Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #23789 Sitting 546 2022-02-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22526 u jgħid kemm kien hemm u preżentament kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema dipartiment, awtorità, aġenzija u entità qed jaħdmu u xi grad huma?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Nisġet Artna (Xitwa 2021)

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ħarġa Numru 28 ta' Nisġet Artna (Xitwa 2021) intbagħtitx fil-households kollha ta' Għawdex? Jista' jgħid f’liema lokalitajiet oħra f'Malta din il-pubblikazzjoni ġiet mibgħuta fil-households kollha ta’ dik il-lokalità? Jista' jagħti r-raġuni għaliex din intbsgħtet fil-households kollha ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta' din il-pubblikazzjoni, liema spiża tkun tinkludi xogħol ta' artwork, artikli, printing, posta eċċ?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-pubblikazzjoni imsemmija nbgħatet fejn ilha tiġi mqasmma għal dawn l-aħħar snin.
Leg 13 PQ #23793 Sitting 546 2022-02-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi — riġenerazzjoni tal-parkeġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23036 rigward ir-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, u meta hu maħsub li din l-applikazzjoni tiġi approvata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni DN 01397/21 ġiet approvata fis-7 ta’ Diċembru 2021.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur– ħaddiema li jagħmlu xogħol f'Għawdex u Kemmuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, u anke tal-kuntrattur, li jagħmlu xogħol f'Għawdex u Kemmuna? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema, x’inhu l-grad tagħhom, fejn - bħala post - jaqdu d-dmirijiet tagħhom u kemm ilhom jaħdmu f'Għawdex u Kemmuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 29 ħaddiem li jaqgħu taħt il-Ministeru u li qegħdin jagħmlu xogħol f’Għawdex u Kemmuna. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi għandu 9 ħaddiema, l-MCCAA għandha 4 ħaddiema, filwaqt li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha 16-il ħaddiem. Dawn il-ħaddiema ġew impjegati bejn l-2002 u l-2020.
Leg 13 PQ #23781 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Heliport — Site Plan

