Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #23419 Sitting 536 2022-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ parks — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ parks ġewwa Għawdex fejn bħalissa l-Ministeru għal Għawdex qed jagħmel interventi fihom biex ikunu jistgħu jitgawdew aħjar mill-pubbliku? Jista’ jispeċifika x’tip ta’ xogħol qed isir u kemm hu stmat li ħa jiġi jiswa? Intern

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti xogħlijiet ta’ manutenzjoni bħal ma huwa żbir u tisqija ta’ siġar, hemm ukoll xogħlijiet oħra li għaddejjin u li qegħdin isiru mill-ħaddiema tal-Gvern biex isir fencing madwar il-perimetru tal-Ulysses Grove. Bħala parks miftuħa għall-pubbliku hemm: Ulysees Groove, Ġnien tad-Dawwara, Ġnien ta’ Kerċem, kif ukoll il-Qala Dog Park li ġie inawgurat uffiċjalment ftit tal-ġimgħat ilu. Apparti minn hekk, daqt jitlesta ukoll il-park tal-Qortin.

Għawdex – community policing

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk bediex jitħaddem il-kunċett tal-Pulizija fil-Komunità (Community Policing) ġewwa Għawdex u f’liema lokalitajiet beda jaħdem? Jekk le, meta hu mistenni li jibda u kemm ser ikun hemm pulizija f'kull waħda mil-lokalitajiet ta' Għawdex? Għawdex

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-community policing ġewwa l-ġżira Għawdxija beda jopera mill-1 ta’ Jannar fil-lokalitajiet kollha permezz tal-ewwel xoghol. Fil-jiem li gejjin is-servizz ikun wiehed formali. B’ kollox hemm 12 -il uffiċjal tal-komunità.
Leg 13 PQ #23421 Sitting 536 2022-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn – parking — tarmak

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19743, jista’ l-Ministru jgħid, 'skont il-prijoritajiet tal-Ministeru għal Għawdex' u ż-żmien opportun, huwiex ippjanat li matul is-sena 2022 dik il-parti tal-parking f’Marsalforn li għadha bil-wiċċ taż-żrar, tiġi miksija bit-tarmak?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħda fil-pjan li ssir pero, ovvjament hemm aktar toroq f’Marsalforn li se jingħataw prijorita.

Qasam Industrijali tax-Xewkija u Ta’ Dbiegi – Dynamic Purchase System

Question

B'referenza għall-'Establishment Of A Dynamic Purchasing System For The Construction And Maintenance Of Roads In Industrial Estates In Malta And Gozo' (Id:Ind-Gen-T015-21), minn INDIS Malta, tista’ l-Ministru tgħid x'toroq u xogħol ieħor sar permezz ta' din id-Dynamic Purchase System ġewwa l-Qasam Industrijali tax-Xewkija u Ta' Dbiegi matul is-sena 2021 u x'kienet l-ispiża u x'hemm ippjanat li jsir u x'ħa tkun l-ispiża matul is-sena 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #23423 Sitting 536 2022-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

National Lotteries Good Cause – proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm proġetti minn Għawdex ħadu għajnuna min-National Lotteries Good Causes Fund f'din l-aħħar sena u fiex kien jikkonsisti kull proġett? Jista' jgħid ukoll is-somma li ngħata kull proġett?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ta’ Sannat Local Council — Provision of Cleaning Services - tender

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender (Re Issue) li għalqet fit-18 ta' Ġunju 2021 'Provision of Cleaning Services at Ta’ Sannat Local Council (Re-Issue) (CfT CA Unique ID: SNTLC 10/2021) u jgħid fiex wasal il-proċess ta' evalwazzjoni tal-imsemmija tender? Jista’ jgħid f'dawn l-aħħar xhur min kien qed jagħti dan is-servizz u kemm kien qed jitħallas xahar b'xahar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li l-kuntrattur għandu jiġi nfurmat sabiex jibda dan il-kuntratt minn Frar 2022.

