Legislature:
Category:
Reset
Active:

REWS – infiq u dħul

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba sena b’sena mill-2017 s’issa, ġew diskussi quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Kamra, l-infiq u d-dħul tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li r-REWS qatt ma ntalbu biex jidhru quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-kontijiet pubbliċi.

Ħinijet ta’ Ftuħ tan-Negozji – uffiċjali inkarigati biex jinfurzaw in-normi tal-L.S. 441.08

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ uffiċjali pubbliċi li huma inkarigati li jinfurzaw in-normi tal-L.S. 441.08 dwar Regolamenti dwar il-Ħinijiet tal-Ftuħ tan-Negozji?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onerevoli interpellant li l-enforzar f’dak li jirrigwarda L.S. 441.08 dwar Regolamenti dwar il-Ħinijiet tal-Ftuħ tan-Negozji jaqa prinċipalment taħt ir-responsibilita tal-pulizjija Għaldaqstant nitlob lil-Onor Interpellant jgħaddi il-mistoqsijiet tiegħu lil-Ministru kkonċernat

Ħinijet ta’ Ftuħ tan-Negozji – persuni li tressqu l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti minħabba allegat ksur tal-L.S. 441.08 dwar Regolamenti dwar il-Ħinijiet tal-Ftuħ tan-Negozji mill-2018 s’issa, maqsuma sena b’sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onerevoli interpellant li l-enforzar f’dak li jirrigwarda L.S. 441.08 dwar Regolamenti dwar il-Ħinijiet tal-Ftuħ tan-Negozji jaqa prinċipalment taħt ir-responsibilita tal-pulizjija Għaldaqstant nitlob lil-Onor Interpellant jgħaddi il-mistoqsijiet tiegħu lil-Ministru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex – Infiq fuq sahra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull diviżjoni, dipartiment, direttorat, awtorità jew fil-ministeru stess mill-1 ta' Jannar, 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma xahar xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex: Kerċem – Triq Għajn Abdul

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fi Triq Għajn Abdul, f’Kerċem, Għawdex li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir xogħol preparatorju minn uffiċċjali tal-Ministeru għal Għawdex.

Għawdex: Nadur – Triq l-Imġarr – road safety barriers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet u għala iktar minn tliet xhur ilu bdew jitwaħħlu r-Road Safety Barriers fi Triq l-Imġarr fin-Nadur u wara ftit ġranet ma tkomplewx jiġu mwaħħlin u minflok għad baqa’ l-blokki tal-konkos? Jista’ jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu relatat mar-Road Safety Barriers f'din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-istainless railing mistenni jkun lest fil-jiem li ġejjin, filwaqt li x-xogħol fuq il-crash barriers qiegħed jitkompla u mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għal Għawdex – esproprjazzjoni ta’ artijiet

Question

Jista' l-Ministru: a.jgħid kemm artijiet ġew jew qegħdin fil-proċess li jiġu esproprjati fuq talba mill-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? b. jgħid f'liema lokalitajiet f’Għawdex jinsabu l-artijiet esproprjati? c. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra Site Plan immarkata għal kull biċċa art u post fejn il-Ministeru għal Għawdex talab lill-Awtorità tal-Artijiet biex jiġu esproprjati artijiet f'Għawdex fil-perjodu indikat? d. jgħid l-użu li sar jew se jsir minn kull waħda minn dawn l-artijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu ta' Jannar 2021 sal-lum ġew espropjati ħames siti mill-Ministeru għal Għawdex: - Parti fi Triq Bullara: biex titwessa t-triq; - Parti fi Triq Stellini: biex jinfetaħ l-aċċess għall-pubbliku mill-parti ta’ fuq għall-parti t’isfel tat-triq; - Għelieqi f’Kerċem: biex ikun jista’ jiġi salvagwardjat Għar Gerduf; - Sit fil-limiti tal-Qala: biex tkun tista’ titwessa l-Qala Road Junction; - Parti minn għalqa fir-Rabat, Għawdex: biex tista’ titwessa l-Junction li tgħaqqad Triq l-Imgħallem ma’ Triq Wara s-Sur.