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan taż-żona kollha tal-Gozo Heliport u jgħid kemm fiha tmien ta' art u kemm fiha metri kwadri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-site plan tal-area qed tiġi titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ma' din il-Mistoqsija Parlamentari. Kif kont spjegajt fil-mistoqsija parlamentari numru 23526, il-Heliport ta’ Għawdex jinsab fil-periferija tal-lokalita’ tax-Xewkija, preċiżament fi Triq ta’ Lambert li hija konnessa direttament mar-rotta tal-arterja ewlenija ta’ Għawdex u cioe’ Triq l-Imġarr, li twassal mill-Port tal-Imġarr għar-Rabat Ghawdex, cioe’ il-Belt Victoria. Għalhekk jinsab 'il barra minn żoni residenzjali (bl-eqreb cluster residenzjali stabbilit jinsab madwar 300 metru 'il bogħod fi Triq l-Imgarr), iżda in realta’ il-lokalitajiet ta' Għajnsielem u Xewkija jinsabu f'distanza minima ta' kilometru. Jinsab ghaldaqstant qrib ħafna tar-rotta ewlenija. f'termini ta' konnettività tal-vetturi, specjalment issa li biswit dan l-istess sit, hemm it-terminus tal-Park and Ride minn ta’ Lambert ghal Port tal-Imgarr. Jingħad li l-ħeliport imur lura ghas-sena 1943 fejn ġew imnaddfa diversi tumoli ta’ għelieqi fix-Xewkija biex jagħmlu post għal airstrip li permezz taghha Malta u Ghawdex ippartecipaw fl-Operazzjoni Husky u cioe’ l-invazjoni tal-Forzi Alleati Amerikani u Brittanici, gewwa l-gzira fit-Tramuntana taghna, Sqallija li kienet dak iz-zmien taht il-kontroll tar-regime Faxxista-Nazista. L-ajruport ta’ żmien il-gwerra kien jinsab ftit eqreb lejn ir-raħal tax-Xewkija, bejn il-ħeliport preżenti u r-raħal li ghadni kif semmejt. Wara l-gwerra, l-għelieqi f’Ta’ Lambert fix-Xewkija Għawdex ġew imnaddfa biex jagħmlu post għal airstrip, liema pjan twaqqaf ftit wara, u l-art ingħatat lura lill-bdiewa. L-art sussegwentement intużat mill-Forzi Brittaniċi bħala landing pad tal-ħelikopter. Fl-1968 il-Gvern beda jahseb biex jikkommetti ruhu sabiex issir airstrip vera u proprja, u anke kienu ingiebu f’Hal-Luqa zewg Islanders appositament. Dawn inbieghu fl-1970, u l-Gvern Laburista gdid tas-sebghinijiet beda mbaghad jahseb ghal pont fiziku permanenti bejn Malta u Ghawdex. Eventwalment din l-airstrip ġiet imtejba fl-1996 mill-Gvern Malti biex jipprovdi ambjent aktar sigur għat-trasport bl-ajru tal-ħelikopters. Kien hemm titjiriet skedati b’ħelikopter bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Heliport tax-Xewkija. Dawn inbdew mill-Malta Air Charter fl-1990, li waqfet topera fl-2004. Ta’ min isemmi per ezempju, li sa tmiem is-sena 1994, kien hemm 5,800 titjira bil-ħelikopter illi kienu ġarrew 51,378 passiġġier. Minn Marzu 2005 sa Ottubru 2006 it-titjiriet imbaghad saru mill-kumpanija Helicópteros del Sureste. Fl-2008 il-Heliport gie abbandunat hlief ghal xi titjiriet micro-light. Bħalissa, l-ebda titjira skedata ma ssir mill-ħeliport, ħlief għal skopijiet ta’ emerġenza biss. Bejn l-1990 u l-2008, ħames kumpaniji differenti tal-ħelikopters kienu ppruvaw joperaw is-servizz tal-ajru bejn il-gżejjer, b’dawn kollha eventwalment spiċċaw mingħajr negozju.L-infrastruttura attwali tal-Heliport Terminal amministrata mill-Gozo Heliport Ltd taħt il-mandat tal-Ministeru għal Għawdex ġiet aġġornata u inawgurata l-aħħar f'Mejju 1996 wara investiment ta' LM 550,000 mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili (DCA) u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) li l-ishma ta’ maġġoranza tagħhom imbagħad kienu għadhom proprjetà tal-Gvern. Minkejja dan, il-Ħeliport ta’ Għawdex ilu ma jintużax mill-2008, b’diversi sforzi biex iż-żona tiġi riġenerata minn dakinhar.Iż-żona li tmiss mal-Heliport eżistenti tnaddfet minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Plant Troop, bejn l-2013 u l-2014 bi tħejjija għal runway ta’ ħaxix ta’ 900 metru. Is-sit ta’ 40,000 metru kwadru kien miksi b’sejjieħ u skart mill-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll karkassi. Dan il-proġett aktar tard tpoġġa fuq l-ixkaffa u llum is-sit jinsab fi stat mitluq. Mill-2015 sal-lum, id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta (TM) ilu jwettaq studji dwar il-possibbiltà li jerġa’ jiġi attivat servizz tal-ajru tal-ħelikopters bejn il-gżejjer. Dawn l-istudji jkomplu jissuġġerixxu li l-ispiża biex jiġi attivat mill-ġdid servizz tal-ħelikopter hija akbar minn ajruport qasir ta’ tlugħ u nżul għal inġenji tal-ajru bil-ġwienaħ fissi. Dan huwa prinċipalment, minħabba l-fatt li ħeliport jillimita n-numru ta’ utenti u opportunitajiet ta' investiment, u huwa inqas favur l-ambjent. Barra minn hekk, pjanijiet preċedenti kienu kbar fl-iskala u daħlu fuq art agrikola ta’ sidieni privati bi stima ta’ spiża ta’ żvilupp li teskala għal €14-il miljun. Bħalissa l-ħeliport jintuża biss f'każijiet ta' emerġenza mill-ħelikopters tal-ambulanza tal-ajru.Il-ħeliport jikkonsisti f’żewġ helipads wiesa’ 22 metru, konnessi b’runway tal-asfalt, biex jiffurmaw runway twila ta’ 174 metru fid-direzzjoni 10/28. Il-Ħeliport kien iddisinjat