Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – kumpens għall-ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal kumpens rigward ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq f’Għawdex, sena b' sena, mill-2017 sal-2021? Jista' jagħti l-informazzjoni minn liema lokalità sar kull ilment? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet kienu aċċettati u kemm ingħataw kumpens f’kull każ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi ngħataw €4,707.98 f’kumpens fi 22 claim differenti.

Qorti ta’ Għawdex – Nuqqas ta’ Assistent Reġistratur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jdum bla Assistent Registratur il Qorti ta’ Għawdex? Jaf li dan in-nuqqas qed ixekkel il-ħidma tal-Qorti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-post ta’ Assistent Reġistratur fil-Qorti ta’ Għawdex kien imtela f’Ottubru 2021, però, dan il-post reġa’ ġie vakanti. Dan il-post reġa’ ġie pubblikat internament u ma kienx hemm applikanti. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinħareġ l-avviż biex dan il-post vakanti jkun jista’ jimtela.

MCCAA – skemi ta’ self regulation fis-settur privat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk attwalment hemmx xi skemi ta’ self-regulation da parti tas-settur privat li ġew approvati mill-MCCAA jew minn xi entità fi ħdanha? Jekk hemm tista’ tgħid f’liema settur u kemm ilhom operattivi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx informazzjoni rigward skemi ta’ self-regulation da parti tas-settur privat li ġew approvati mill-MCCAA jew minn xi entità fi ħdanha biex tiġi ppreżentata.

MCESD — Kumitat Reġjonali għal Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Kumitat Reġjonali tal-MCESD għal Għawdex matul din is-sena? Jista' jgħid min huma l-membri preżenti ta' dan il-Kumitat Reġjonali tal-MCESD?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex din is-sena ltaqa’ 4 darbiet. Rigward il-membri tal-msemmi kunsill, huma kif ġejjin: Entity Title Name Gozo University Group delegat Ms Nathalia Borg sostitut Mr Joseph Mercieca Union Haddiema Maghqudin Voice of the Workers delegat Mr Joseph Sultana sostitut Gozo NGO Association delegat Mr Saviour Grech delegat Dr Sean Zammit delegat Ms Miriam Portelli sostitut Ms Joany Mizzi sostitut Mr Martin Galea General Workers Union delegat Mr Alvin Scicluna sostitut Ms Carmen Bajada Gozo Tourism Association delegat Mr Konrad Scicluna delegat Mr Joe Muscat sostitut Mr Marvic Borg sostitut Mr Paul Scicluna Gozo Business Chamber delegat Mr Joseph Borg delegat Mr Daniel Borg sostitut Perit Edward Scerri sostitut Dr Jonathan Mintoff Confederation of Malta Trade Unions delegat Dr Anselm Psaila Ministry for Gozo delegat Mr Ronald Sultana sostitut Ms Daniela Sabino Local Councils Gozo Region delegat Dr Samuel Azzopardi delegat Dr Christian Zammit delegat Mr David Apap Agius sostitut Mr Nicky Saliba sostitut Mr Paul Azzopardi sostitut Mr Mario Azzopardi Gozo Diocese delegat Mr Tony Bezzina sostitut Ms Melissa Xiberras Forum delegat Mr Chris Attard sostitut Mr Mark Cini Malta Chamber of SME's delegat Mr Michael Galea sostitut Chairperson Mr.Joe Borg Vice Chairperson Mr.Joe Muscat

Għawdex – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 95 u jgħid fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) kemm saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali? Jista’ jagħti l-ismijiet ta’ dawn it-toroq u kemm hi l-area f’metri kwadri li għadha bil-base course?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq li ngħataw base course biss huma Triq tal-Ħanaq, Triq Franġisk Portelli, parti minn Triq ta’ Sdieri, Triq l-Imgħallem, Triq Daħlet Qorrot u Triq l-Imġarr. Ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom għadu għaddej u se jingħataw il-wearing course daqt.

Tribunal Industrijali – każijiet minn Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1464, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għaliex każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali li jitressqu minn persuni li jirrisjedu f'Għawdex kontra persuni jew kumpaniji li joperaw f'Għawdex, iridu bilfors jinstemgħu f'Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn jibdew jinstemgħu f'Għawdex stess?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-artikolu 73(9) tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (Kap. 452) jistipula li r-reġistru tat-Tribunal Industrijali huwa r-reġistru tal-Qrati Superjuri. Mill-informazzjoni li ġbart, ninsab infurmat li biex każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali li jitressqu minn persuni li jirrisjedu f'Għawdex kontra persuni jew kumpaniji li joperaw f'Għawdex, jinstemgħu f’Għawdex, irid ikun hemm tisħiħ amministrattiv. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ f'dan ir-rigward.