Ministeru għal Għawdex – Xogħlijiet mill-ħaddiema li għamlu farm roads bil-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, u jagħti l-isem tat-triq/area u kemm kien it-tul u l-wisa’ fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tingabar.

Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet dwar allegat prattiċi mhux ġusti fil-bejgħ ta’ vetturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ġie investigat da parti tal-uffiċċju tad-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar allegat prattiċi kummerċjali mhux ġusti fil-bejgħ ta’ vetturi ġodda mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? F’kull istanza, x’kien l-eżitu? Tista’ tgħid kemm-il każ ġie investigat da parti tal-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar allegat prattiċi kummerċjali mhux ġusti fil-bejgħ ta’ vetturi second hand mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? F’kull istanza, x’kien l-eżitu? Tista’ tgħid ukoll kemm-il talba għall-kumpens saret da parti tal-konsumaturi quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur għaliex ġie allegat li vettura mixtrija kienet b’xi mod difettuża, mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? F’kull każ, tista’ tgħid x’kien l-eżitu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2017 sal-lum ma sarux investigazzjonijiet da parti tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar allegat prattiċi kummerċjali mhux ġusti kemm fil-bejgħ ta’ vetturi ġodda, kif ukoll fir-rigward ta’ bejgħ ta’ vetturi second hand. Minkejja dan bħalissa qed tinġabar u qed tigi analizzata informazzjoni fuq xi każijiet li jista’ jwassal biex tinfetaħ investigazzjoni formali. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija dwar kemm-il talba għal kumpens saret da parti tal-konsumaturi quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur għaliex ġie allegat li vettura mixtrija kienet b’xi mod difettuża, qed nippreżenta din l-informazzjoni t’hawn taħt: Fir-rigward ta’ vetturi second hand Deċiżjonijiet: · tnejn (2) fl-2018 fejn iż-żewġ deċiżjonijiet inqatgħu favur il-konsumatur, · tnejn (2) fl-2020 fejn waħda nqagħtet favur il-konsumatur, filwaqt li oħra nqagħtet favur il-kummerċjant, u · waħda (1) fl-2022 fejn inqatgħet favur il-konsumatur Każijiet li għadhom pendenti quddiem it-Tribunal: · tlieta (3) mill-2019 – wieħed mill-każijiet huwa pendenti proċeduri quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili u wieħed mill-każijiet huwa differit sine die · tnejn (2) mill-2020 – wieħed mill-każijiet huwa differit sine die · wieħed (1) mill-2021 Fir-rigward ta’ vetturi ġodda Deċiżjonijiet: · tnejn (2) fl-2019 deċiżjoni waħda nqatgħet favur il-konsumatur u oħra favur il-kummerċjant · tnejn (2) fl-2020 deċiżjoni waħda nqatgħet favur il-konsumatur u oħra favur il-kummerċjant · waħda (1) fl-2022 fejn inqatgħet favur il-konsumatur. Każijiet li għadhom pendenti quddiem it-Tribunal: · wieħed (1) mill-2017 – li huwa differit sine die · wieħed (1) mill-2019 · ħamsa (5) mill-2020 · wieħed (1) mill-2021

