Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ tal-Gozo Channel telaq tard minn kif stipulat fl-iskeda kemm mill-Port taċ-Ċirkewwa kif ukoll mill-Port tal-Imġarr, matul l-aħħar 6 xhur? Jista' jgħid kemm-il vjaġġ tal-istess Gozo Channel fl-istess perjodu, kellu jagħmel ħin jistenna barra f’xi wieħed mill-portijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel ma jżommx record tar-raġunijiet għalfejn vapur telaq tard, u kemm vapur dam jistenna barra biex daħal fil-port.
Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma Kap.545 – passi kriminali konta persuni li kisru dispożizzjoni jew regolamenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ittieħdu passi kriminali kontra persuni li setgħu kisru xi dispożizzjoni tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap.545, jew ta’ xi regolamenti magħmulin taħt dan l-istess Att mill-bidu tal-2020 s’issa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2020 s’issa, intbagħtu tmienja u tletin (38) kwerela uffiċjali mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar persuni li setgħu kisru xi dispożizzjoni tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, jew ta’ xi regolamenti magħmulin taħt dan l-istess Att.
In-numru ta’ każijiet li dwarhom ittieħdu passi kriminali bħala konsegwenza ta’ dawn il-kwereli għandu jintalab mingħand il-Ministeru kompetenti.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – public warning statements
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2020 s’issa kemm-il darba ħareg public warning statements id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) skont l-artikolu 8 tal-Kap. 378? Jekk inħarġu tali stqarrijiet jista’ jgħid fil-konfront ta’ liema setturi nħarġu? Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2017 s’issa jekk qatt kienx hemm xi kontestazzjoni ta’ xi public warning statement jew informazzjoni li nħarġet skont l-artikolu 8 tal-Kap. 378? Jekk kien hemm x’kienu r-raġunijiet għall-kontestazzjoni u x’kien l-eżitu finali ta’ tali kontestazzjoni?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2020 sal-lum inħarġu tlett (3) dikjarazzjonijiet ta’ avviż pubbliku marbuta mas-setturi ta’ tqegħid tal-irħam, fotografija tat-tiġijiet u xogħlijiet f’dar privata.
Nikkonferma wkoll illi mill-2017 ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni fuq avviżi pubbliċi minn kummerċjanti wara li nħareġ l-avviż pubbliku.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21163, jista’ l-Ministru jagħti update tal-istatus tal-miżuri meħuda jew li kellhhom jittieħdu biex jiġu effettivament implimentati l-miżuri ta’ infurzar fir-rigward tad-Direttivi u Regolamenti tal-UE kif elenkati fl-anness mar-Regolament UE 2017/2394?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar fir-rigward tad-Direttivi u Regolamenti tal-UE kif elenkati fl-anness mar-Regolament UE 2017/2394, safejn jirrigwardjaw l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur saret permezz tal-promulgazzjoni tal-Att XLIV tal-2021 (Att biex jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 u liġijiet oħra, u sabiex jagħmel dispożizzjonijiet anċillari u konsegwenzjali għalihom) li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Awissu, 2021 permezz tal-Avviż Legali 338 tal-2021.
Fir-rigward tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qed jiġu mħejjija l-emendi fil-leġiżlazzjoni tagħha.
Rigward il-funtana li kien hemm ġewwa Pjazza San Franġisk jista’ l-Ministru jgħid fejn hemm il-ħsieb li titpoġġa l-istess funtana issa li tneħħiet minn Pjazza San Franġisk? Meta mistennija tkun fil-post ġdid tagħha din il-funtana?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numri 20054.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21958, jista’ l-Ministru jagħti iżjed tagħrif dwar x’tip ta’ assistenza qed tingħata lil dawk il-klijenti anzjani li jagħżlu li jużaw mezzi diġitali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità hija infurmata li l-impjegati tal-Bank qegħdin joffru assistenza lill-klijenti anzjani billi jispjegawlhom il-proċess li jrid isir skont is-servizz li jitolbu. Jassistuhom b’modi differenti bħal, jigwidawhom kif jiproċessaw tranżazzjonijiet mill-ATM u kif jużaw l-internet banking. Barra minn hekk, b’referenza għar-risposta oriġinali tagħna, l-Awtorità nidhiet kampanja fuq is-servizzi diġitali bankarji li huma offruti. Din il-kampanja tinkludi informazzjoni fuq kif wieħed jitrasferixxi flus minn kont għall-ieħor, kif jiċċekkja l-kont bankarju u tranżazzjonijiet inkluż dawk li jsiru bil-card u kif wieħed jista’ jħallas kont jew jagħmel mowbajl top up. Apparti minn hekk, din il-kampanja tagħti wkoll importanza għall-miżuri tas-sigurtà li wieħed għandu jieħu meta qiegħed jagħmel użu tas-servizzi diġitali bankarji.
Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — Avukati b’Warrant u Prokuraturi Legali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’warrant biex jaħdmu ta’ avukat impjegati ma’ l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat? Kemm hemm persuni b’warrant biex jaħdmu ta’ prokuraturi legali impjegati mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat? Jista’ jgħid kemm hemm persuni b’warrant biex jaħdmu ta’ avukat mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali? Kemm hemm persuni b’warrant biex jaħdmu ta’ prokuraturi legali mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hemm 34 l-avukat bill-warrant t’avukat, 2 prokuraturi legali bill-warrant, kif ukoll 2 avukati oħra bil-warrant li jespletaw il-funzjoni ta’ European Delegated Prosecutors (EPPO). Fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ninforma lill-Onor.Interpellant li hemm 22 l-avukat bil-warrant kif ukoll prokoratur legali wiehed bill-warrant.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu biex il-Gvern jikkombatti b’mod effettiv l-impatt negattiv tal-climate change fuq Malta mill-2017 s’issa sena b’sena? Jista’ jgħid jekk ġiex mogħtija xi għajnuna mill-UE f’dan ir-rigward u jekk iva fiex kienet tikkonsisti?
Response (FARRUGIA, AARON)
It-tibdil fil-Klima hija materja globali li taffetwa lill-pajjiżi kollha tad-dinja u bħala tali tirrikjedi sforz globali biex tkun indirizzata. Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima tipprovdi l-qafas internazzjonali sabiex tkun imbuttata ‘l quddiem din il-ġlieda, filwaqt li l-pakkett ta’ proposti regolatorji tal-UE, l-Fit for 55 Package, jipprovdi fierxa qawwija ta’ miżuri biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-UE.
Hawnhekk infakkar li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tagħha f’pajjiżna hija mifruxa b’mod oriżżontali fuq numru ta’ dipartimenti u entitajiet u dan għaliex l-ġlieda kontra t-Tibdil fil-Klima tolqot prattikament kollox u lill-kullħadd.
Ix-xogħol li jsir huwa ħafna u jvarja minn proġetti bħall dawk tan-new water, proġetti għal restawr ta’ biodiversita’ u tneħħija ta’ speċi indiġeni, għall-maniġment ta’ siti protetti, miżuri agro-ambjentali taħt l-politika agrarja komuni, proġetti infrastrutturali bħal toroq li jnaqqsu d-dewmien, u break waters għall-maltemp, infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart, titjib fl-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, u fid-distribuzzjoni tal-ilma, użu ta’ LNG flok heavy fuel oil fil-power station, reżiljenza fil-generazzjoni tal-elettriku inkluż l-interconnector ma’ Sqallija, inċentivi għal pannelli u water heaters tax-xemx, inċentivi għall scrapping ta’ karozzi qodma u għax-xiri ta’ karozzi elettriċi, dwal energy saving fit-toroq, green public procurment, serbizz t’ karozzi tal-linja b’xejnngħaż-żgħażagħ u anzjani, tindif ta’ widien anke minħabba gharghar, żrigħ ta’ eluf ta’ siġar u nista’ nibqa’ sejjer.
Il-fatt huwa li qed isir ħafna u ħafna xogħol. Irrid ngħid ukoll li uħud mill-miżuri jkunu anke bbenifikaw minn fondi varji Ewropej. Ħa nfakkar ukoll li iktar minn 50% tal-Fond ta’ Rkupru u Resiljenza ser jintużaw għal skopijiet ta’ Tibdil fil-Klima fl-aħjar pakkett favur l-ambjent kif iddikjarat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Sadanittant għadna kif lestejna wkoll l-Low Carbon Development Strategy u l-Long Renovation Strategy li ser iwassluna biex nilħqu l-miri klimatiċi stabbiliti. Il-ħidma tal-Gvern fuq it-tibdil fil-Klima ma tieqafx u fiż-żmien li ġej ser nkunu qed nuru li aħna nippjanaw bir-reqqa u nwettqu fis-sod.
Direttiva dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum tal-bniedem
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu s’issa fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva il-KSI ħadet dawn il-passi t’hawn taħt:
· Il-KSI kompliet iżżid il-lista ta’ analiżi taħt akkreditazzjoni ISO 17025 u allinjat il-moniteraġġ tal-parametri stabbiliti ma’ dawk tad-direttiva il-ġdida. Id-direttiva l-ġdida tesiġi li l-analiżi isiru minn laboratorji akkreditati taħt l-ISO 17025, akkreditazjoni li il-KSI kisbet u ħadnet għal dawn l-aħħar 15 il-sena.