bħala ‘runway fixed-wings għall-użu mill-ħelikopters, meta l-istandards u r-rekwiżiti kienu pjuttost differenti. Iridu jsiru bidliet sabiex il-Heliport jissodisfa l-istandards tal-ICAO tal-lum u jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti operattivi. Jenħtieġ ghaldaqstant aġġornament għar-regolamenti attwali, u fil-preżent jista' jiġi utilizzat biss għal inżul ta' ħelikopters ta' emerġenza.Is-sit attwali fejn qed jiġu proposti x-xogħlijiet jikkonsisti f’żona ta’ ħaxix, parzjalment ġewwa u parzjalment barra l-fencing perimetali sigur. Partijiet sinjifikanti tas-sit barra l-ilqugħ huma ikkaratterizzati minn materjal inerti mormi, li partijiet minnu issa huma koperti bil-veġetazzjoni. Madanakollu, l-aċċessibilita tal-gżira Għawdxija tinsab fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-Gvern. Għaldaqstant, wara li b’suċċess ġie introdott ir-raba vapur mal-flotta tal-Gozo Channel bl-iskeda aktar frekwenti, wara li ġie introdott b’suċċess ukoll is-servizz tal-Fast Ferry fejn il-Gvern investa fl-infrastruttura tal-Mġarr u l-Belt Valletta filwaqt li żewġ operaturi privati bdew joffru dan is-servizz veloċi bejn il-Belt u l-Mġarr, wara li b’suċċess ukoll ġiet introdotta it- tieni fibre optic cable sabiex illum il-ġurnata Għawdex huwa konness aħjar anka b’mod diġitali, wara l-introduzzjoni tal-Park and Ride b’servizz permess ta’ 6 karozzi tal-linja elettriċi sabiex anka tiġi promossa bidla modulari fil-mod ta’ kif wieħed jivvjaġġa, il-pass naturali huwa issa li inkomplu b’dawn is-suċċessi fil-konnettivita ta’ Għawdex anka permezz tal-ajru. Għaldaqstant, tul dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma intensiva minn diversi nies tekniċi sabiex Għawdex, għall-ewwel darba, jkellu l-ajruport reġjonali tiegħu. Pero’ , il- brief li n-nies tekniċi kellhom kien wieħed ċar. Li: 1) Ma tittieħed l-ebda art agrikola addizjonali minn dak li preżentament hemm committed 2) Tali ajruport jkollu l-inqas impatt ambjentali 3) Tali ajruport jkun jista’ jilqa fih ajruplani li jġorru sa massimu ta’ 9-11 -il passiġġier Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni issa li titnehdi konsultazzjoni pubblika mill-Gozo Regional Development Authority sabiex jiġu ppreżentati il-pjanti, id-disinji u l-aspetti tekniċi oħrajn u jibda ukoll jinġabar il- feedback mingħand il-pubbliku u l-entitatjiet, awtoritajiet, NGO’s u dawk kollha li jixtiequ jikkumentaw fuq tali proġett. Hekk kif tali konsultazjoni pubblika tintemm, il-Gvern jiddeċiedi jemendax jew le, jimplementax jew le it-tali proġett u tiġi sottomessa l-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar. Tali proġett mhux biss se jkun ifisser aċċessibilita bl-ajru bejn iż-żewġt igżejjer, iżda potenzjal ferm akbar ta’ investiment f’Għawdex u attivita akbar ekonomika f’din il-gżira b’setturi li jkunu lesti li jinvestu f’Għawdex, kemm f’oqsma li jkunu relatati direttament mal-ajruport kif ukoll il-potenzjal kbir ta’ multiplier effect li tali proġett jista’ jħalli.
Leg 13 PQ #23782 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Gozo Channel — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement mid-Dipartiment tal-Kuntratti: CT2338/2021 - Tender for Cleaning Services to Work on Board the Gozo Channel (Operations) Limited Vessels? Jista' jgħid kemm hi stmata din it-tender, kemm hu maħsub li jiġu impjegati cleaners permezz ta' din it-tender u għal kemm-il sena hi din it-tender?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT2338/2021 tikkonsisti fi provediment ta’ servizz ta’ tindif abbord il-vapuri ta’ Gozo Channel (Operations) Ltd, inkluzi dawk li jistgħu jkunu mikrija mill-kumpanija mingħand partijiet terzi. It-tender hija għal perjodu ta’ sentejn, bil-possibilità ta’ tiġdid għal zewġ perjodi ta’ sitt xhur ’l wieħed. L-estimu ta’ din it-tender huwa ta’ €1,607,803.20, u t-tender hija bbazata fuq ammont indikattiv ta’sigħat, mhux ta’ ħaddiema.
Leg 13 PQ #23783 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għarb Għawdex – Triq Ta' Sdieri — tabelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn Triq Ta’ Sdieri, limiti tal-Għarb Għawdex li kien ilha magħluqa diversi xhur, u li f'dawn l-aħħar ġimgħat kienet reġgħet infetħet għal kull tip ta' vettura, f'dawn l-aħħar ġranet twaħħlu tabelli li jindikaw li ma jistgħux jgħaddu ċertu tip ta' vetturi bil-konsegwena li dawn issa qed jispiċċaw jgħaddu mill-pjazza tar-raħal tal-Għarb? Jista’ jgħid jekk fil-preżent din it-triq hijiex sigura għall-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara analiżi strutturali tat-triq f’dawn l-aħħar xhur, ġie deċiż li jsiru aktar interventi sabiex jiġu rranġati partijiet oħra ta’ din it-triq sabiex ma jiġrix kif ġara fil-parti li kienet krollat. Nikkonfermaw li twaħħlu tabelli biex ikunu jistgħu jsiru t-testijiet meħtieġa kif ukoll interventi prekawzjonali sakemm jinħareġ tender u tkun tista’ ssir il-parti l-oħra.
Leg 13 PQ #23784 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Servizz Pubbliku – back office

