Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li ħadu servizzi u attendew il-GU Clinic

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni ħadu servizzi u attendew il-GU Clinic kull sena fl-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ attendenzi (visti mat-tabib) fil-GU Clinic ta’ Malta fl-2011 kien 2462, fl-2012 2488, fl-2013 3035, fl-2014 1687, fl-2015 3969, fl-2016 5428, fl-2017 5864, fl-2018 6255, fl-2019 6399, fl-2020 4113, u fl-2021 6516 il-attendenza. Filwaqt li fil-GU Clinic ta’ Għawdex kien hemm 77 attendenza minn meta fetħet f’Mejju tal-2021 sal-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena.

BCA — uffiċċju

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22931, jista' l-Ministru jagħti l-indirizz eżatt ta' fejn jinsab l-uffiċċju tal-BCA ġewwa x-Xatt tal-Imġarr f'Għawdex? Jista' jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' dan l-uffiċċju u għala u min ħa d-deċiżjoni li dan l-uffiċċju jinfetaħ ġewwa l-Imġarr? Jista' jgħid qabel għal xiex kien jintuża dan l-uffiċċju?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-indirizz tal-uffiċċju hu: Awtorita’ għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Triq Martino Garzes, Il-Port tal-Imġarr, Għajnsielem. Il-ħinijiet tal-ftuħ tiegħu huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-6.30 ta’ filgħodu u t-3.30 ta’ wara nofsinhar. Jien indurmat ukoll li d-deċiżjoni li jinfetaħ dan l-uffiċċju kienet ittieħdet sabiex ikun żgurat li f’Għawdex ukoll ikun jista’ jingħata livell xieraq ta’ servizz. M’għandniex informazzjoni dwar x’użu kien isir mill-binja qabel ma daħlet fiha l-Awtorita’.

Proġett tal-Port tal-Imġarr — faċilitajiet għas-sajjieda

Question

B'referenza għall-proġett tal-Port tal-Imġarr iffinanzjat mil-Unjoni Ewropea li nbeda fis-sena 2019 biex jitnaddaf, jinbidlu l-puntuni u jiżdiedu l-faċilitajiet għas-sajjieda, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett huwiex lest minn kollox u jekk le, x' fadal isir u meta se jsir? Jista’ l-Ministru jgħid kif se jitqassmu l-madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes tas-sajjieda, u min se jkun preferut l-ewwel bejn MFA, MFB jew xi MFC u MFD? Jista’ jgħid ukoll sena b'sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm kien hemm fuq il- waiting list tal-Awtorità mill-uffiċċju tal-Imġarr biex ikollom irmiġġ ġdid u kemm minnhom huma MFA, MFB MFC jew MFD?

Response (BORG, IAN)

Dan l-investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea, li qed jiġi finalizzat bl-aħħar irqaqat, kien jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li jużaw is-sajjieda. Infrastructure Malta nstallat erba’ puntuni ġodda u faċilitajiet oħrajn għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. B’organizzazzjoni aħjar tal-puntuni ġodda se jiżdiedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom. Il-postijiet godda ghall-irmigg tad-dghajjes tas-sajd gewwa l-Port tal-Imgarr ser jitqassmu skond l-applikazzjonijiet sottomessi u milqugha mill-Awtorita’ tat-Trasport. L-ewwel preferenza ser tingħata lid-dgħajjes reġistrati MFA, it-tieni għal dawk reġistrati MFB u t-tielet ghal dawk reġistrati MFC u MFD. L Awtorita’ għandha rekords u data tal-applikazzjonijiet u waiting list sa mill-2014 kif ġej: MFA - 2014: 1; 2015: 2; 2016: 5; 2017: 0; 2018: 2; 2019: 10; 2020: 4; 2021: 1 MFB - 2014: 3; 2015: 13; 2016: 7; 2017: 5; 2018: 5; 2019: 17; 2020: 6; 2021: 4 MFC - 2014: 6; 2015: 28; 2016: 5; 2017: 6; 2018: 5; 2019: 45; 2020: 11; 2021: 17 MFD- L-ebda applikazzjoni
Leg 13 PQ #23610 Sitting 542 2022-02-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — titjib fil-kwalità tal-arja fir-Rabat, fix-Xagħra, f’Għajnsielem u fil-Qala