Għawdex – Wied tal-Grazzja — barrier tal-ħadid tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala fix-xhur li għaddew kien hemm u għad hemm barrier tal-ħadid tal-pulizija f'parti mit-triq li hemm maġenb il-Wied tal-Grazzja fir-Rabat Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-barrier tal-pulizija li hemm f'parti mit-triq li ma tintuzax għat-traffiku, maġenb il-Wied tal-Grazzja fir-Rabat Għawdex, sabiex tindika li dan il-passaġġ jista’ jkun ta’ periklu’. Il-Pulizija ħadet azzjoni u nfurmat b’dan lill-Kunsill Lokali responsabbli.
Leg 13 PQ #23368 Sitting 535 2022-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Direct Orders fil-Gazzetta tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dati ta’ meta ġew ippubblikati l-listi ta' Direct Orders fil-Gazzetta tal-Gvern mill-Ministeru għal Għawdex għas-sena 2019, 2020 u sa Lulju 2021?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ippublikata perjodikament kull madwar sitt xhur.
Leg 13 PQ #23370 Sitting 535 2022-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Public Contracts Review Board — website

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn id-dati ta' meta jkunu se jinstemgħu l-appelli (schedule of Public Hearing) ilhom mill-aħħar ta' April ma jidhru fuq il-website tal-Public Contracts Review Board?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minħabba il-bidliet ta’ kuljum ikkawzati mill-pandemija tal-Covid kif ukoll zewġ bidliet fiċ-Chairmanship, irrizultaw f’akkumulazzjoni ta’ kazijiet. Għaldaqstant ma kienx għadu vijabbli li nkomplu bil-pubblikazzjonijiet tal-iskeda fuq il- website . Hija l-intenzjoni tal- Board li jerġa’ jibda jippublika l-iskeda mill-aktar fis possibbli
Leg 13 PQ #23371 Sitting 535 2022-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Museum — spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' pagamenti saru sal-lum fuq il-proġett tal-Gozo Museum? Jista' jgħid kemm hi mistennija li tkun l-ispiża totali fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #23376 Sitting 535 2022-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema — tindif fuq barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-Gvern, skema, kuntrattur jew b'kuntratt) li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, li qed jagħmlu xogħol ta' tindif fuq barra inkluż bajjiet jew f'latrini pubbliċi f’Għawdex? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Allokazzjoni diretta għal kull kunsill lokali f’Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni diretta għal kull Kunsill Lokali f'Malta u Għawdex fis-sena 2021 u jgħid kemm ser tkun l-istess allokazzjoni għal kull Kunsill Lokali għas-sena 2022? Jista' jagħti ż-żieda li ser ikollu kull Kunsill Lokali mis-sena 2021 għas-sena 2022 f'allokazzjoni diretta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-informanzzjoni mitluba tinsab fit-tabella ‘A’ li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jirrimarka li għall-ewwel darba għas-sena 2021, fir-rigward tal-fondi ta’ aġġustament, il-Kunsilli Lokali intalbu biex qabel ma jingħata l-ammont, jibagħtu lid-Divi¿joni pjan ta’ kif ser jintefqu. Il-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali bgħatu l-pjan rikjest u ingħataw l-ammont allokat bħala fond ta’ aġġustament. Madanakollu kien hemm xi Kunsilli Lokali illi ma bgħatux il-pjan u l-ammont allokat għal fondi ta’ aġġustament ma ingħatax, liema informazzjoni tinsab fit-tabella ‘B’.