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22595 u jgħid liema back office ġdid tas-Servizz Pubbliku inġab f'Għawdex matul is-sena 2021? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan ix-xogħol ġdid ta' back office f'Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f'Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f'Għawdex u issa per konsegwenza ta’ dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f'Għawdex? X’inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta' back office ġdid f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għaddej b’ħidma biex jinkoraġixxi u jgħin Ministeri u Entitajiet biex ikabru l-operat eżistenti tagħhom jew jintroduċu servizzi ġodda li jingħataw minn Għawdex kemm ta’ Back Office kif ukoll ta’ Front Office.
Leg 13 PQ #23785 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti – konsulenzi u pariri minn periti jew ditti ta’ periti — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22592 u jgħid x'inhu l-ammont minfuq fuq konsulenza u pariri mogħtija minn periti jew ditti ta' periti għar-rigward ta' xogħlijiet u proġetti mis-sena 2017 sal-lum, maqsuma sena b'sena? Lil min tħallsu dawn l-ammonti sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt sabiex dan it-tagħrif jiġabar
Leg 13 PQ #23786 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Proġett ta’ pavimentar ta’ Pjazza San Frangisk — nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22555, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa finali fuq il-proġett ta' pavimentar ta' Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex? F'din in-nefqa, jista' jinkludi dak kollu li sar f'din il-pjazza inkluż il-monument ta' San Franġisk? Jista’ l-Ministru jgħid jekk ‘l-aħħar pagamenti għadhom iridu jiġu ċċertifikati u kkonfermati' kemm kienu jammontaw f'valur ta' flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa s’issa hija dik provduta f’PQ 22555. Dawn jeskludu l-ispejjeż tal-artist u tal-bronż biex sar il-monument. Bħalissa qed jiġu vverifikati l-aħħar kontijiet.