Qrati: Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet – każijiet ta’ residenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu jżomm milli l-każijiet ta' residenti minn Għawdex quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet jinstemgħu fil-Qorti ta' Għawdex minflok fil-Qorti ta' Malta? Jaf li ħafna nies li tkun itteħditilhom art mill-Gvern b'esproprjazzjoni jkollhom għal snin sħaħ imorru minn Għawdex għal Malta kull darba li jkollhom smigħ quddiem dan il-Bord? Jista' jieħu passi biex dawn il-każijiet jibdew jinstemgħu f'Għawdex stess?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li qed jirreferi għalih jinsab fuq quddiem tal-aġenda tiegħi u ninsabu kommessi li dawn il-każijiet jibdew jinstemgħu fil-Qorti t’Għawdex stess fi żmien li ġej.

MGA – ħatra tal-membri tal-Bord

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1169 u ċjoè: Jista’ attwalment jgħid min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob (MGA)? Jista’ jgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hijiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MCA — ħatra tal-membri tal-Bord

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1170 u ċjoè: Jista’ jgħid attwalment min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)? Jista’ jgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hijiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Proposti rigward żviluppi f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, minn aktar minn 30 proposta li saru mis-Sindki kollha Għawdxin f'rapport li ppreżentaw lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilup f'Għawdex, fil-fatt ġew attwati sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ fejn wasal ix-xogħol fuq kull waħda minn dawn il-proposti u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm minn dawn il-proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern jista' jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni li ma ġewx aċċettati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi l-Awtorità analizzat id-dokumenti preżentati mir-Reġjun ta’ Għawdex lill-Ministru tal-Ambjent u l-Ippjanar waqt il-laqgħa tat-13 t’April 2021 li fih ukoll ġabra ta’ proposti mħejjija mill-Kunsilli Lokali kif spjegati mir-rappreżentant tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex waqt il-laqgħa mal-Kumitat Parlamentari Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex nhar l-10 ta’ Mejju 2021. Illi filwaqt li numru ta’ proposti diġà qegħdin fis-seħħ kemm fl-ambitu leġiżlattiv kif ukoll proċedurali, hemm diversi proposti li huma ġeneriċi li jistgħu japplikaw għal kull reġjun f’Malta u Għawdex imma li jirrikjedu studju aktar fit-tul, kif ukoll tibdiliet neċessarji kemm fil-liġijiet u regolamenti, kif ukoll fil-pjanijiet u policies skont il-każ.

Direttiva 2009/22/KE

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1360, tista’ l-Ministru telenka l-liġi jew liġijiet nazzjonali rigward kull waħda minn dawn l-entitajiet imsemmija fit-tweġiba tagħha, fejn allura l-entità konċernata tista’ tieħu passi a tenur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva kif rifless fil-Liġi Maltija fil-konfront ta’ dik l-entità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur il-liġijiet huma s-segwenti: 1. L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378); 2. Ir-Regolamenti dwar Kreditu lill-Konsumatur (L.S. 378.12); 3. Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.17); 4. Ir-Regolamenti dwar Kuntratti għal Kontenut Diġitali u Servizzi Diġitali (L.S. 378.20). Apparti l-imsemmija ligijiet, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hija wkoll responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur għad-drittjiet tar-riċevituri u riċevituri potenzjali ta’ servizz sabiex ma jkunux soġġetti għall-ħtiġiet diskriminatorji msemmija fl-artikolu 9(a) tal-Att dwar Servizzi li jingħataw fis-Suq Intern li jittrasponi id-Direttiva dwar is-Suq Intern. Rigward l-entitajiet l-oħra din l-informazzjoni qed tiġi vverifikati mal-entitajiet konċernati u tingħata risposta fil-jiem li ġejjin.

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjoni oħra? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa ġiet investita f'Għawdex stess?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Għawdex: Rabat – skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tkun lesta l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid din l-iskola kemm se tkun tiflaħ studenti? Jista' jgħid din l-iskola l-ġdida, kemm-il parkeġġ se jkollha magħha u kemm jieħu karozzi kull parkeġġ li qed isir ma’ din l-iskola l-ġdida fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola Primarja fir-Rabat, Għawdex, se tkun lesta għas-sena skolastika 2023-2024. Din l-iskola se tkun qiegħda tista tilqa’ fiha madwar 500 student. L-edukaturi u l-ħaddiema tal-iskola se jkunu jistgħu jużaw il-parkeġġ eżistenti li hemm biswit l-iskola.

Għawdex – triq li mix-Xagħra tagħti għall-bajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-triq li mix-Xagħra tagħti għall-Bajja tar-Ramla f'Għawdex itteħdux il-prekawzjonijiet kollha biex jitneħħa l-periklu li xi ħadd jaqa' bil-karozza fil-wied u dan peress li hemm partijiet miċ-ċnut li jagħtu mit-triq għal wied, neqsin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-triq qed issir rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ u infurmat li l-kuntrattur qed jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.