Għawdex: Nadur – Triq ir-Rabat u Triq Ta’ Xħajma — resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser isir resurfacing ta' Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma fin-Nadur u dan wara li saru trinek f'din it-triq diversi xhur ilu u li sal-lum għadhom bil-wiċċ tal-konkos? Ma jaħsibx li triq arterjali li jkollha parti minnha bil-konkos hija ta' periklu serju għas-sewwieqa? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jsir resurfacing tat-triq kollha, kif sar f'postijiet oħrajn fejn ġew mgħoddija dawn it-trinek, jew hux se jsir patching fuq it-trinek biss?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat minħabba li tali xogħol qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Għawdex: Nadur – Triq ir-Rabat – ħajt ta’ lqugħ tal-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi qed jittieħdu dwar il-ħajt ta' lqugħ tal-konkos li hemm fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur li jidher li qed iċedi u li fih konsenturi, peress li dan minn mument għall-ieħor, jista' jċedi fuq it-triq, bil-periklu kollu li dan jista' jġib?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali kundizzjoni kemm tat-triq u anke tal-ħitan ser ikunu kkunsidrati minn pjan ħolistiku għat-triq prinċipali li twasslek għar-raħal tan-Nadur.

Għawdex: Marsalforn – xogħol fuq il-breakwater

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq il-breakwater ġdid f'Marsalforn? Jista' jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk id-disinn għal dan il-breakwater hux lest u jekk iva, iqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità għall-Ippjanar għal dan il-proġett u jekk iva, iqiegħed kopja ta' din l-applikazzjoni, in-numru tagħha u jgħid fejn wasal il-proċess?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-breakwater ta’ Marsalforn għadu fi stadju ta’ permess. B’rabta ma’ dan ġiet sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar bin-numru ta’ referenza PA/02106/21. Sadanittant, bħalissa qiegħed jiġi kkumpilat l-Environmental Impact Assessment skont it-termini ddettati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi abbażi tas-suġġerimenti li daħlu mill-konsultazzjoni pubblika.

Gozo Channel Co. Ltd.: vapur Nikolaus- ħlas lis-sidien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas totali li rċevew is-sidien tal-vapur Nikolaus mingħand il-Gozo Channel u/jew mingħand il-Gvern ta' Malta, minn meta beda jopera sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 17223.

Direttiva (UE) 2019/882

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret s’issa rigward it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/882 tas-17 ta’ April, 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għall-prodotti u s-servizzi? Tista’ tgħid jekk saritx xi forma ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/882 u jekk saret, ma’ min u x’kien l-eżitu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saru konsultazzjonijiet interministerjali u interdipartimentali f’dan ir-rigward, sabiex inqabel test ta’ Avviż Legali li ġie mgħoddi taħt l-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Dizabilità (Kap. 627). Din id-Direttiva ma tantx tagħti flessibilità dwar kif għandhom jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet tagħha, però fir-rigward tat-termini ta’ skadenza għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ prodotti u servizzi differenti, il-Gvern għażel li juża l-iskadenzi massimi illi tagħti lok għalihom id-Direttiva – hekk, qeghdin naraw illi l-imprenditur ikollu żmien ampju sabiex jadatta, filwaqt illi fl-istess ħin, permezz tat-traspożizzjoni, ikunu garantiti d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Fir-rigward tal-aspett regolatorju illi joħroġ mid-Direttiva, is-CRPD ingħatat ir-rwol tal-awtorità rilevanti tas-sorveljanza tas-suq, u permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil li ġie ffirmat bejnha u bejn l-MCCAA, ser ikun hemm l-appoġġ meħtieġ biex jiġu implimentati elementi tad-Direttiva bħalma huma s-CE Marking, u l-irtirar ta’ prodotti mis-suq fejn ikun hemm bżonn. Qed jiġi wkoll innegozjat Memorandum simili ma’ entitajiet oħra illi għandhom għarfien speċjalizzat dwar oqsma tematiċi koperti mid-Direttiva. Aktar minn hekk, diġà nbeda xogħol illi ser jinvolvi numru ta’ stakeholders, sabiex ikun hemm għarfien, gwida u koperazzjoni, fil-proċess illi għandu jwassal għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-partijiet involuti. Filwaqt illi d-Direttiva ser tibda tapplika għall-ewwel grupp ta’ prodotti u servizzi koperti mid-Direttiva sa mit-28 ta’ Ġunju 2025, is-CRPD qiegħda taħdem flimkien mal-Ministeru responsabbli għall-ekonomija, biex ikun hemm diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, bħall-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-SMEs, biex inkunu nistgħu mbagħad norganizzaw inizjattivi, noħorġu linji gwida u nagħtu sostenn, sabiex kulħadd ikun involut u mwieżen f’dan il-proċess. Bl-istess mod, sejrin naraw illi jkun hemm gharfien u gwida għall-persuni b’diżabilità, il-familjari tagħhom, u l-għaqdiet illi jirrappreżentawhom, tul dan il-proċess. Malta sadanittant kienet u għadha tipparteċipa fuq il-Grupp Ad Hoc tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva, permezz ta’ rappreżentanti mid-Direttorat dwar l-Affarijiet tad-Diżabilità (DDI) fi ħdan l-MIVC, kif ukoll mis-CRPD.