MCCAA – sħubija f’entitajiet internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma’ kemm-il entità internazzjonali hi msieħba l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) jew l-entitatijiet li jagħmlu parti minnha? F’kull każ jista’ jgħid liema hi l-entità internazzjonali, kemm titħallas bħala fee annwali għas-sħubija inkwistjoni u x’inhu l-għan aħħari wara kull sħubija? Jista' jgħid matul l-2021 jekk ingħatatx xi għajnuna lill-għaqdiet tal-konsumaturi, u jekk iva, jista’ jgħid f’kull każ lil liema għaqda ngħatat tali għajnuna u fiex kienet tikkonsisti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma — Bord tad-Diretturi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22828 u ċioè, b’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22505 u t-tweġiba mogħtija, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet preċiżament il-proċedura indipendenti u imparzjali mitluba skont l-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma Kap. 545 li allura ġiet segwita fil-ħatra tal-membri tal-Bord tar-REWS kif imħabbra tramite l-avviż numru 1344 tal-Gazzetta tal-Gvern?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor Interpellant li fir-rigward tal-ħatra tal-membri tal-bord imsemmi minnu, il-proċedura li ġiet segwita hija dik kif provduta fl-Artikoli tal-Kap 545. Infakkar li dan kellu jsir wara li membru tal-bord ġiet nieqsa u għaldaqstant kellu jintela’ l-post vakant dan skont Artiklu 3 (12) tal-istess imsemmi Kapitolu 545.

