Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Sannat, Għawdex – Kalkara tal-Ġir - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fil-Kalkara tal-Ġir li hemm maġenb l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat f’dawn l-aħħar ġimgħat u x’xogħol hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li x-xogħol ta’ restawr jikkonsisti fi bdil ta’ ġebel.  Dan huwa proċess delikat li jrid isir bir-reqqa biex jiġu osservati il-kriterji stabbiliti mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Hu mistenni li dan il-proċess jibqa’ għaddej matul il-ġimgħat li ġejjin.

PA/03313/21 Location of development: Wied ta’ Xhajma, Triq ta’ Xhajma, Xewkija, Triq ir-Rabat, Nadur; Wied il-Hanaq, Triq ir-Ramla, Xagħra, Triq ir-Ramla, Nadur Description of works: To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni li saret mil-Ministeru tiegħu: ‘PA/03313/21 Location of development: Wied ta’ Xħajma, Triq ta’ Xħajma, Xewkija, Triq ir-Rabat, Nadur; Wied il-Ħanaq, Triq ir-Ramla, Xagħra, Triq ir-Ramla, Nadur Description of works: To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works’, ġiet irrakkomandata bħala ‘Refuse Permission’? Jista’ jgħid ukoll jekk f’Settembru tal-2025 kinux diġà bdew xi xogħlijiet ta’ skavar/tindif ta’ materjal mill-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess għall-applikazzjoni bin-numru PA/03313/21 inħareġ nhar it-2 ta’ Diċembru 2025. F’Settembru tal-2025 x-xogħlijiet ta’ tindif ta’ materjal kienu koperti mill-permess bin-numru ta’ referenza PA/00769/20.

Ix-Xewkija - Triq il-Gidi – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, ser jibda x-xogħol ta’ bini u rikostruzzjoni ta’ Triq il-Gidi fix-Xewkija (li taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tal-Ministeru tiegħu), peress li f’dawn l-aħħar disa’ snin u nofs sar ħafna bini fiha u tinsab bla wiċċ, u fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hija waħda mit-toroq, li huwa ppjanat, li tiġi asfaltata.

Għawdex – Remote work spaces

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il remote work space nfetaħ s’issa f’Għawdex, u kemm jistgħu joqogħdu ħaddiema fihom? Kemm kienet in-nefqa sabiex dawn il-work spaces jitlestew u fejn jinsabu? Jista’ jgħid ukoll kemm sar użu ta’ dawn il-work spaces minn meta nfetħu, maqsuma xahar b’xahar, u jekk hemmx pjanijiet li jinfetħu aktar remote work spaces fil-gżira ta’ Għawdex?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li f’Għawdex infetaħ remote workspace wieħed li jinsab ġewwa l-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija u jista' jakkomoda f'daqqa total ta’ 32 Uffiċjal Pubbliku. Din is-sena sa issa ntuża 'l fuq minn 2000 darba. In-nefqa biex tlesta dan ir-remote workspace kienet ta’ €51,103. S’issa m’hemmx pjanijiet li jinfetħu iktar remote workspaces. Dan għaliex it-teknoloġija kompliet dejjem tavvanza u l-idea ta' remote workspace evolviet għal hot desking li jista' jsir f'kull ħin u minn kullimkien.

Ix-Xewkija – Skola tal-Arti – Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti li attendew korsijiet fl-Iskola tal-Arti fix-Xewkija matul is-sena skolastika 2023-2024 u 2024-2025, u kemm huwa n-numru tal-istudenti li bdew korsijiet fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.

CT2130/2025 - RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa ‘CT2130/2025 - RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE’ u meta hu maħsub li jingħalaq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għall-offerti qiegħda fi proċess ta’ evalwazzjoni.