Question

Peress li suppost Eko Għawdex jindirizza l-kwalità tal-arja u peress li f'toroq fir-Rabat, fix-Xagħra, f’Għajnsielem u fil-Qala Għawdex, fost l-oħrajn, ir-residenti jilmentaw minħabba arja mniġġsa li qed tikkawża ħafna ħsara lis-saħħa tal-bniedem, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern, biex titjieb il-kwalità tal-arja f'dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirriferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat

Landfill tal-Qortin — Gas Treatment Plant - manutenzjoni u investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' manutenzjoni u investiment sar, minn min sar u kemm ġie jiswa sena b' sena mis-sena 2015 sal-lum fuq il-Gas Treatment Plant li hemm fil-Landfill tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex? Jista’ jgħid jekk f' dawn l-aħħar sitt snin sarx xi tip ta monitoraġġ fuq din il-landfill, u jekk iva, fiex kien jikkonsisti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat li pre¿entament hemm żewġ offerti fuq is-suq. Dawn huma it- Tender For The Supply, Delivery, Installation, And Commissioning Of A New Below-Ground 5,000 Ltr Lpg Storage Tank In The Qortin Landfill Gas Treatment Plant, Gozo u t-Tender For The Supply, Installation And Commissioning Of A Low Calorific Gas High Temperature Flare And Ancillaries At Qortin, Xagħra For Wasteserv Malta. Il-valur ta’ dan l-investiment huwa ta’ madwar €75,000. F’każ ta’ manutenzjoni ġenerali kemm tal-miżbla kif ukoll tal-impjant tal-gass isir internament u jinkludi l-manutenzjoni ta' pompi, bjar tal-gass, veġetazzjoni, ħitan tal-konfini tal-impjant u t-trasport tal-kondensat, kif ukoll manutenzjoni tal- flare. Fir-rigward ta’ monitoraġġ tal-gas dan isir perjodikament meta jkun hemm bżonn li tinxtegħel il-flare peress li l-ġenerazzjoni tal-gass hija baxxa ħafna. Dan il-monitoraġġ jinkludi l-qari bażiku tal-bijogass għal-Carbon Dioxide, il-ġenerazzjoni tal-Methane, il-kontenut tal-Ossiġenu, u l-konsum tal-LPG u l-gass kollhu jigi trattat minn gol- flare .

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — tenders li ħarġu reċentement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu t-tenders li hawn hawn taħt, li ħarġu reċentement mill-Ministeru tiegħu, u għalfejn inħasset il-ħtieġa li jinħarġu issa: a) Tender For The Supply, Delivery, Installation, And Commissioning Of A New Below-Ground 5,000 Ltr Lpg Storage Tank In The Qortin Landfill Gas Treatment Plant, Gozo ID:SPD8/2021/155 b) Tender For The Supply, Installation And Commissioning Of A Low Calorific Gas High Temperature Flare And Ancillaries At Qortin, Xaghra For Wasteserv Malta ID:SPD8/2021/161?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema attwali tal-gas qegħda mibnija fuq l-art. Proviżjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà jirrikedu li tali sistema ikolla reċint ta’ 15 metru madwara. Bħala parti mill-isforz tal-WasteServ li tagħmel iż-żona tal-Qortin aċċessibbli b’mod assolut il-WasterSev għamlet l-istudji meħtieġa sabiex jaġġornaw din is-sistema. Riżultat ta’ dan iż-żewġ tankijiet tal-LPG li jinsabu fuq l-art ser jiġu mibdula b’tank i¿għar taħt l-art. Fl-istess ħin, se jiġi mibdul l-apparat li jaħraq il-gas li jiġi pproduċut mill-miżbla sabiex dan ikun jista’ jinħaraq b’mod kontinwu. Dawn iż-żewġ tenders li ħarġu reċentement huma marbutin ma’ dan ix-xogħol li flimkien mar-riġenerazzjoni u tħadir tal-miżbla tal-Qortin ser ikunu qed iwasslu għal- kwalità ta’ ħajja aħjar għal- Għawdxin u l-eluf ta’ nies li jżuru Għawdex.