Qorti ta’ Għawdex – staff complement

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1349 u 1501, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux sodisfatt li fil-Qorti ta' Għawdex minn staff ta' 34 persuna fil-fatt hemm biss 24 persuna u għalhekk kważi terz tal-full complement nieqes? Jista' jgħid x'qed jagħmel biex dan jiġi rranġat? Jista' jgħid sa meta se jassigura li jkun hemm il-full complement fil-Qorti ta' Għawdex peress li n-nuqqas ta' staff qed iwassal għal dewmien esaġerat f'’ħafna mix-xogħol tal-Qorti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa il-complement tal-Aġenzija f’Għawdex huwa ta’ 28 persuna. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jiżdiedu żewġ skrivani, kif ukoll għaddejjijn diskussjonijiet biex jiġu mimlija il-pożizzjonijiet vakanti l-oħra. Sadanittant ix-xogħol fil-Qorti t’Għawdex qed jiġi koprut mill-bqija tal-Aġenzija. Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika għal liema xogħol qed ikun hemm dewmien esaġerat.

Qorti ta’ Għawdex – Marixxal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-Qorti ta' Għawdex tista' tiffunzjona tajjeb meta m’hemmx Marixxal f'din il-Qorti u din is-sitwazzjoni issa ilha hekk għal diversi xhur? Jista' jgħid meta se jara li jkun hemm Marixxal assenjat biss mal-Qorti ta' Għawdex?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hija waħda, u għalhekk tieħu ħsieb kemm il-Qrati ta’ Malta kif ukoll dawk ta’ Għawdex. Kif diġà infurmajt lil din il-kamra fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1501, l-Aġenzija għandha biżżejjed Marixxalli biex ikopru dawn id-dmirijiet u n-notifiki qed isiru b’mod iktar effiċjenti.

Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 23296 tal-Leġiżlatura XIII, tista’ l-Ministru tgħid meta saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li skont l-istess direttiva kellha tiġi trasposta sat-28 ta’ Novembru, 2021? Tista’ telenka liema huma l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw il-miżuri ta’ din id-direttiva? Tista’ tgħid ukoll jekk saritx xi forma ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u jekk iva, ma’ min u x’kien l-eżitu? U jekk le, għalfejn ma saritx tenut kont ta’ dak li ġie mwiegħed fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23296?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Abbozz ta’ Liġi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandha tiġi mressqa quddiem il-Parlament fil-ġranet li ġejjin. Id-Direttiva ser tiġi trasposta permezz ta’ emendi fl-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, fir-Regolamenti dwar Prezzijiet Indikati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.09) u r-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.15). Kif kien indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23296, konsultazzjoni pubblika dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva saret bejn is-7 ta’ Diċembru 2021 u l-10 ta’ Jannar 2022, fejn kien hemm risposta waħda mingħand l-Għaqda tal-Konsumaturi.

Qorti ta’ Għawdex – rikorsi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta r-rikorsi kostituzzjonali li jsiru minn persuni li jirrisjedu f’Għawdex ser jibdew jinstemgħu fil-Qorti ta' Għawdex, u dan in vista li ħames snin ilu predeċessuri tiegħu kienu wegħdu li fi ftit xhur dawn kellhom jibdew jinstemgħu f’Għawdex stess?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjijn id-diskussjonijiet neċċessarji sabiex jiġi evalwat kif dan jista' jkun possibbli u jidħol fis-seħħ.

Tribunal Industrijali – każijiet minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali li jitressqu minn persuni li jirrisjedu f'Għawdex kontra persuni jew kumpaniji li joperaw f'Għawdex iridu bilfors jinstemgħu f'Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn jibdew jinstemgħu f'Għawdex stess?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Qorti ta’ Għawdex – staff complement

Question

B'referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1349, jista’ l-Ministru jgħid mit-28 pożizzjoni li hemm mimlija fil-Qorti ta' Għawdex, kemm minnhom huma ta' persuni li bħalissa, għal raġuni jew oħra, mhux qed jattendu għax-xogħol għal perjodu ta' aktar minn ġimgħa? Jista' jgħid minn dawn kemm irtiraw jew ħarġu bil-leave tal-irtirar ta' qabel ix-xogħol? Jista' jgħid x'qed isir kull darba li l-Qorti qed tispiċċa mingħajr Marixxall biex iqassam in-notifiki li jkun hemm bżonn?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm persuna bil-leave ta' qabel l-irtirar mix-xogħol u 3 persuni li ilhom iktar minn ġimgħa fuq leave tal-mard. Rigward in-notifiki fl-Aġenzija ġewwa Għawdex, fil-maġġoranza tagħhom, dawn isiru mill-Purtier u fl-assenza tal-Purtier, dawn isiru mill-Messaġġiera tal-Aġenzija. Meta jkun hemm il-ħtieġa, bħal pereżempju f’każi ta’ eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ qbid, l-Aġenzija għandha biżżejjed Marixxalli biex ikopru dan id-dmir.