· Il-KSI qed taħdem fuq Pjan għall-Issalvagwardjar ta’ l-Ilma li jista jwassal biex jittieħdu miżuri addizzjonali fl-operat għal-dan il-għan. Dan il-pjan qiegħed jiġi mfassal b’konsultazzjoni ma diversi entitajiet kostitwiti, fosthom id-Dipartiment tas-Saħħa, l-EWA, l-ERA , l-MCCAA u ir-REWS.
· Il-KSI nehdiet programm estensiv sabiex jiġu installati dispensers ta’ l-ilma tax-xorb f’diversi postijiet pubbliċi, fl-isptar Mater Dei u fl-iskejjel.
· Il-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta’ l-Ilma (KSI) tisħaq fuq ħidma persistenti sabiex tnaqqas
leakages
. Minkejja iż-żieda sostanzjali fid-domanda, fis-sena 2020 il-Korporazzjoni laħqet livell rekord baxx ta’
leakage
u ser tibqa’ kommessa biex isir iktar titjib f’dan l-element prinċipali biex ittejjeb is-sostenibilita tal-provvista ta’ l-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għases tal-Pulizija f'Għawdex u jindika fejn huma dawn l-għases? Jista' jgħid f'kull każ, il-post fejn hemm l-għassa hux proprjetà tal-Gvern jew inkella huwiex mikri mingħand terzi? Jekk mikri mingħand terzi, kemm hi l-kirja fis-sena ta' kull post li jservi ta' għassa f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm-il siegħa kienet miftuħa kull għassa kull xahar matul ix-xhur tas-sajf 2021 u ċjoè Ġunju, Lulju u Awwissu 2021, ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Korp tal-Pulizija – Pulizija li spiċċaw jew telqu mill-Korp
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm telqu jew spiċċaw pulizija mill-Korp matul is-sena 2020? Jista' jgħid ukoll minn dawn, kemm minnhom kienu stazzjonati f'Għawdex? Jista’ jgħid kemm telqu jew spiċċaw pulizija mill-Korp, matul is-sena 2021 u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom kienu stazzjonati f'Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi matul is-sena 2020 spiċċaw mija u ħames (105) membri mill-Korp tal-Pulizija, li minnhom erbgħa kienu stazzjonati f’Għawdex. Bejn Jannar u l-aħħar ta’ Settembru 2021 spiċċaw mitejn u sittax (216) membri mill-Korp tal-Pulizija, li minnhom tmintax (18) kienu stazzjonati Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed tieħu l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tħares l-interessi tal-konsumaturi anzjani fid-dawl tal-enfażi tal-banek kummerċjali fuq aktar użu ta’ mezzi elettroniċi meta wieħed iqis li ħafna anzjani mhumiex daqstant familjari u mħarġa fl-użu ta’ tali mezzi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju l-MCCAA qiegħdha ssegwi il-miżuri speċifiċi f’dan ir-rigward u tifhem li dawn qed isiru biex jissaħħu s-sistemi bankarji. Waqt li sal-illum l-Awtorita’ ma rċivietx ilmenti f’dan ir-rigward, mhux eskluż li l-Awtorità tindirizza d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom konsumaturi meta jieħdu servizzi bankarji, u tipprovdi wkoll l-għajnuna neċessarja skont il-każ.
Kumpanija – taħriġ u assistenza lill-anzjani fl-użu ta’ xiri b’mod elettroniku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid attwalment x’miżuri qed tieħu l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament biex tħarreġ u tassisti l-anzjani fl-użu ta’ għodod elettroniċi fir-rigward ta’ xiri ta’ prodotti u/jew servizzi b’mod elettroniku?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Tech.mt mhix kumpanija iżda fondazzjoni bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ u l-għan tagħha huwa li tippożizzjona lil pajjizna bħala ċentru ideali għat-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Tech.mt prezentament għandha żewg mizuri li jassistu lill-anzjani fl-uzu ta’ għoddod elettroniċi għal xiri ta’ prodotti u servizzi b’mod elettroniku. ICT 4 the Elderly huwa proġett li joffri opportunita ta’ tagħlim dwar kif l-internet jista jkollu rwol importanti fit-titjib ta’ kwalita’ tal-ħajja permezz ta’ interazzjoni soċjali online. Filwaqt li Get Smarter Project jitratta tgħallim fuq l-użu ta’ mobile apps li joffru l-smart phones.