Entitajiet governattivi li joperaw mill-Gozo Innovation Hub

Question

B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22842, jista’ l-Ministru jgħid liema huma ż-żewġ entitajiet governattivi li joperaw mill-Gozo Innovation Hub u kemm ilhom joperaw minn hemm?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Iz-zewg entitajiet governattivi li joperaw mill-Gozo Innovation Hub huma il-Gozo Regional Development Authority u l-Agenzija servizzi.gov; ta’ l-ewwel bdiet topera mill-Hub is-sena l’ohra u t-tieni wahda din is-sena. >

Single parents f'Malta u Għawdex — għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' single parents f'Malta u f’Għawdex? Jista' jagħti dan in-numru sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar (10) snin? Jista' jgħid kemm kien l-ammont f'għajnuna soċjali li ngħataw lil dawn il-persuni sena b'sena matul dawk l-aħħar għaxar (10) snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #173 Sitting 541 2022-01-31 Written · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

National Lotteries Good Cause – proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23423 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm proġetti minn Għawdex ħadu għajnuna minn National Lotteries Good Causes Fund matul is-sena 2021 u fiex kien jikkonsisti kull proġett? Jista' jgħid ukoll is-somma li ngħatat għal kull proġett?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23289.
Leg 13 PQ #23561 Sitting 541 2022-01-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex u Kemmuna — bajjiet li kellhom Blue Flag

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-bajjiet f’Għawdex u Kemmuna li matul is-sajf 2020 u s-sajf 2021 kellhom l-Istatus tal-Blue Flag u kienu fil-Blue Flag Season?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bajjiet li matul is-sajf 2020 u s-sajf 2021 kellhom il-Blue Flag huma l-bajjiet ta’ Marsalforn, Ħondoq u r-Ramla.
Leg 13 PQ #23562 Sitting 541 2022-01-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Beach Supervisors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni u x' kienu l-etajiet tagħhom li applikaw u kemm minnhom ġew aċċettati biex iservu bħala Beach Supervisor matul is-sajf 2020? Jista’ jgħid min għamel l-Interviews (isem u kunjom) biex jiġu magħżula? Jista’ jgħid kemm-il siegħa xogħol għamlu kull wieħed u waħda minnhom u f'liema bajjiet wettqu dan ix-xogħol u fiex kien jikkonsisti l-Induction Course li sar għal dawn il-Beach Supervisors, minn min sar u kemm dam? Jista’ jgħid fil-passat min kien joffri dan is-servizz u kemm ilu jiġi offrut dan is-servizz mill-Ministeru għal Ghawdex? Jista’ jgħid kemm ġiet tiswa bħala flus din l-inizjattiva matul is-sajf 2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei, Sptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – mediċini wżati — spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19977 u jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta’ mediċini wżati f’kull wieħed minn dawn l-isptarijiet b’mod separat u għal kull sena għas-snin 2018, 2019, 2020 u għas-sena 2021 sakemm titwieġeb din il-mistoqsija? a. Mater Dei b. Sptar Karen Grech c. Sptar Ġenerali ta’ Għawdex

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Leg 13 PQ #23592 Sitting 541 2022-01-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Dipartiment tal-Kuntratti – ħruġ ta’ Tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement mid-Dipartiment tal-Kuntratti: CT2344/2021 - Tender for Seamen Services to Work on Board Gozo Channel (Operations) Limited Vessels? Jista' l-Ministru jgħid għaliex din it-tender ħarġet permezz ta' Accelerated Opening, kif ukoll jgħid kemm hi stmata din it-tender, kemm hemm maħsub li jiġu impjegati Seaman permezz ta' din it-tender u għal kemm-il sena hi din it-tender?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT2344/21 jikkonsisti fi provizjoni ta’ servizzi ta’ seamen biex jaħdmu abbord il-vapuri tal-Gozo Channel (Operations) Limited. It-tender ħarġet permezz ta’ Accelerated Procedure minħabba l-fatt li l-kuntrattur prezenti informa lill-Awtorità Kontraenti li jrid jittermina l-kuntratt tiegħu. Din issa ġiet estiza sas-6 ta’ Jannar u allura t-tender se jkollha perjodu ta’ pubblikazzjoni ta’ 30 ġurnata. L-estimu li ġie pubblikat fit-tender huwa ta’ €5,062,177.85 (esk VAT) għal perjodu ta’ sentejn, bil-possibilita li tiġi estiza għal zewġ perjodi oħra ta sitt xhur -il wieħed. It-tender tistabilixxi biss l-estimu tas-siegħat u ħarġet fuq ba¿i ta’ as and when required.
Leg 13 PQ #23593 Sitting 541 2022-01-31 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ktejjeb Għawdex Numru 04