Proġett ta’ permanent Link bejn Malta u Għawdex

Question

B’referenza għall-proġett ta' permanent link bejn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid: a. fl-aħħar tliet xhur xi żviluppi kien hemm fejn jidħol dan il-proġett; b. liema studji hemm għaddejjin meta jwieġeb din il-mistoqsija u min qed jagħmel dawn l-istudji; c. jekk fl-aħħar tliet xhur kienx hemm xi studji li ġew konklużi; u d. jekk kienx hemm studji konklużi, liema kienu dawn l-istudji li ġew konklużi, min għamilhom u jistax jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Hekk kif spjegat b’mod dettaljat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 22403, fix-xhur li għaddew intemm l-ewwel stadju (pre-qualification questionnaire) tal-għażla tal-kuntratturi li ser jibnu u joperaw din l-infrastruttura ġdida, meta nħarġet l-ewwel rakkomandazzjoni. Madankollu, kif diġa spjegat lil din il-Kamra, tnejn mill-offerenti l-oħrajn issottomettew appell biex joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni li huma ma jimxux għat-tieni stadju tal-proċess. Dawn iż-żewġ appelli għadhom fil-proċess li jinstemgħu mill-Public Contracts Review Board. Il-proċess tal-għażla jidħol fit-tieni fażi tiegħu meta jkun hemm deċiżjoni dwar dawn l-appelli. Sadanittant, kif spjegat ukoll fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari indikata aktar kmieni, l-esperti mqabbdin biex jistudjaw dan il-proġett u jħejju l-environmental impact assessment tiegħu, qed jaħdmu fuq micro simulation model li janalizza l-effetti tal-mina l-ġdida fuq il-junctions u t-toroq tal-madwar. Kif diġa għidna kemm-il darba, ladarba jitlestew il-proċessi tal-għażla tal-kuntratturi u l-istudji relatati, l-istudji kollha li qed isiru jew li għad iridu jsiru jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika, hekk kif jitlob il-proċess stabbilit biex ikun determinat il-permess finali għall-proġett mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar.
Leg 13 PQ #23301 Sitting 534 2022-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Budget 2022 – flus ivvutati għall-proġett ta’ Għar Għerduf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2022 u kemm hemm flus ivvutati fil-Budget 2022 għall-proġett ta' Għar Għerduf? Jista’ jgħid kemm kien il-Vot fil-Budget għal dan il-proġett għas-sena 2021 u kemm intużaw minnhom għal dan il-proġett u għalxiex intużaw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Għar Għerduf huwa sit ta’ dfin Ruman tassew uniku f’Għawdex, illi jmur lura għas-sekli Tlieta u Erbgha Wara Kristu, liema epoka hija magħrufa aħjar bħala l-era Paleo-Kristjana. Dan is-sit jinsab f’parti minn Wied il-Lunzjata, fil-konfini tar-raħal ta’ Kerċem. Dan l-istess sit minn dejjem attira l-attenzjoni ta’ diversi studjużi u kittieba, fosthom ta’ Gian Frangisk Abela illi infatti anke semmieh f’xogħlu. Skond dan l-istoriku, l-għar kien wieħed mill-Cripte antiche de' Sagri Cimiteri fil-gżejjer Maltin. Is-sit gie invistat minn diversi studjuzi u arkaeloġisti matul is-snin, u diversi minnhom semmewh f’kitbiethom. Dan is-sit huwa importanti, u ilu importanti, peress illi huwa l-unika sit li tpoġġa fl-elenku taħt l-Att dwar il-Ħarsien tal-Antikitajiet ippubblikat minn waħda mill-ewwel leġislaturi tas-` self-government ` fis-sena elf, disa’ mija u hamsa u għoxrin (1925). A.A. Caruana, fir- Rapporto sulle Antichità Fenicie e Romane tal-1882 jiddiskrievi Għar Gerduf bħala qabar Feniċju. Minkejja dan, iżda llum, huma diversi studjużi li huma tal-fehma li Għar Għerduf huwa tassew katakombi insara tal-perjodu Ruman. Fis-sena 2000, il- Malta Environment and Planning Authority skedat Għar Għerduf u anke mitt metru buffer zone miegħu, bħala sit arkeologiku Klassi A; skedar li huwa komparabbli ma’ dak mogħti lill-Mnajdra u Ħagar Qim, u dan bħala rikonoxximent tal- istatus uniku tiegħu fost il-monumenti tal-wirt kulturali Għawdxi. Rivalutazzjoni riċenti sostniet li Għar Għerduf għandu karatteristiċi u funzjonijiet funerarji distinti li jvarjaw minn siti oħra simili Maltin. Dan l-istess sit, sa ftit snin ilu kien fi proprjeta’ privata. Pero’ l-Ministeru għal Għawdex, ħaseb biex jippriserva dan is-sit uniku u għaldaqstant, fid-29 ta’ Jannar 2019, kiseb it-titolu ta’ din il-proprjeta’. Iż-żona esproprijata kienet tinkludi l- footprint tal-istess katakombi nfushom, u kif ukoll rotta dejqa li tippermetti l-aċċess għall-pubbliku. Fis-sena 2021 imbagħad intuzaw 592,200 Euro biex issir l-esproprjazzjoni taz-żona quddiem u biswit l-istess sit, liema żona tagħti għat-triq. Din l-esproprjazzjoni kienet neċessarja sabiex fil-futur qarib, isir xoghol ta’ konsolidament u konservazzjoni. Għar Għerduf in fatti jinsab fi stat ħazin ħafna ta’ priservazzjoni u jinsab f’riskju ta’ kollass strutturali imminenti. Dan il-pass li ħa l-Ministeru għal Għawdex, ġie mfaħħar u rikonnoxut minn diversi NGOs konċernati minn dan is-sit. Il-Ministeru in segwitu, beda wkoll process ta’ diskussjonijet mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali dwar it-termini neċessarji għall-investigazzjonijiet u skavar tal-arkaeoloġija fl-istess sit. Dan kollu se jwassal biex eventwalment dan is-sit abbandunat jiġi konvertit f’attrazzjoni importanti turistika u ta’ wirt kulturali li se tkun miftuħa ghall-pubbliku in generali. Dan is-sit se jiġi fdat lid-Direttorat ghall-Wirt Kulturali fi ħdan l-istess Ministeru għal Għawdex. Dan il-proġett se jwassal għaldaqstant biex jiġi valorizzat il-prodott Għawdxi u speċifikament dak ta’ Wied il-Lunzjata li jinkludi wied fertili li hu meqjus bhala sit ta’ Natura 2000.
Leg 13 PQ #23302 Sitting 534 2022-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender – CT2036/2019

