Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kap. 595 tal-Liġijiet ta’ Malta – Bord imwaqqaf skont il-liġi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord li għalih hemm referenza fil-proviso tal-artikolu 4(5) tal-Kap. 595 tal-Liġijiet ta’ Malta? Jista’ jgħid meta ġie kostitwit dan il-Bord u t-tul tal-ħatra ta’ kull wieħed mill-membri ta’ dan il-Bord? Jista’ jipprovdi lista tal-karigi tal-uffiċjali fis-Settur Pubbliku, u dan skont l-entità pubblika kkonċernata, li allura setgħu ġew identifikati li jagħmlu xogħol li jinvolvi funzjonijiet regolatorji jew ta’ ispettorat u b’hekk huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-artikolu 4(5) tal-Kap. 595? Jista’ jgħid jekk sal-lum qattx ittieħdu xi passi minħabba xi allegat ksur tal-artikolu 4 tal-Kap. 595? Jekk iva, jista’ jelenka n-numru ta’ każijiet li kien hemm?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-membri huma ex officio: Is-Segretarju Permanenti tal-People & Standards Division Is-Segretarju Permanenti tal-Koordinazzjoni u Implimentazzjoni Is-Segretarju Permanenti għall-Ġustizzja It-tul tal-ħatra fil-Bord hija marbuta mal-kariga tagħhom. Is-Segretarju Permanenti tal-People & Standards Division u s-Segretarju Permanenti tal-Ġustizzja ġew appuntati meta l-Bord ġie kompost fl-1 t’Ottubru 2019. Is-Segretarju Permanenti għall-Koordinazzjoni u Implimentazzjoni ġie appuntat meta nħatar fil-25 ta’ Marzu 2022. Il-Lista mitluba hija aċcessibbli għall-pubbliku. Kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Bord jiltaqa’ regolarment ma’ entitajiet sabiex kontinwament jirrevedi l-bżonnijiet u nomenklaturi fid-dawl tal-proviżjonijiet tal-liġi u Direttiva 14. Il-Bord ta pariri f’istanzi fejn persuni kienu ser jitilqu mill-Amminstazzjoni Pubblika u jsibu xogħol ulterjuri. Sal-lum ma ttiħdux passi għaliex ma kienx hemm bażi ffondati li kien hemm ksur tal-liġi jew tad-Direttiva.

In-Nadur – Triq Xandriku – manutenzjoni ta’ bini mal-ġibjun tal-ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-bini li hemm mal-ġibjun tal-ilma fi Triq Xandriku fin-Nadur u dan peress li parti minn dan il-bini tinsab fi stat ħażin ħafna u tista' ċċedi minn ħin għall-ieħor? Tista' tgħid meta saret l-aħħar manutenzjoni fil-ġibjun tan-Nadur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-binja li hemm maġenb il-ġibjun ġiet spezzjonata minn Perit tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma, u kien ikkonfermat li ma hemmx ħsarat strutturali li jirrikjedu intervent immedjat. Għaldaqstant fis-sitt xhur li ġejjin ser isir xogħol ta’ manutenzjoni u restawr tal-faċċata.

In-Nadur – Triq Ta’ Xħajma – ħitan tas-sejjiegħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn saru l-ħitan tas-sejjiegħ fi Triq ta' Xħajma, (it-triq minn Nadur lejn ir-Rabat) u jgħid meta ser isir it-tindif tal-għelieqi mill-ġebel u terrapin li tħalla wara li saru dawn il-ħitan? Jista' jgħid ukoll jekk hux ser isir tindif tal-konok tas-siġar mill-istess ġebel u terrapin li tħalla wara li saru dawn il-ħitan?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-għelieqi mill-ġebel u mit-terrapien, u kif ukoll it-tindif tal-konok tas-siġar, huwa kważi konkluż.