CT3010/2025 TENDER FOR THE RECONSTRUCTION OF RUBBLE WALLS ALONG TRIQ TA’ XURDIN, TRIQ IR-RAMLA L-HAMRA AND TRIQ L-INZUL TAL-FRANCIZI, NADUR, GOZO AND IN OTHER SITES IN GOZO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa ‘CT3010/2025 TENDER FOR THE RECONSTRUCTION OF RUBBLE WALLS ALONG TRIQ TA’ XURDIN, TRIQ IR-RAMLA L-HAMRA AND TRIQ L-INZUL TAL-FRANCIZI, NADUR, GOZO AND IN OTHER SITES IN GOZO’ (liema sejħa għalqet fil-5 ta’ Ġunju 2025) u meta hu maħsub li dan jingħalaq? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u jekk iva mil-liema programm u sakemm hu t-terminu li fih għandu jitlesta dan il-proġett sabiex b’hekk ma jintilfux il-fondi ta’ EU?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għall-offerti qiegħda fi proċess ta’ evalwazzjoni.

Għawdex – Immodernizzar tal-Pitkalija - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż li saru sabiex tiġi mmodernizzata l-Pitkalija f’Għawdex, matul din il-leġiżlatura u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru 32323.
Leg 14 PQ #32589 Sitting 420 - 10/12/2025 16:30 2025-12-10 Oral · Final From: CHRIS SAID (Partit Nazzjonalista) To: Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun ir-rwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta Xħajma, Għawdex, issa li dan tlesta u ġie inawgurat? Jista’ jgħid ukoll jekk 'is-solar flowers' f'dawn l-aħħar ġimgħat u fil-preżent humiex qed jaħdmu kollha b'mod regolari u jiġġeneraw l-enerġija ta' kuljum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn s-‘solar flowers’, li qegħdin jaħdmu kollha, huma mgħammra b’sistema teknoloġika intelliġenti. Permezz ta’ din is-sistema, meta jkun hemm buffuri ta’ riħ li jaqbżu ċertu limitu, dawn is-‘solar flowers’ jiċċaqalqu f’qagħda orizzontali jew jingħalqu għal kollox. B’hekk dawn is-‘solar flowers’ ma jġarrbux ħsarat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Safety audit ta’ proġetti u toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32070 fl-intier tagħha u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti/toroq ġewwa Għawdex li s’issa sarilhom safety audit jew li fil-preżent, il-Ministeru tiegħu qed jagħmel safety audit tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Ministeru qed jagħmel safety audit tat-Triq Ġorġ Pisani, Triq Patri Ġiacintu Camenzuli u Triq Marsalforn.

Għawdex – Post ġdid għal Fire Station

Question

Peress li f'dawn l-aħħar ġranet ġie mħabbar li hemm il-ħsieb li fil-futur qarib terġa’ tibda topera u tiffunzjona l-pitkalija ġewwa x-Xewkija, u peress li s-sit biswitha huwa żgħir ħafna, jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din il-Leġiżlatura hemmx ħsieb li jinstab post ġdid u li tinbena fire station sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jlaħħaq mal-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-gżira Għawdxija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Illum id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jintarafx minn kif kien ftit taż-żmien ilu. Ħaddiema b'kundizzjonijiet li jixraqilhom, imħarrġa kif suppost u investiment massiċċ fl-għodda, għax żmien is-second hand spiċċa. Infurmat li l-ħsieb u l-pjanijiet huma li d-Dipartiment tal-Protezzjoni ċivili jkollu stazzjon tat-tifi tan-nar modern  f’Għawdex.

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – Rilokazzjoni tal-Kamra Mortwarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-rilokazzjoni tal-Kamra Mortwarja li tinsab ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex sabiex flokha tkun tista’ tinfetaħ it-triq li hemm il-ħsieb li tkompli tinfetaħ hekk kif tiġi rilokata l-Kamra Mortwarja? Jista’ jgħid ukoll x'sar s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proċess tar-rilokazzjoni tal-Kamra Mortwarja huwa parti mill-Masterplan tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li bħalissa qed jiġi rivedut.