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender CT2036/2019 - 'Tender for the Manufacturing, Installation, Maintenance and Storage of Christmas Decorative Lighting'? Jista’ jgħid meta ġiet ippublikata din it-tender u meta ġiet awarded u kemm hi stmata li tiswa u fiex tikkonsisti din it-tender u għal kemm-il sena hi valida din it-tender?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT2036/2019 - 'Tender for the Manufacturing, Installation, Maintenance and Storage of Christmas Decorative Lighting' ġiet ppublikata nhar id-29 ta’ Lulju 2020 u tkopri servizz fuq medda ta’ tlett snin. It-tender qiegħda fi stadju avvanzat ta’ evalwazzjoni.
Leg 13 PQ #23362 Sitting 534 2022-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur — Multi Modal Hub (Park and Ride) - excavation waste

Question

B'referenza għall-proġett tal-Multi Modal Hub (Park and Ride) f’Ta’ Xħajma fin-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ta' materjal (excavation waste) ġie skavat sal-lum f'dan is-sit u kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jgħid kemm-il metru kubu ta' materjal (excavation waste) baqa’ jiġi skavat f'dan is-sit fejn hemm ippjanat li jiġi l-Park and Ride?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew skavati 44,935.36 metru kubu ta’ materjal fl-2019 u ġie jiswa € 718,516.39 VAT eskluż.
Leg 13 PQ #23363 Sitting 534 2022-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ta’ Sannat – Triq Sannat – sinjali fit-toroq

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22361 rigward Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, fejn għaddew xhur u għadha ma saritx fiha zebra crossing kif ukoll is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li jifred karreġġjata minn oħra, fejn ġie imwieġeb li 'is-sinjali tan-nofs biż-żebgħa saru, u rigward iż-żebra crossing, id-dawl ser jiġi installat x’ħin tiġi awarded it-tender tal-pjazza', jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ġie mwieġeb li saru, iżda fil-verità sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija dawn għadhom ma sarux u għad hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sinjali tan-nofs biż-żebgħa saru safejn seta' jsir. Il-bqija taż-żebgħa ser issir meta jiġi nstallat id-dawl taż-zebra crossing.
Leg 13 PQ #23364 Sitting 534 2022-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Notorium Pool — pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'pagamenti saru sal-lum fuq il-proġett tal-Gozo Notorium Pool? Jista' jgħid kemm hi mistennija li tkun l-ispiża totali fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #23365 Sitting 534 2022-01-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — remote workspaces

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il remote workspace infetaħ s'issa f’Għawdex, u kemm jistgħu joqogħdu ħaddiema fihom? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa sabiex jitlestew dawn il-work spaces u fejn jinsabu? Jista' jgħid kemm sar użu ta' dawn il-work spaces xahar b'xahar minn meta nfetħu u jekk hemmx pjanijiet li jinfetħu aktar remote workspaces fil-gżira t'Għawdex?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li f’Għawdex infetaħ remote workspace wieħed li jinsab ġewwa l-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija u li jakkomoda total ta’ 32 Uffiċjal Pubbliku. In-nefqa biex tlesta dan ir-remote workspace kienet ta’ €51,103 (VAT eskluż). S’issa m’hemmx pjani li jinfetħu iktar remote workspaces fil-gżira Għawdxija għax għadu prematur li jsiru dawn meta jitqies li l-użu ta’ dan l-ispazju għadu ma qabadx rittmu stabbli.
Leg 13 PQ #23295 Sitting 533 2022-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ċirkewwa – Moll Numru 1 – irbit ta’ vapuri tal-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) hu ppjanat li Moll numru 1 fiċ-Ċirkewwa, jibdew jorbtu l-vapuri tal-Gozo Channel miegħu? Jista’ jgħid x’fadal isir biex dan il-moll jibda jiffunzjona?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li la darba jiġi awarded it-tender u sakemm it-temp ikun jippermetti, l-installazjoni tal-fenders u l-protective ramp għandhom isiru minnufih.