MCCAA – Diretturi Ġenerali u Diretturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid attwalment kemm hemm appuntati Diretturi Ġenerali u Diretturi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u f’kull każ meta tintemm il-ħatra ta’ kull wieħed minnhom? Tista’ tgħid jekk hemmx xi karigi ta’ Direttur Ġenerali u/jew diretturi fi ħdan l-MCCAA li huma vakanti? Jekk hemm, liema huma dawn il-karigi u għal kemm żmien ilhom vakanti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed tiġi mehmuża l-lista tad-diretturi ġenerali u diretturi, skont il-liġi li tirregola lill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, bid-dati ta' skadenza tal-kuntratt tagħhom rispettivament. Waqt li fil-każ tal-unika pożizzjoni vakata jinsab għaddej proċess biex din timtela, id-dmirijiet relatati qed jiġu osservati mill-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità. Nomenklatura Kuntratt Eżistenti li jiskadi Vakanti mill- Direttur Ġenerali (SMI) 14-Settembru-23 - Direttur Ġenerali (OCA) 14-Settembru-23 - Direttur Ġenerali (OC) 14-Settembru-23 - Direttur Ġenerali (TRD) - 12-Jan-21 Direttur (Sorveljanza tas-Suq) 10-Jan-24 - Direttur (Affarijiet Regolatorji) 10-Jan-24 - Direttur (Komunikazzjonijiet, Enerġija, Trasport u Servizzi Finanzjarji) 16-Ottubru-25 - Direttur (Manifattura Primarja u Swieq tal-Bejgħ bl-Imnut) 09-Ottubru-25 - Direttur (Investigazzjonijiet tal-Ispettorat u l-Kartelli) 30-Nov-23 - Direttur (Ilmenti u Konċiljazzjoni) 31-Awissu-25 - Direttur (Infurzar) 17-Jan-24 - Direttur (Informazzjoni, Edukazzjoni u Riċerka) 17-Jan-24 - Direttur (Standardizzazzjoni) 14-Frar-24 - Direttur (Metroloġija) 30-Ġunju-25 - Direttur (Servizzi tal-Laboratorju) 30-Ġunju-25 -

Ministeru għal Għawdex – Impjegati jagħmlu xogħol ta’ watchman

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm/kien hemm impjegati jagħmlu xogħol ta' watchman fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-2012 sal-aħħar ta' April, 2022? X'kien/x'inhu l-grad tagħhom? Liema huma s-siti li qed jindokraw? Jekk hemm relievers pool, jista’ jgħid kemm hemm persuni fiha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li hemm hemm 76 individwu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex maqsumin f’diversi xiftijiet li jagħmlu xogħol ta’ watchman f’24 sit differenti bħala parti mix-xogħol tagħhom.