Ix-Xewkija –Żona industrijali – Bozoz fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat, il-bozoz ta’ numru ta’ toroq fiż-żona industrijali tax-Xewkija, ma kinux qed jixgħelu? Jista’ jgħid ukoll għaliex dawn il-bozoz baqgħu ma tranġawx u meta ser jitranġaw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif ġie infurmat, il-Ministeru ħa azzjoni immedjata biex il-bozoz jerġgħu jinxtegħlu.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31030, 31407 u 31917 dwar ix-xogħlijiet fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid: i.   Kemm fiha tul Triq l-Emigranti, fin-Nadur? ii.  Meta nbeda x-xogħol fuqha? iii. Meta ser jitlesta minn kollox (xahar u sena) ix-xogħol f’din it-triq? iv. Min kien/u l-kuntrattur/i li ħadem fuq din it-triq s’issa? v.  Min se jkun il-kuntrattur li se jkompli x-xogħol f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26919 u 31916 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta’ din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ta’ Ċawla, Għawdex - Proġett ta’ Housing – Allokazzjoni ta’ appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-appartamenti tal-proġett ta’ Housing li sar mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ġewwa taċ-Ċawla, ġewx allokati lill-familji li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u jekk iva, kif ingħataw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Minsiteru kkonċernat.

Victoria u ż-Żebbuġ, Għawdex – Żebgħa ta’ sinjali tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nżebgħu l-aħħar is-sinjali taż-żebgħa tan-nofs tat-triq prinċipali li minn Victoria twassal għar-raħal taż-Żebbuġ? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn is-sinjali jistgħux jerġgħu jinżebgħu mill-aktar fis possibbli, peress li kważi m’għadhomx jidhru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sinjali taż-żebgħa tan-nofs tat-triq prinċipali li minn Victoria twassal għar-raħal taż-Żebbuġ inżebgħu fl-ewwel kwart tas-sena 2025.  Dawn ser jergħu jinżebgħu fl-ewwel kwart tas-sena 2026.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Sejħa għal Labourers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31914 dwar sejħa għal Labourers f’Għawdex fejn ġie mwieġeb li “ma saret l-ebda sejħa esterna għall-ingaġġ ta’ labourers f’Għawdex. Is-sejħa li kien hemm dan l-aħħar kienet għal-labourers biex jimtlew vaganzi fis-servizz kollu tas-saħħa.” u fejn tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-avviż kif ġie ppubblikat, jista’ l-Ministru jgħid: għal kemm żmien damet miftuħa din is-sejħa u x’tip ta’ kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika, kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa, u kemm minnhom għaddew mill-interview?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Ġestjoni tan-Nies ippubblikat l-avviż fuq il-midja soċjali fit-23 ta’ April 2025 u persuni interessati kellhom sal-23 ta’ Mejju 2025 biex japplikaw. Ir-rekwiżiti kienu li l-applikanti jkunu kapaċi jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż. Infurmat ukoll li għal din is-sejħa kien hemm 92 applikant – 68 irġiel u 24 mara. Fir-riżultat hemm 55 irġiel u 20 mara.

In-Nadur / ix-Xewkija – Triq Ta’ Xħajma – Żebgħa ta’ sinjali tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30517, jista’ l-Ministru jgħid meta nżebgħu l-aħħar is-sinjali taż-żebgħa tan-nofs ta’ Triq Ta’ Xħajma, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal tan-Nadur? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn is-sinjali jistgħux jerġgħu jinżebgħu mill-aktar fis possibbli, peress li kważi m’għadhomx jidhru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sinjali taż-żebgħa tan-nofs quddiem il-korsa taż-żwiemel ma nżebgħux peress li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet.

‘MGP NP 07/2025 - Negotiated Procedure for the Organisation of New Year’s Eve Events 2025 – 2026’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-direct order maħruġa mill-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġranet ‘MGP NP 07/2025 - Negotiated Procedure for the Organisation of New Year’s Eve Events 2025 – 2026’? Jista’ jgħid ukoll x’servizzi ser jingħataw permezz ta’ din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura msemmija MGP NP 07/2025 – Negotiated Procedure for the Organisation of New Year’s Eve Events 2025–2026 tikkonsisti fi proċess maħruġ skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-akkwist pubbliku, li jippermettu l-użu ta’ proċedura innegozjata mingħajr pubblikazzjoni f’ċirkostanzi diversi. Speċificament, din il-proċedura ġiet addottata għal raġunijiet tekniċi u esklussivi, peress li l-avveniment jinvolvi artist internazzjonali speċifiku li jista’ jiġi pprovdut biss minn fornitur partikolari li għandu d-drittijiet li jorganizza u jikkonferma l-preżenza ta’ dan l-artist.