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kopja ġiet stampata ta' Għawdex Numru 04, Novembru 2021? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta' dan il-ktejjeb u min għamel ix-xogħol (layout, printing, posta eċċ)? Jista' jgħid lil min ġie mibgħut bil-posta dan il-ktejjeb?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – ħaddiema li jagħmlu xogħol ġewwa Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu, u anke tal-kuntrattur, li jagħmlu xogħol ġewwa Għawdex? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema, x’inhu l-grad tagħhom, fejn bħala post jaqdu d-dmirijiet tagħhom u kemm ilhom jaħdmu ġewwa Għawdex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpallent li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #23526 Sitting 540 2022-01-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Heliport Limited

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22764 u jgħid jekk il-Gozo Heliport Limited hijiex entità governattiva? Jista' jgħid sena b'sena f'dawn l-aħħar tliet snin, kemm intużaw mill-flus li kien hemm allokat f'kull baġit u għal xiex intużaw dawn il-fondi? Jista' jpoġġi kopja tal-audited accounts ta' din il-kumpanija għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Heliport Limited hija entita’ governattiva fejn il-Gvern għandu 100% mill-ishma tramite l-Malta Government Investments Limited. Flus allokati fil-baġit tas-snien imsemmiegħa kienu ta’ €200,000 f’kull sena. Il-Heliport ta’ Għawdex jinsab fil-periferija tal-lokalita’ tax-Xewkija, preċiżament fi Triq ta’ Lambert li hija konnessa direttament mar-rotta tal-arterja ewlenija ta’ Għawdex u cioe’ Triq l-Imġarr, li twassal mill-Port tal-Imġarr għar-Rabat Ghawdex, cioe’ il-Belt Victoria. Għalhekk jinsab 'il barra minn żoni residenzjali (bl-eqreb cluster residenzjali stabbilit jinsab madwar 300 metru 'il bogħod fi Triq l-Imgarr), iżda in realta’ il-lokalitajiet ta' Għajnsielem u Xewkija jinsabu f'distanza minima ta' kilometru. Jinsab ghaldaqstant qrib ħafna tar-rotta ewlenija. f'termini ta' konnettività tal-vetturi, specjalment issa li biswit dan l-istess sit, hemm it-terminus tal-Park and Ride minn ta’ Lambert ghal Port tal-Imgarr. Jingħad li l-ħeliport imur lura ghas-sena 1943 fejn ġew imnaddfa diversi tumoli ta’ għelieqi fix-Xewkija biex jagħmlu post għal airstrip li permezz taghha Malta u Ghawdex ippartecipaw fl-Operazzjoni Husky u cioe’ l-invazjoni tal-Forzi Alleati Amerikani u Brittanici, gewwa l-gzira fit-Tramuntana taghna, Sqallija li kienet dak iz-zmien taht il-kontroll tar-regime Faxxista-Nazista. L-ajruport ta’ żmien il-gwerra kien jinsab ftit eqreb lejn ir-raħal tax-Xewkija, bejn il-ħeliport preżenti u r-raħal li ghadni kif semmejt. Wara l-gwerra, l-għelieqi f’Ta’ Lambert fix-Xewkija Għawdex ġew imnaddfa biex jagħmlu post għal airstrip, liema pjan twaqqaf ftit wara, u l-art ingħatat lura lill-bdiewa. L-art sussegwentement intużat mill-Forzi Brittaniċi bħala landing pad tal-ħelikopter. Fl-1968 il-Gvern beda jahseb biex jikkommetti ruhu sabiex issir airstrip vera u proprja, u anke kienu ingiebu f’Hal-Luqa zewg Islanders appositament. Dawn inbieghu fl-1970, u l-Gvern Laburista gdid tas-sebghinijiet beda mbaghad jahseb ghal pont fiziku permanenti bejn Malta u Ghawdex. Eventwalment din l-airstrip ġiet imtejba fl-1996 mill-Gvern Malti biex jipprovdi ambjent aktar sigur għat-trasport