CRPD — MoUs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux Memorandum of Understandings (MoUs) bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u xi entità oħra mill-bidu tal-2021 s’issa? Jekk saru, tista’ tgħid ma’ min, x’kien l-għan aħħari u tippreżenta kopja ta’ kull MoU?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-2021 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) daħlet fi tmien (8) Memoranda of Understanding (MOUs) skont it-tabella ta’ hawn taħt. Barra minn hekk, qiegħda nqiegħed kopja ta’ dawn il-memoranda fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma’ min Sena L-Għan aħħari L-Università ta’ Malta 2021 Kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà biex issir riċerka, konferenza annwali, sponsorship ta’ Award, u artiklu annwali fil-rivista tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà. Planning and Priorities Coordination Division u l-Funds and Programme Division fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru 2021 Kooperazzjoni bejn dawn l-entitajiet u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) f’diversi stadji tal-proġetti, sabiex dawn ikunu konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità. Transport Malta 2021 Kooperazzjoni bejn Transport Malta u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) biex tingħata informazzjoni u data bejn iż-żewġ entitajiet. National Statistics Office (NSO) 2021 Kooperazzjoni bejn l-NSO u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) biex tingħata/tinqasam informazzjoni u data bejn iż-żewġ entitajiet. Aġenzija żgħażagħ 2021 Kollaborazzjoni bejn Aġenzija żgħażagħ u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) biex jsiru laqgħat informattivi għal żgħażagħ b’diżabilità u attivitajiet oħra. Malta Information Technology Agency (MITA) u Segretarju Parlamentari tal-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni 2021 Ftehim bejn l-MITA, CRPD u Segretarju Parlamentari tal-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni, bħala l-fundaturi tal- Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) 2022 Kollaborazzjoni bejn l-MCCAA u CRPD biex ikun hemm kampanji ta’ informazzjoni u assistenza bejn iż-żewġ entitajiet. Malta Communications Authority (MCA) 2022 Kollaborazzjoni bejn l-MCCAA u CRPD biex ikun hemm moniteraġġ u rapurtar kif mitlub fid-Direttiva (EU) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq Aċċessibilità ta’ websites u applikazzjonijiet tal-mobajl ta’ entitajiet fis-settur Pubbliku.

TV — free to air - ilmenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm ilmenti minn konsumaturi dwar il-fatt li qed jittieħdu passi biex it-trasmissjoni ta' stazzjonijiet tat-TV bil-free to air (permezz ta' aerials jew antenni) jieqaf? Jekk iva x'passi ttieħdu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, riċentament irċieva żewġ mistoqsijiet għall-informazzjoni f’dan ir-rigward. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dan it-tip ta’ każ mhuwiex regolat mil-liġijiet tal-konsumatur li tamministra l-MCCAA. Madankollu, kif diġà tħabbar pubblikament, il-Gvern bħalissa permezz tal-Ministeru konċernat għaddej bi proċess ta’ outreach biex ikun stabbilit l-ammont preċiż ta’ familji li għadhom isegwu t-trasmissjonijiet televiżivi free to air permezz ta’ aerial fuq il-bejt. Dan biex il-Gvern ikun jista’ jgħin lil dawn il-familji.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-bord

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1135 u t-tweġiba li ngħatat, tista’ l-Ministru, a tenut tal-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545, telenka l-kriterji ppubblikati li abbażi tagħhom skont l-istess artikolu, għandhom jinħatru l-membri tal-Bord tar-REWS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li jirreferi għalihom l-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545) jiġu ppubblikati bħala parti mill-proċess ta’ ħatriet ġodda. Madankollu, b’mod ġenerali, wieħed ikun irid jassigura li l-bord tar-Regolatur ikun kompost minn membri li jkun ġejjin minn oqsma professjonali differenti bħal ngħidu aħna il-kamp legali, l-inġinerija, ix-xjenza u l-ekonomija jew l-accountancy. Minbarra l-kwalifiċi akkademiċi wieħed ikun mistenni japplika wkoll kriterji oħra bbażati fuq il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza. Dan kollu minbarra verifiki oħra li jikkonċernaw ir-reputazzjoni tal-individwu u li jassiguraw li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess.

Għawdex: Nadur – Triq ir-Rabat – retaining wall tal-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni fuq ir-retaining wall tal-konkos li hemm fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur, liema ħajt jidher li jista' jċedi? Jista' jgħid ukoll jekk min għamel din l-ispezzjoni, ikkonfermax li m’hemm l-ebda periklu? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjonijiet li saru min uffiċjali pubbliċi ġie deċiż li l-każ jiġi riferut lill-esperti fis-settur.

Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur – impenji u talbiet għal ordni ta’ tħaris

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-bidu tal-2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il-impenn fil-kuntest tal-artikolu 12A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 aċċetta d-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur u fir-rigward ta’ liema qasam kienu dawk l-impenji li ġew aċċettati? Tista’ tgħid mill-bidu tal-2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il ordni ta’ tħaris intalbet mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur fil-kuntest tal-artikolu 12Ċ(1)(ċ)(iii) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2022 sa issa ma sarux proċeduri ta’ impenji stabbiliti fl-artikolu 12A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378; u ma ntalbux ordnijiet ta’ tħaris mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) skont l-artikolu 12Ċ(1)(ċ)(iii) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Nieħu l-opportunità li hawn ninnota li matul dan il-perjodu, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, f'konformità mal-artikolu 17(1)(f) tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, intervjenew ma’ numru ta’ kummerċjanti fejn kien hemm allegat ksur tal-liġijiet tal-konsumatur, u fejn dan wassal għall-osservanza volontarja qabel ma nbdiet azzjoni ġudizzjarja.

Għawdex: Nadur – Triq Daħlet Qorrot

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol jonqos fi Triq Daħlet Qorrot fin-Nadur biex ix-xogħol ikun lest kollu? Jista' jgħid meta hu maħsub li jkun lest dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għad jonqos isir huwa relatat mas-sistema ġdida tad-drenaġġ u l-wearing course. Dan ix-xogħol hu maħsub li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – talbiet biex issir investigazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-2020 s’issa kemm-il talba saret skont l-artikolu 12 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379 lid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) biex dan jagħmel investigazzjoni? F’kull każ tista’ telenka minn min saret it-talba u fir-rigward ta’ liema settur saret?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li mill-2020 sal-lum, saret talba waħda mill-Ministru responsabbli għall-affarijiet tal-kompetizzjoni biex issir investigazzjoni. Din kienet tirrigwarda s-settur tat-telekommunikazzjoni.

Ministeru għal Għawdex – kumitati, bordijiet u kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kumitati, bordijiet, kummissjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Għal kull każ, jista' jgħid min hu ċ-Chairperson u min huma l-membri ta' kull entità li taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid min kien iċ-Chairperson u l-membri tal-istess entitajiet sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCA – infiq u d-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba sena b’sena mill-2017 s’issa, ġew diskussi quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Kamra, l-infiq u d-dħul tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-estmi finanzjarji u r-rapport annuali ta MCA jiġu pre¿entati kull sena fil-Parlament. MCA mhux infurmata dwar li r-raporti gew diskussi fil Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Membri tal-Ġudikatura – parteċipazzjoni f’konferenzi rigward liġijiet tal-UE

Question

Mill-bidu tal-2021 sakemm titwieġeb din il-mistoqsija, jista’ l-Ministru jgħid: a. għal kemm-il kors, seminar jew konferenza ppartiċipaw membri tal-ġudikatura fir-rigward tal-liġijiet tal-UE li ġew jew għad iridu jiġu implimentanti, u b. f’kull każ jelenka dwar x’kien is-suġġett?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2021 sa Settembru 2022 il-membri tal-ġudikatura attendew 30 il-kors, seminar jew konferenza. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra bis-suġġetti varji ta’ dawn il-korsijiet, seminars jew konferenzi.

Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 696 u 1269, jista’ l-Ministru jgħid: a. min kienu l-membri, li skont ma ntqal fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 696, offrew ir-riżenja tagħhom lill-Gvern; u b. jekk issa nħatarx bord ġdid, u fil-każ min huma l-membri u għal kemm hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom, u jekk le x’inhi r-raġuni għalfejn ma saret l-ebda ħatra sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

MCCAA — Direttur Ġenerali - investigazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-Ponzi Schemes, li minn informazzjoni li għandi, kienu l-kaġun li numru ta’ ċittadini Maltin tilfu mijiet ta’ euro u dan peress li tali skema tista’ tikkostitwixxi prattika kummerċjali inġusta skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 – b’mod partikolari fid-dawl ta’ dak li jingħad fil-paragrafu 14 tal-Ewwel Skeda tal-istess liġi u ċjoè: "14. Fejn il-kummerċjant/a jistabbilixxi/tistabbilixxi, jopera/topera jew jippromwovi/tippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti.".

