Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders permezz ta' ‘Negotiated Procedures’ ġodda mil-1 ta' Jannar 2021 sal-lum, u x'tip ta’‘Negotiated Procedures’ kienu? F’kull każ, min ħa d-deċiżjoni u x' kienu r-raġuni li ħarġu b’dan il-mod? Kemm kien il-valur ta' kull tender? Jista' jgħid taħt liema Ministeru, entità, aġenzija, awtorità ħarġu dawn it-tenders u fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20818 u 21392 jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-'Comino Steering Committee' (isem u kunjom l-individwu u lil min jirrappreżenta)? Jista’ jgħid minn Jannar 2020 sal-lum, kemm-il darba ltaqa’ dan il-kumitat u fejn saru l-laqgħat? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aġenda u tal-minuti ta' kull laqgħa li saret?
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18907 li ngħatat fis-16 ta' Frar 2021 u fis-6 ta’ Lulju 2021 fejn ingħad fit-tweġiba li 'fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tingħata' t-tieni kisja asphalt (wearing course) lil Triq il-Pitkalija ġewwa x-Xewkija Għawdex’ jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għaddew iktar minn tliet xhur u nofs u din l-imsemmija triq għadha b'kisja waħda asphalt? Jista' wkoll b'referenza għal Triq tal-Ħanaq fin-Nadur jgħid kif wara ħames snin din it-triq għadha wkoll b'kisja waħda ta' tarmac u x-xogħol baqa' ma nagħlaqx wara dawn is-snin kollha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ Triq Ħanaq hemm kunsiderazzjonijiet legali li fuqhom il-Ministeru qed jistenna li jiġu ċċarati. Dwar Triq il-Pitkalija l-Ministeru qiegħed jistenna li jsiru xi xogħlijiet minn entitajiet oħra sabiex ikun possibli li l-Ministeru jagħti t-tieni kisja asphalt.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21643 u jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm jaħdmu, ħaddiema Għawdxin ġewwa Malta f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi sena b’sena, mis-sena 2013 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema entità qed jaħdmu u xi grad huma?
Response (ABELA, ROBERT)
Għas-snin 2013 sal-2018, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8288.
Għas-snin 2019 u 2020, ninsab infurmat hekk:
Sena
Servizz Pubbliku
Awtoritajiet, Aġenziji u Entitajiet Governattivi
li huma fid-dekasteru tal-Prim Ministru
2019
1307
6
2020
1379
5
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20190 u jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-Gvern mill-Fond Konsolidat f'Għawdex kull sena mill-2013 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, pereżempju investiment produttiv, infrastrutturali u soċjal? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta mill-Fond Konsolidat għall-istess oqsma ta’ investiment?
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21235 jista’ l-Ministru jgħid 'fiex jikkonsisti', fejn eżatt bħala post (ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan) ta’ irmiġġ kif ukoll għal bini alternattiv li ser jospita l-ekwipaġġ u l-laneċ b’mod permanenti', li dwaru kien hemm 'qbil fil-prinċipju bejn il-Forzi Armati ta Malta, Transport Malta u l-Ministeru għal Għawdex'? Jista’ jgħid x'sar u x'inhu jsir u meta hu ppjanat li jibda x-xogħol meħtieġ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-irmiġġ għall-laneċ tal-FAM li joperaw minn Għawdex ser isir b’mod permanenti fil-post fejn indikat fuq is-site plan li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Bl-istess mod huwa ndikat il-post pjanat biex jakkomoda l-ekwipaġġ.
L-ewwel fazi ta’ dan il-proġett tikkonsisti f’xogħol f’parti mill-parkeġġ eżistenti t’Għajnsielem, fejn ġie stabbilit li ser jakkomoda l-membri tal-FAM. Dan ix-xogħol jinkludi servizzi ġodda u xogħol ieħor neċessarju sabiex il-post ikollu l-faċilitajiet neċessarji. Il-proċess tax-xiri beda u għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena 2021. Ix-xogħol huwa pjanat li jkun lest is-sena d-dieħla (2022). Eżatt kif l-ewwel fażi tkun lesta u l-post ikun jista jibda jintuża mill-ekwipaġġ, tiskatta t-tieni fażi fejn jiġu trasferiti l-laneċ.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala tender li ħarġet ftit tal-ġimgħat ilu mid-Dipartiment tal-Kuntratti biex tinbena u titlesta blokka flats ġewwa Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex, ftit ġranet qabel kellha tagħlaq din it-tender ma baqgħatx tidher fuq il-website 'www.etenders.gov.mt'? Jista’ jgħid x'ġara eżatt?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ġie kkanċellat minħabba inkonsistenza teknika fid-dokument ippubblikat. Se tiġi ppublikata sejħa ġdida għall-offerti.