bl-ajru tal-ħelikopters. Kien hemm titjiriet skedati b’ħelikopter bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Heliport tax-Xewkija. Dawn inbdew mill-Malta Air Charter fl-1990, li waqfet topera fl-2004. Ta’ min isemmi per ezempju, li sa tmiem is-sena 1994, kien hemm 5,800 titjira bil-ħelikopter illi kienu ġarrew 51,378 passiġġier. Minn Marzu 2005 sa Ottubru 2006 it-titjiriet imbaghad saru mill-kumpanija Helicópteros del Sureste. Fl-2008 il-Heliport gie abbandunat hlief ghal xi titjiriet micro-light. Bħalissa, l-ebda titjira skedata ma ssir mill-ħeliport, ħlief għal skopijiet ta’ emerġenza biss. Bejn l-1990 u l-2008, ħames kumpaniji differenti tal-ħelikopters kienu ppruvaw joperaw is-servizz tal-ajru bejn il-gżejjer, b’dawn kollha eventwalment spiċċaw mingħajr negozju. L-infrastruttura attwali tal-Heliport Terminal amministrata mill-Gozo Heliport Ltd taħt il-mandat tal-Ministeru għal Għawdex ġiet aġġornata u inawgurata l-aħħar f'Mejju 1996 wara investiment ta' LM 550,000 mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili (DCA) u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) li l-ishma ta’ maġġoranza tagħhom imbagħad kienu għadhom proprjetà tal-Gvern. Minkejja dan, il-Ħeliport ta’ Għawdex ilu ma jintużax mill-2008, b’diversi sforzi biex iż-żona tiġi riġenerata minn dakinhar. Iż-żona li tmiss mal-Heliport eżistenti tnaddfet minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Plant Troop, bejn l-2013 u l-2014 bi tħejjija għal runway ta’ ħaxix ta’ 900 metru. Is-sit ta’ 40,000 metru kwadru kien miksi b’sejjieħ u skart mill-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll karkassi. Dan il-proġett aktar tard tpoġġa fuq l-ixkaffa u llum is-sit jinsab fi stat mitluq. Mill-2015 sal-lum, id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta (TM) ilu jwettaq studji dwar il-possibbiltà li jerġa’ jiġi attivat servizz tal-ajru tal-ħelikopters bejn il-gżejjer. Dawn l-istudji jkomplu jissuġġerixxu li l-ispiża biex jiġi attivat mill-ġdid servizz tal-ħelikopter hija akbar minn ajruport qasir ta’ tlugħ u nżul għal inġenji tal-ajru bil-ġwienaħ fissi. Dan huwa prinċipalment, minħabba l-fatt li ħeliport jillimita n-numru ta’ utenti u opportunitajiet ta' investiment, u huwa inqas favur l-ambjent. Barra minn hekk, pjanijiet preċedenti kienu kbar fl-iskala u daħlu fuq art agrikola ta’ sidieni privati bi stima ta’ spiża ta’ żvilupp li teskala għal €14-il miljun. Bħalissa l-ħeliport jintuża biss f'każijiet ta' emerġenza mill-ħelikopters tal-ambulanza tal-ajru. Il-ħeliport jikkonsisti f’żewġ helipads wiesa’ 22 metru, konnessi b’runway tal-asfalt, biex jiffurmaw runway twila ta’ 174 metru fid-direzzjoni 10/28. Il-Ħeliport kien iddisinjat bħala ‘runway fixed-wings għall-użu mill-ħelikopters, meta l-istandards u r-rekwiżiti kienu pjuttost differenti. Iridu jsiru bidliet sabiex il-Heliport jissodisfa l-istandards tal-ICAO tal-lum u jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti operattivi. Jenħtieġ ghaldaqstant aġġornament għar-regolamenti attwali, u fil-preżent jista' jiġi utilizzat biss għal inżul ta' ħelikopters ta' emerġenza. Is-sit attwali fejn qed jiġu proposti x-xogħlijiet jikkonsisti f’żona ta’ ħaxix, parzjalment ġewwa u parzjalment barra l-fencing perimetali sigur. Partijiet sinjifikanti tas-sit barra l-ilqugħ huma ikkaratterizzati minn materjal inerti mormi, li