f’residenzi u negozji ġewwa Malta u Għawdex, kif ukoll jitqassam internament.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21005 u ċjoè: B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 16506 u 19663, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-koordinamenti u jekk ġewx finalizzati u x'fadal isir bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u l-Ministeru għal Għawdex 'sabiex jibda jiġi offrut servizz ferm importanti u bżonnjuż ta’ Park & Ride għall-Għawdxin li jridu jaqsmu lejn Malta, sabiex possibbilment jibda jingħata servizz ta’ trasport lill-istudenti Għawdxin minn lokalitajiet oħrajn għall-Imġarr' permezz tas-sitt coaches li jaħdmu bl-elettriku li nxtraw mill-Ministeru għal Għawdex b'fondi tal-Unjoni Ewropea u li waslu Għawdex f’nofs Ġunju tas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju, m’għandi xejn xi nżid mat-tagħrif mogħti diġa’ fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 19663.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17180 li ġiet imwieġba fid-9 ta' Novembru 2020 fejn intqal li għad fadal xi xogħlijiet minuri li jridu jitlestew qabel joħorġu ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa rigward xogħlijiet li saru ftit tax-xhur ilu mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Ta' Ġorf ġewwa x-Xagħra Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva minn min saru, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-testijiet mitluba li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 21795 - Xagħra Għawdex – Triq Ta’ Ġorf - xogħlijiet.pdf
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol neċessarju fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta Xħajma biex parti minnha tkun tista' tintuża mill-atleti Għawdxin li jipprattikaw f'dan il-post? Jista' jikkonferma li sena u tlett xhur ilu kien wiegħed lil dawn l-atleti li kellu jsir ix-xogħol neċessarju, jista jghid sal-lum x' sar u x' baqa jsir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern qed jagħmel l-akbar investiment li qatt sar f’Għawdex, b’mod partikolari dak taċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv. Filwaqt li l-Interpellant qed jgħid li ilu sena u tlett xhur biex isir x-xogħol neċessarju, l-Interpellant donnu nesa’ li Partit Nazzjonalista għamel għoxrin sena jwiegħed pixxina ta’ daqs olimpiku u minn dan kollu m’għamel xejn.
Water Service Corporation — talbiet għal trasferiment minn ħaddiema
Question
Tista' l-Ministru tgħid mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum kemm kien hemm talbiet għal trasferiment minn ħaddiema li jaħdmu mal-Water Services Corporation biex imorru jaħdmu f'xi dipartiment jew entità oħra f'Għawdex mal-Ministeru għal Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u fejn marru jaħdmu dawn il-ħaddiema li t-talba tagħhom ġiet milqugħa? Tista' tgħid fil-preżent kemm hemm talbiet pendenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha erba’ impjegati li qegħdin jaħdmu f’xi dipartiment jew entita oħra mall-Ministeru għal Għawdex. Fil-preżent m’hemmx talbiet formali pendenti.
Ministeru għal Għawdex – sejħa għal Tradesman/Senior Tradesman
Question
B'referenza għas-sejħa interna li ħarġet f’Jannar 2021 ta' Tradesman/Senior Tradesman (Carpenter) fil-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa, kemm minnhom kienu eliġibbli, kemm kien ilhom jaħdmu mas-Servizz Pubbliku u xi grad kienu, kemm minnhom għaddew, u kemm minnhom ingħataw s’issa l-promozzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Capacity Building tal-Ministeru għal Għawdex għal diversi sejħiet jinbidel minn żmien għal żmien, skont l-esiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21441 u jispjega fiex tikkonsisti l-applikazzjoni li saret f'dawn l-aħħar ġranet mill-Ministeru għal Għawdex quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (PA): DS/00126/21 Location of development: Site at, tal-Ġordan, Triq il-Lanterna, Għasri Description of works: Consolidation works of dangerous rock faces? Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġranet inbdewx jew sarux xi xogħlijiet f'dawn l-akkwati (area) li hemm imsemmija f'din l-applikazzjoni (site plan) u jekk iva kif inbdew u saru xogħlijiet u għad m’hemmx il-permessi meħtieġa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif jindika t-titlu tal-permess DS/00126/21, dan il-proġett jitratta xogħol ta’ konsolidament tal-ġebel li qed jaqa’ u li jista jkun ta’ periklu għall-viżitaturi. Il-konsolidament se jsir billi l-ġebel jigi infurrat b’xibka u b’boltijiet skont il-ħtieġa. Ix-xogħlijiet bdew immedjatament u mistennija jintemmu fil-ġimgħat li ġejjin. Il-permess fuq dan ix-xogħol huwa propju dak ikkwotat u ġie approvat fit-18 ta’ Mejju 2021.