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi hekk imsejħa ‘Ponzi schemes’ u li għalihom qed issir referenza huma relatati ma’ investimenti u servizzi finanzjarji li huma regolati minn liġijiet settorali speċifiċi amministrati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-paragrafu 14 tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jitkellem fuq skemi promozzjonali piramidali li m’humiex skemi ta’ investiment finanzjarju. Bħalissa m’hemmx każijiet li jaqgħu taħt dan l-artikolu u li dwarhom dan l-Uffiċċju huwa a konoxxenza.

MCCAA – tħaddim ta’ Digital Markets Act

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu da parti tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-eventwali tħaddim tad-Digital Markets Act tal-UE?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju qed jipparteċipa f’numru ta’ laqgħat li qed isiru bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri dwar li l-provvedimenti tal-Att dwar is-Swieq Diġitali u kif dawn se jkunu qed jiġu mħaddmin u ssalvagwardati. Fl-istess waqt dawn il-laqgħat qed iservu biex jiġu identifikati funzjonijiet u proċeduri ġodda skont il-ħtieġa.

REWS – proċedura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-proċedura li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) hu marbut li jsegwi, meta jrid jimpjega uffiċjali ġodda miegħu tenut kont ta’ dak li jingħad fl-artikoli 16 u 17 tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545? Tista’ tgħid jekk hemmx bżonn ta’ approvazzjoni mill-Gvern fir-rigward tar-rimunerazzjoni, il-pattijiet u l-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ uffiċjali fi ħdan ir-REWS stabbiliti mill-istess REWS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li r-REWS jattjeni ruħu mad-direttiva 7 tas-servizz pubbliku, flimkien mad-dispożizzjonijiet fl-artikolu 16 u l-artikolu 17 tal-Att dwar ir-REWS.

Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob – diskussjoni fil-PAC dwar l-infiq u d-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba, sena b’sena, mill-2017 s’issa, ġew diskussi quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, l-infiq u d-dħul tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-estimi finanzjarji u r-rapport annwali tal-Awtorita ta’ Malta dwar il-Logħob jigu prezentati kull sena fil-Parlament, kif ukoll jigu publikati fuq is-sit tal-istess Awtorita. Ninsab infurmat li dawn qatt ma gew diskussi quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.”

Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – diskussjonijiet dwar l-infiq u d-dħul quddiem il-PAC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, sena b’sena, mill-2017 s’issa, ġew diskussi quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, l-infiq u d-dħul tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2017 sal-lum, qatt ma ġejna mitlubin niddiskutu l-infiq u d-dħul tal-Awtorità quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Ta' min jinnota wkoll li fil-perjodu msemmi, l-MCCAA qatt ma ġiet innotifikata dwar xi tħassib fuq ir-rappurtaġġ finanzjarju tagħha.

Noise Control Commission – membri appuntati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx appuntati l-membri għan-Noise Control Commission? Jekk iva, min huma u għal kemm hi l-ħatra ta’ kull wieħed mill-membri ta’ din il-Kummissjoni? Tista’ tgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti minħabba allegat ksur ta’ Regolamenti dwar Valutazzjoni u Maniġġar ta’ Ħsejjes fl-Ambjent (L.S. 549.37 tal-Liġijiet ta’ Malta) mill-2018 s’issa, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li r-Regolamenti dwar Valutazzjoni u Maniġġjar ta’ Ħsejjes fl-Ambjent (LS549.37) jimponu obbligu fuq l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex tistabbilixxi metodi biex jiġu evitati, issir prevenzjoni u jkunu mnaqqsa ħsejjes fl-ambjent fosthom permezz ta’ mapep tal-ħsejjes. Dan ir-regolament mhux intiż biex jindirizza ħsejjes fuq livell individwali, u għalhekk sa fejn l-awtorità hija nfurmata ma kien hemm l-ebda każ quddiem il-Qrati abbażi ta’ dan ir-regolament.