partijiet minnu issa huma koperti bil-veġetazzjoni. Dan is-sit qabel kien suġġett ukoll, għall-Applikazzjonijiet għall-Ippjanar, Avviżi ta’ Infurzar u Ordni ta’ Notifika ta’ Żvilupp li ġejjin: • PA/01864/94; Estensjoni tal-faċilitajiet tal-Helipad Fażi 1 - Kostruzzjoni ta' Żona Finali ta' Avviċinament u Tlugħ (FATO) - Meħtieġa b'mod urġenti fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sikurezza. Fażi 2 - It-Tieni Helipad, Taxi-way, żewġ żoni ta' parkeġġ tal-ħelikopters, parkeġġ għal vetturi tan-nar, triq ta' aċċess u ċnut – Approvat. • EC/00424/95; Rimi ta' materjal mingħajr permess - Ingħata permess biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp illegali. • EC/01171/95; Aġġornament tal-faċilitajiet tat-terminal ta' Għawdex mingħajr permess - Ingħata permess biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp illegali. • PA/02774/95; Servizzi tal-Ajru Malta-Għawdex - Aġġornament tal-Faċilitajiet tat-Terminal ta’ Għawdex – Approvat. • PA/00158/96; Għal Malta - Gozo Air Services, titjib tal-faċilitajiet tat-Terminal ta’ Għawdex – Approvat. • PA/06726/96; 1. Kostruzzjoni ta' faċilitajiet ta' fire station. 2. Kostruzzjoni ta’ kamra ta' osservazzjoni u mħażen sottostanti. 3. Rilokazzjoni taċ-ċint tas-sigurtà 4. Aċċess tal-pavimentar tal-asfalt għall-istazzjon tan-nar u ż-żona tal-helipad – Approvat. • EC/00386/98; Heliport - sala mingħajr permess - Ingħata permess biex jiġi sanzjonat l-iżvilupp illegali. • DN/01609/13; Depożitu ta' materjal jew ħamrija fuq art agrikola eżistenti – Approvat. Madanakollu, l-aċċessibilita tal-gżira Għawdxija tinsab fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-Gvern. Għaldaqstant, wara li b’suċċess ġie introdott ir-raba vapur mal-flotta tal-Gozo Channel bl-iskeda aktar frekwenti, wara li ġie introdott b’suċċess ukoll is-servizz tal-Fast Ferry fejn il-Gvern investa fl-infrastruttura tal-Mġarr u l-Belt Valletta filwaqt li żewġ operaturi privati bdew joffru dan is-servizz veloċi bejn il-Belt u l-Mġarr, wara li b’suċċess ukoll ġiet introdotta it- tieni fibre optic cable sabiex illum il-ġurnata Għawdex huwa konness aħjar anka b’mod diġitali, wara l-introduzzjoni tal-Park and Ride b’servizz permess ta’ 6 karozzi tal-linja elettriċi sabiex anka tiġi promossa bidla modulari fil-mod ta’ kif wieħed jivvjaġġa, il-pass naturali huwa issa li inkomplu b’dawn is-suċċessi fil-konnettivita ta’ Għawdex anka permezz tal-ajru. Għaldaqstant, tul dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma intensiva minn diversi nies tekniċi sabiex Għawdex, għall-ewwel darba, jkellu l-ajruport reġjonali tiegħu. Pero’ , il- brief li n-nies tekniċi kellhom kien wieħedċar. Li: 1) Ma tittieħed l-ebda art agrikola addizjonali minn dak li preżentament hemm committed 2) Tali ajruport jkollu l-inqas impatt ambjentali 3) Tali ajruport jkun jista’ jilqa fih ajruplani li jġorru sa massimu ta’ 9-11 -il passiġġier Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni issa li titnehdi konsultazzjoni pubblika mill-Gozo Regional Development Authority sabiex jiġu ppreżentati il-pjanti, id-disinji u l-aspetti tekniċi oħrajn u jibda ukoll jinġabar il-feedback mingħand il-pubbliku u l-entitatjiet, awtoritajiet, NGO’s u dawk kollha li jixtiequ jikkumentaw fuq tali proġett. Hekk kif tali konsultazjoni pubblika tintemm, il-Gvern jiddeċiedi jemendax jew le, jimplementax jew le it-tali proġett u tiġi sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Tali proġett mhux biss se jkun ifisser aċċessibilita bl-ajru bejn iż-żewġt igżejjer, iżda potenzjal ferm akbar ta’ investiment f’Għawdex u attivita akbar ekonomika f’din il-gżira b’setturi li jkunu lesti li jinvestu f’Għawdex, kemm f’oqsma li jkunu relatati direttament mal-ajruport kif ukoll il-potenzjal kbir ta’ multiplier effect li tali proġett jista’ jħalli.