Liġi li tirregola l-użu tal-iscooters fit-toroq pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika liema hi l-Liġi li tirregola l-użu tal-iscooters fit-toroq pubbliċi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li l-Liġi li tirregola l-użu tal-iscooters fit-toroq pubbliċi hija l-Legislazzjoni Sussidjarja 65.32 Regolamenti Dwar Il-Mikromobilita’.

Ħatra ta’ Maġistrat Sedenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid a bazi ta’ liema artikolu tal-liġi jirriżulta li ħatra ta’ maġistrat sedenti – a distinzjoni ta’ persuna li tkun ex-Imħallef jew ex-maġistrat bħala president tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva - trid tkun ta’ erba’ snin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Art. 8(3) tal-Kap 490, President tat-Tribunal, meta jkun ex-Imħallef jew ex-Maġistrat, għandu jiġi maħtur għal perjodu ta’ erba’ snin u għandu jispiċċa minn din il-kariga meta jiskadi l-perjodu ta’ dik il-kariga. F’ kaz ta’ Maġistrat jew Imħallef sedenti li jokkupa dil-kariga m’hemmx zmien stipulat fil-liġi, u ghalekk din il-kariga tinbidel mill-President ta’ Malta, li jaggixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru.

Xagħra Għawdex — Park tal-Familja fil-Qortin – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tlestiex ix-xogħol kollu fuq il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla li issa ġiet magħluqa u riabilitata? Jista' jgħid (xahar u sena) meta hu maħsub li dan il-park ikun aċċessibbli għall-familji Għawdxin u min se jkun qed imexxi u jieħu ħsieb dan il-park? Jista’ jgħid f'dawn l-aħħar seba' snin, sena b’sena kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu fiż-żona tal-Qortin fix-Xagħra, x'tip ta' xogħol kienu jagħmlu u x'inhu l-grad tagħhom? Jista’ jgħid kemm hu ppjanat li jiġu impjegati ħaddiema ġodda biex jaħdmu fl-eks miżbla tal-Qortin fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nirringrazzja lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija u anke għall-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-mi¿bla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex issa ġiet magħluqa u rijabilitata, ninformah illi x-xogħlijiet f’dan is-sit tlestew kollha għajr għal xogħlijiet żgħar fuq in-naħa ta’ barra tal-ex-miżbla li bħalissa qed jiġu konklużi. Il-park se jinfetaħ uffiċjalment u se jkun aċċessibbli għall-familji Għawdxin u għal dawk kollha li jżuru Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin. B’hekk il-pubbliku ġenerali se jkun jista’ jara t-trasformazzjoni li seħħet f’dan is-sit fejn dik li qabel kienet il-pjaga tal-gżira Għawdxija issa se tkun pulmun naturali u żona rikreattiva li jista’ jgawdiha kulħadd. Is-sit se jibqa’ jitmexxa mill-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. u biex isir dan mhux se jkun hemm il-ħtieġa li l-impjegati preżenti jiżdiedu. Fir-rigward tal-ħaddiema li ħadmu fil-Qortin fl-aħħar seba’ snin qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Leg 13 PQ #23780 Sitting 544 2022-02-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija, Għawdex – bini ġdid ta’ Cold Stores Facilities

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Ministeru għal Għawdex għandux pjan biex fil-futur qarib jibni faċilità ġdida ta’ Cold Stores fix-Xewkija? Jista’ jgħid għalfejn inħass il-bżonn li tinbena din il-faċilità u fejn hu ppjanat li tinbena bħala post?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser isir xogħol ta’ upgrading u rinnovar fuq il-Cold Stores li jinsabu fix-Xewkija. Dan bil-għan li jiġu mmodernizzati u jilħqu l-ħtiġijiet kemm tal-Ministeru u anke tal-individwi li jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet.
Leg 13 PQ #23615 Sitting 543 2022-02-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport

Studenti li jattendu skejjel tal-Gvern — spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' studenti li qed jattendu skejjel tal-Gvern fil-preżent? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li kienet l-ispiża fuq kull student ras għal ras għal kull sena mis-sena 2000 sal-lum?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma l-Onor. interpellant li n-numru totali ta' studenti li fil-preżent qed jattendu skejjel tal-Istat, minn Kinder sa Y11, huwa ta’ 33,518.

Spiża kull sena fuq is-saħħa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-ispiża kull sena fuq is-saħħa f'pajjiżna mis-sena 2000 sal-lum u jaqsam din l-ispiża f'dik rikorrenti u dik kapitali? Jista' jgħid kemm minn din l-ispiża kienet dedikata għall-onkoloġija kull sena mis-sena 2000 sal-lum? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża totali tad-Dipartiment tal-Ġinekoloġija mis-sena 2000 sas-sena 2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Pazjenti li għamlu użu mill-Isptar Mater Dei

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa jgħid kemm pazjenti għamlu użu mill-Isptar Mater Dei kull sena matul dawn l-aħħar 10 snin, maqsuma sena b'sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ pazjenti li għamlu użu mill-Isptar Mater Dei fl-2011 kien 76,0285 persuna, fl-2012 79,6356, fl-2013 84,7579, fl-2014 75,5109, fl-2015 76,2294, fl-2016 79,2944, fl-2017 79,4300, fl-2018 81,2963, fl-2019 81,8347, fl-2020 58,7101 u fl-2021 73,1770. L-informazzjoni għal 2021 għadha proviżorja. Dawn il-figuri jinkludu pazjenti li żaru l-emerġenza, pazjenti li ddaħlu għal-kura fis-swali ta’ l-isptar (jinkludu day cases u in-patients), pazjenti li żaru d-dipartiment ta’ l-outpatients, pazjenti li żaru l-isptar bħala ward attenders, u pazjenti li kellhom bżonn jagħmlu dijaliżi tal-kliewi fir-Renal Unit.

Mediċini meħuda mill-outpatients — spiża

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet l-ispiża għall-mediċini meħuda mill-outpatients kull sena fl-aħħar 10 snin, maqsuma sena b' sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.