Gozo Channel (Operations) Ltd. – Kiri ta’ post fl-Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Channel (Operations) Ltd hux qiegħda tikri post fl-Imġarr, Għawdex, li qabel kien jintuża bħala supermarket, sabiex tibda tużah bħala l-uffiċċju tagħha? Kemm ilha tikrih dan il-post, kemm hi l-kera u għalkemm u għala dan il-post għadu ma bediex jintuża għall-iskop mikri? Jista’ jikkonferma li s-sit mikri għandu problemi ta' stabilità li qed iżommu x-xogħol ta' finitura tiegħu? Kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet rimedjali u min hu responsabbli li jagħmilhom? Meta se jibda jintuża dan is-sit bħala uffiċċju tal-kumpanija? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt tal-kera fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nikkonferma mal-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel (Operations) Ltd. qiegħda tikri post fl-Imġarr. Dan beda jinkera, biex jibda jintuża mill-istess entità bħala uffiċċju ċentralizzat għall-operazzjonijiet tal-kumpanija, imħażen u garaxxijiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2020 għal terminu ta’ għaxar snin u żieda maqbula ta’ 18-il xahar addizzjonali mingħajr ħlas. Il-post tale quale intgħażel minn bord imwaqqaf apposta bħala l-aktar wieħed vantaġġjuż minn fost żewġ offerti ta’ interess fis-sejħa pubblika li kien hemm. Ir-raġuni għaliex il-post għadu ma bediex jintuża għall-iskop mikri hi li l-kumpanija kienet qed tistenna l-permessi meħtieġa biex isiru xogħlijiet li kien hemm bżonn. Filfatt dawn il-permessi ħarġu fit-3 ta’ Jannar 2022 u x-xogħlijiet meħtieġa, skont il-pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar (vide DS/00316/21; DS/00060/22 u PA/02464/21), issa bdew. Bħala kumpens ta’ parti minn dawn l-ispejjez li qegħdin isiru fuq dawn ix-xogħolijiet, ġie maqbul mas-sidien li l-perjodu tal-kirja jiżdied bi 18-il xahar wara t-terminu tal-kirja ta’ 10 snin mingħajr ħlas addizzjonali. L-arranġamenti se jkunu qed jiffaċilitaw il-ħidma tal-kumpanija fl-operat tagħha qrib il-port tal-Imġarr. Il-kera pagabbli hi ta’: (i) €2,600 fix-xahar bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu 2020; (ii) €5,200 fix-xahar bejn l-1 ta' April 2020 u l-31 ta' Diċembru 2022; u (iii) sussegwentement il-kera tiżdied kull tliet snin bir-rata ta' 6% jew iż-żieda fir-Retail Price Index, skont liema tiġi l-ogħla.

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1562 u jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjonijiet oħrajn? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa, ġiet investita f'Għawdex stess?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taxxa fuq akkomodazzjoni li nġabret minn indirizzi reġistrati f’Għawdex, mill-2016 sal-aħħar ta’ Ġunju 2022, tammonta għal €1,005,161.47. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex: Proġett tal-Gozo Museum — pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'pagamenti saru s'issa fuq il-proġett tal-Gozo Museum f'Għawdex? Jista' jgħid kemm kien kull pagament u lil min sar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-mużew se joffri passaġġ lura fl-istorja t’Għawdex fil-qalba tal-ġrajjiet u l-patrimonju rikk li nsibu fuq din l-art. Il-kollezzjoni li se tkun esebita fih, se tinkludi oġġetti li sal-lum il-pubbliku ma setax igawdi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru total ta’ €3,767,915 f’pagamenti.

Għawdex – triq li mix-Xagħra tagħti għall-bajja tar-Ramla – safety crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li fit-triq li mix-Xagħra tagħti għall-Bajja tar-Ramla f'Għawdex, jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha u jsiru 'Safety Crash Barriers' biex jitneħħa l-periklu li xi ħadd jaqa' bil-karozza fil-wied u dan peress li hemm partijiet kbar miċ-ċnut li jagħtu mit-triq għal wied, neqsin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li temporanjament l-ammont ta’ barriers mat-triq żdiedu u dan sakemm fil-ġimghat li ġejjin jerga’ jinbena ċ-ċint, kif kien oriġinarjament.