Leg 13 PQ #23540 Sitting 540 2022-01-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — policy tal-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-policy tal-Gvern fir-rigward ta’ impjegati fis-settur pubbliku li waslu biex jirtiraw mis-servizz mingħand l-eta u li pero jixtiequ jkollu jaħdmu sa’ 65 u aktar?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li, skont ir-regolamenti fis-seħħ, talbiet sabiex jiġi estiz is-servizz ta’ impjegati pubbliċi wara l-eta’ tal-irtirar (bhalissa 63 sena sa l-aħħar ta’ 2021, u wara 64 sena) sa l-eta’ ta’ 65 sena jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti jew Kap tal-Entita’ Pubblika, skont il-kaz. Tali approvazzjoni tingħata skont il-htieġa jew għal raġunijiet umanitarji u xi kundizzjonijiet oħra. Estensjonijiet ‘il fuq minn 65 sena, jiġu riferuti lid-Divizjoni ta’ Nies u Standards, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ix-Xagħra – Triq il-Marġa – problema fid-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser tissolva, u jekk hux ser tissolva matul is-sena 2022, il-problema kbira ta’ drenaġġ li ilha għal dawn l-aħħar tliet snin taffettwa lill-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom imissu ma’ Triq il-Marġa fix-Xagħra, Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi preparamenti biex matul din is-sena jiġu ppublikati tenders sabiex isiru xogħolijiet u upgrades neċessarji fl-akkwati ndikati.
Leg 13 PQ #23551 Sitting 540 2022-01-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra – Triq il-Marġa – periklu ta’ ċediment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li twaħħlu tabelli fi Triq il-Marġa, fix-Xagħra, Għawdex bil-kliem ‘Road Liable To Subsidence’, triq li tista’ ċċedi, u għalfejn din it-triq baqgħet miftuħa b’mod normali għal kull tip ta’ vetturi u għat-traffiku jekk tista’ ċċedi? Jista’ l-Ministru jgħid fl-immedjat x’ hemm ippjanat li jsir f’din it-triq? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bdiewa li għandom l-għelieqi jmmissu ma’ din l-imsemmija triq humiex f’riskju peress li din it-triq tista’ ċċedi, hekk kif indikat fit-tabelli li twaħħlu? Jista’ jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tibda t-tiswija f’din it-triq fil-ġranet li gejjin, u jekk hemmx periklu għan-nies li ta’ kuljum juzaw din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 21644.
Leg 13 PQ #23552 Sitting 540 2022-01-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Għasri — Triq tal-Lanterna - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwiegeb il-mistoqsija Parlamentari 22527 u jgħid meta bdew ix-xogħlijiet (xahar u sena) fi Triq tal-Lanterna, limiti tal-Għasri, meta se jitlestew dawn ix-xogħlijiet u kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jelenka x-xogħlijiet li twettqu jew li għad iridu jitwettqu f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn ix-xogħlijiet se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.