Rabat — Ċimiterju ta’ Santa Marta – manutenzjoni u xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor sar u kemm ġie jiswa fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marta fir-Rabat, f’dawn l-aħħar ħames snin maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid x’hemm ippjanat bħala manutenzjoni u xogħol ieħor li jsir minn issa sal-aħħar tas-sena f’dan iċ-ċimiterju u matul is-sena 2022 u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jara sabiex fix-xhur li ġejjin issir il-manutenzjoni meħtieġa.
Tista’ l-Ministru taġġorna dwar fiex wasal il-proċess fit-tender 'for Construction and Structural Alterations, Finishing, Mechanical and Electrical Works using Environmentally Friendly Products at Nadur Primary School, Gozo' (CT3020/2021) u tgħid f’liema xahar u sena hu maħsub li jinbeda x-xogħol mitlub minn din l-imsemmija tender?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-proċess tat-'tender for Construction and Structural Alterations, Finishing, Mechanical and Electrical Works using Environmentally Friendly Products at Nadur Primary School, Gozo' (CT3020/2021) qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Animali – ħaddiema f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u anke tal-kuntrattur li jagħmlu xogħol ġewwa Għawdex? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema, x’inhu l-grad tagħhom, fejn bħala post jaqdu d-dmirijiet tagħhom u kemm ilhom jaħdmu ġewwa Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'TENDER FOR THE PROVISION OF ARCHITECTURAL CONSULTANCY SERVICES IN RELATION TO PROJECTS UNDERTAKEN BY XEWKIJA LOCAL COUNCI' li għalqet fit-2 ta' Frar 2021 u jgħid fiex wasal il-proċess biex din it-tender tiġi aġġudikata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li meta ġie ppublikat ir-ri¿ultat kien hemm appell minn wieħed mill-bidders. Għaldaqstant għadha qed issir l-evalwazzjoni meħtieġa mill-Public Contracts Review Board.
Negotiated procedure – servizz ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru għal Għawdex jispjega u jgħid fiex tikkonsisti u kemm hi stmata li ħa tiġi tiswa globalment in-Negotiated Procedure for the Provision of Accommodation for Elderly in Gozo MG316/2017/pt1 – B? Jista’ jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex ma ħarġitx tender biex jiġi offrut dan is-servizz ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid kemm-il sena ilu ġie awarded dan is-servizz permezz ta' Negotiated Procedure u kemm kienet is-somma globali s’issa li l-Ministeru għal Għawdex ħallas u lil min ħallas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpallant li n-'NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE PROVISION OF ACCOMODATION FOR ELDERLY PERSONS IN GOZO' MG 316/2017/pt1 - B qiegħda tiġi stmata li se tiswa €483,120 excl. VAT. Mis-sena 2017 sal-aħħar ta’ Awwissu 2021, is-servizz ingħata minn Health Services Gozo Ltd. Minn l-1 ta’ Settembru 2021 is-servizz qiegħed jingħata minn Kura Gozo Co. Limited. Is-servizz ingħata permezz ta’ Negotiated Procedure minħabba limitazzjonijiet fis-suq. Is-somma globali li ħallas il-Ministeru għal Għawdex hi riflessa fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-medja tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-kuntratt ingħata lill-persuni mill-Ministeru għal Għawdex u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu matul is-sena 2021 sal-lum u ċjoè kemm-il kuntratt ingħata lil dawn il-persuni biex joffru servizz lill-Ministeru jew entitajiet bħala persuni self-employed? Jista' jgħid minn f'kull każ iffirma l-kuntratti ma’ dawn il-persuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-liġi SL 601.03, kull kuntratt jiġi ppublikat fuq il-gazzetta tal-Gvern perjodikament.