Gozo Experimental Farm u Peting Farm – Master Plan
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16773 li ngħatat fis-27 ta' Ottubru 2020 rigward il-Master Plan għall-Gozo Experimental Farm u l-proġett tal-Petting Farm u faċilitajiet ġodda għall-SPCA u l-Animal Welfare, fejn intqal li 'l-applikazzjoni ta’ dan il-masterplan kienet sottomessa f’Novembru tal-2019, u li l-applikazzjoni għadha fi stadju ta’ screening', jista’ l-Ministru jgħid fil-konkret x'sar f'dawn l-aħħar seba’ xhur rigward dan il-proġett ferm bżonjuż u importanti? Jista’ jgħid jekk l-applikazzjoni għadhiex fl-istadju ta' screening?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Il-Qala – Triq il-Wardija – Xogħlijiet infrastrutturali
Question
B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 17271 li ngħatat fit-30 ta' Novembru 2020 rigward Triq il-Wardija fil-Qala fejn ġie imwieħġeb 'li x-xogħol infrastrutturali ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin', jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali fuq din it-triq bedix u tlestix, jekk inbidlitx is-sistema tad-drenaġġ u jekk saritx bit-tarmak kollha kemm hi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet se jitkomplew la darba tiġi awarded it-tender.
Għawdex – attivitajiet organizzati fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x' tip ta' attivitajiet ġew organizzati fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku għas-sena 2021, ġewwa Għawdex, fiex kienu jikkonsistu fejn saru u kemm ġew jiswew?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li minħabba restrizzjonijiet relatati ma’ saħħa pubblika, il-Gimgħa ghas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena saret minn sit wieħed b’konnessjoni online fejn l-uffiċjali pubbliċi kollha inkluż uffiċjali Għawdxin kellhom l-istess aċċess. Infurmat illi dan l-aċċess intuża mill-kollegi Għawdxin ukoll.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid x'sar sa issa u x'qiegħed isir bħalissa dwar l-applikazzjoni PA/02106/21ERA Reference: EA/00004/21 Project Title: Coastal defence system at Marsalforn Bay consisting of the reconstruction of Santa Marija breakwater, construction of a rubble mound berm on the Menqa site, two rubble mound groins at the valley outfall and replenishment of the beach. Location: Site at, Il-Bajja Ta' Marsalforn, Marsalforn, Żebbuġ (Gozo)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Jien infurmat li l-applikazzjoni in kwistjoni qiegħda fl-istadju ta’ ‘screening’ sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx bżonn studji u tintalab iktar informazzjoni preliminarju dwar il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ alka nġabret, mil-liema bajjiet ġewwa Għawdex inġabret, minn min sar ix-xogħol ta’ ġbir tal-alka, jekk sarx bl-idejn jew inkella b’makkinarju apposta u fejn twaddbet l-alka wara li nġabret mill-bajjiet mill-1 ta’ Novembru 2020 sa data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid liema bajjiet oħra ġewwa Għawdex hemm ippjanat li tinġabar alka minnhom fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-alka, f’ċertu każijiet, jew tintradd lura l-baħar jew tiġi xxiftjata għal post ieħor jew tinġabar u tintbagħat il-facilità tal-Wasteserv f’tal-Kus. L-interventi fuq l-alka jsiru ġeneralment mill-bajjiet tar-Ramla, Marsalforn, Qbajjar, Xwejni, San Blas u Santa Marija f’Kemmuna.
Din is-sena fir-Ramla u f’San Blas kien hemm ftit li xejn alka. Marsalforn, Fil-Qbajjar u fix-Xwejni, l-alka ntraddet lura l-baħar, u mill-Qbajjar il-ġewwa liema parti msejħa taħt il-Horizon, din l-alka nġabret u marret il-facilità tal-ġbir tal-iskart f’tal-Kus. Fir-rigward tal-bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna, din ġiet ixxiftjata f’post ieħor.
L-ammont ta’ alka jiddependi ħafna mit-temp, ir-riħ, u mill-kurrent tal-ilma baħar li kapaċi f’ġurnata jieħu l-alka li tkun inġemgħet kollha lura fil-baħar. L-interventi fuq l-alka jsiru kemm bl-idejn u kif ukoll bil-makkinarju meta l-ammont ikun qawwi. L-ammont ta’ alka li nġabar u li ntbagħat il-facilità tal-Kus din is-sena kien ta’ 5.04 tunnellati. L-alka tibqa’ tinġabar mill-postijiet minn fejn tkun inġemgħet skont il-bżonn.