Talbiet da parti tad-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni għal ħrug ta’ mandat mill-Qorti għal-finijiet tal-artikolu 12(7) tal-Kap. 379
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-2019 s’issa kemm-il talba saret da parti tad-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni, għall-ħrug ta’ mandat mill-Qorti għal-finijiet tal-artikolu 12(7) tal-Kap. 379? Jekk saru, jista’ jgħid f’kull każ jekk il-Qorti tatx l-ordni għal ħrug tal-mandat rikjest?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li bħalissa għaddejjin numru ta’ investigazzjonijiet, għad ma kienx hemm il-ħtiega ta’ ħruġ ta’ mandat biex issir tfittxija f’fondi, artijiet jew mezzi ta’ trasport biex tinstab informazzjoni relevanti għall-investigazzjoni.
Direttiva UE 2019/770 u Direttiva (UE) 2019/771 — implimentazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19933, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa fir-rigward ta’ transpożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 li kellha tiġi riflessa fil-liġi Maltija sal-1 ta’ Lulju? Jista jgħid wkoll x’konsultazzjoni saret mal-istakeholders Maltin u jekk saret ma’ min?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 qiegħda fi stadju avvanzat u hu mistenni li l-liġi sussidjarja li se tagħmel din it-transpożizzjoni, tiġi ppubblikata fi żmien qasir. Peress li din hi transpożizzjoni ta’ Direttiva b’armonizzazzjoni massima, ġie rikonsiderat li mhemmx lok għal konsultazzjoni pubblika għar-raġuni li l-armonizzazzjoni massima ma tagħtix lok għal kambjamenti mit-test tad-Direttiva.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21957, jista’ l-Ministru jipprovdi l-lista tad-Direttivi u/jew Regolamenti speċifiċi tal-UE li allura jew ma ġewx trasposti fil-ħin jew inkellha għandhom ma ġewx trasposti? F’kull istanza, jista’ jgħid x’inhu l-istatus attwali fir-rigward ta’ traspozzjoni, u fejn saret traspozzjoni liema huma l-liġijiet nazzjonali rilevanti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Regolamenti huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u huma biss id-Direttivi li jirrikjedu traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.
Rigward l-informazzjoni mitluba, ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fejn jidħlu kazijiet ta’ ksur li jinfetħu kontra kull Stat Membru hija pubblika.
Tista’ l-Ministru tispjega x’inhi r-raġuni u a bazi ta’ liema kriterji l-Att li jemenda l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Att Numru XLIX tal-2021 li ġie approvat fit-23 ta’ Lulju 2021, qed jiġi meqjus li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020 jiġifieri kwazi seba’ xhur qabel?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att li jemenda l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Att Numru XLIX tal-2021 li ġie approvat fit-23 ta’ Lulju 2021, qed jiġi meqjus li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba l-fatt li t-terminu aħħari għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni) kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Tista' l-Ministru tgħid kemm, sena b'sena mill-2017 s'issa jekk l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji ħa xi miżuri regolatorji biex jiġu imposti xi forma ta' sanzjonjiet? Jekk ittieħdu, f'kull każ, fiex kienu jikkonsistu tali miżuri?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li bejn l-2017 u l-2019 ma kien hemm l-ebda każ, is-sena li għaddiet kien hemm 29 għaqda li ġew imħassrin mir-reġistru peress li ma ottemprawx ruħhom mal-liġi. Minkejja dan, ma ġew imposti l-ebda sanzjonjiet.
A.L. 265 tal-2021 — Konflitt bejn il-verżjoni Maltija u Ingliża
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn fil-każ tal-A.L. 265 tal-2021, f'każ ta' konflitt bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża, tipprevali l-verżjoni bl-Ingliż?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-avviż legali 265 tal-2021 jimplimenta id-dispożizzjonjiet dwar l-assistenza reċiproka bejn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra u jikkonċerna talbiet ta’ Stati Membri oħra biex jiġu notifikati dokumenti/atti proċedurali u biex jiġu infurzati deċiżjonijiet u multi meħudin minnhom, huwa importanti li f’każ ta’ kunflitt jew inkompatibbilità, tipprevali l-lingwa Inġliża biex jiġi eliminat kwalunkue dubju ta’ interpretazzjoni.
Bord għas-Soluzzjoni ta' Tilwin għan Networks dwar l-Utiliajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx appunti l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet a tenur tal-artikolu 24 tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi Kap. 81? U jekk appuntati, min huma l-membri, meta ġew appunti, u x’inhu t-tul tal-ħatra tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord msemmi qiegħed fil-proċess li jiġi mwaqqaf.