Jista’ l-Ministru jgħid fir-roundabouts ta’ Għawdex, minn Ġunju 2017 sal-lum:
a. Kemm sar armar differenti s’issa?;
b. Għal liema okkażjonijiet saru?;
c. Fejn qed jitwaħħlu? Liema huma l-postijiet speċifiċi?;
d. Kemm huma stmati li ġew jiswew?;
e. Min awtorizza dawn il-ħlasijiet?;
f. X’armar hu previst għall-kumplament tas-sena?;
g. Wara li jiżżarmaw, x’qed isir minn dan l-armar u fejn qed jitpoġġa?; u
h. Kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan l-armar tar-
roundabouts
u x’inhu l-grad tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ir-Rabat Għawdex — Triq Pompeii - traffic management
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21860 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min ħa d-deċiżjoni li Triq Pompeii fir-Rabat, Għawdex issir one way bit-traffiku kollu li jkun ġej minn erba' toroq arterjali jintefa' ġo triq sekondarja u dejqa bħalma hi Triq Pompeii? Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi traffic counts jew xi tip ta studji oħra u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra qabel ġie deċiż li Triq Pompeii, triq sekondarja u dejqa, jibda jgħaddi t-traffic kollu li jkun ġej minn erba’ toroq arterjali? Jista' jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux ilmenti mir-residenti u jekk huwa ltaqax mal-istess residenti? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jieħu passi biex itaffi l-konsegwenzi koroh, inkluż duħħan u arja ħażina, li qed isoffru r-residenti ta' din it-triq? Jaf li hemm anzjani li spiċċaw ma jistgħux joħorġu minn djarhom bl-ammont enormi tat-traffiku li ntefa' f'din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li l-awtorizzazzjoni għat-tibdil imsemmi ħarġet minn Transport Malta wara konsultazzjoni ma l-istakeholders kkonċernati. Id-direzzjoni ta’ traffiku fi Triq Pompej baqgħet kif kienet u ma hemm l-ebda impozizzjoni biex it-traffiku kollhu jgħaddi minn din it-triq. F’dan il-każ, Triq Pompej kienet diġa qiegħda tintuża bħala alternative route waqt ix-xogħlijiet ta’ tisbieħ fuq Pjazza San Franġisk u għaldaqstant is-sistema kienet diġa ġiet pruvata. Transport Malta diġa ħadet miżuri biex jonqos it-traffiku minn Triq Pompej billi neħħiet rotta tal-linja minn din it-triq waqt li żiedet is-sinjali tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21884 u jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema jaħdmu fl-uffiċini fil-Gozo Innovation Hub u kemm minnhom huma ħaddiema impjegati maċ-Ċivil u kemm minnhom huma impjegati mal-privat? Dawk impjegati mal-privat liema tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li hemm b'kollox ħmistax ir-ruħ ingaġġati fl-amminastrazzjoni u l-manteniment tal-Gozo Innovation Hub. Tnejn minn dawn huma impjegati ta' INDIS Malta Limited. Il- Kumplament huma ingaġġati min kuntratturi privati.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-koordinamenti u jekk ġewx finalizzati u x'fadal isir bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u l-Ministeru għal Għawdex 'sabiex jibda jiġi offrut servizz ferm importanti u bżonnjuż ta’ Park & Ride għall-Għawdxin li jridu jaqsmu lejn Malta, sabiex possibbilment jibda jingħata servizz ta’ trasport lill-istudenti Għawdxin minn lokalitajiet oħrajn għall-Imġarr' permezz tas-sitt coaches li jaħdmu bl-elettriku li nxtraw mill-Ministeru għal Għawdex b'fondi tal-Unjoni Ewropea u li waslu Għawdex f’nofs Ġunju tas-sena 2020 u li sal-lum qatt ma ntużaw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet dwar x’servizzi jistgħu jingħataw permezz tas-sitt coaches għadhom għaddejjin.
Direttiva UE 2019/770 u Direttiva (UE) 2019/771 — implimentazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19933, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tat-tfassil tal-liġijiet biex jiġu trasposti d-direttivi tal-Unjoni Ewropea 2019/770 u 2019/771 ukoll peress li dawn kellhom jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2021?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi sussidjarja għat-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE)2019/770 għandha tiġi ppubblikata fil-jiem li ġejjin, filwaqt li l-Abbozz għat-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE)2019/771 għandu wkoll jiġi mressaq quddiem il-Parlament fi żmien qasir.
Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intużaw Fondi Ewropej mill-Ministeru għal Għawdex taħt il-programm ta' Fondi Strutturali u Fondi ta' Koeżjoni Ewropej 2014-2020, sena b'sena u għal xiex intużaw? Minn dan il-programm, kemm baqa' fondi x'jintefqu fix-xhur li ġejjin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 22260 - Programm ta’ Fondi Strutturali u Fondi ta’ Koeżjoni Ewropej 2014-2020 – Fondi Ewropej użati mill-Ministeru għal Għawdex.pdf
Water Services Corporation — Sistema tal-ħruġ ta’ kontijiet tas-servizzi tal-ilma – awditjar indipendenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk qattx sar xi awditjar indipendenti tas-sistema tal-ħruġ ta’ kontijiet tas-servizzi tal-ilma forniti mill-Water Services Corporation fuq talba tal-Ministru jew tar-REWS jew ta’ xi entità regolatorja oħra mill-bidu tal-2020 s’issa? Jekk sar xi awditjar, tista’ l-Ministru tgħid meta sar dan u x’kienu r-riżultati.?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mil-bidu tas-sena 2020 s’issa ma sar l-ebda awditjar indipendenti fuq sistemi tal-ħruġ ta’ kontijiet tas-servizzi tal-ilma forniti fuq talba tal-Ministru jew tar-REWS.