Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Pazjenti trasferiti għall-kura fi sptar f’Malta
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena (2022), xahar b'xahar, kemm-il pazjent daħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-kura tiegħu kellha f'xi ħin titkompla fl-Isptar Mater Dei jew f'xi sptar ieħor pubbliku f'Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel disa xhur ta’ din is-sena medja ta’ 29 pazjent fix-xahar daħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-kura tiegħu kellha f'xi ħin titkompla fl-Isptar Mater Dei.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1672, li ngħatat fil-21 ta' Ġunju 2022, rigward kemm fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali, fejn ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom għadu għaddej”, jista’ l-Ministru jgħid f'kull triq li ssemmiet fit-tweġiba meta nbeda x-xogħol fuqha, kemm tħallsu flus sa issa fuq kull triq, liema xogħlijiet għad fadal isiru u fiex jikkonsistu, u meta se jingħata l-wearing course? Jista’ jagħti area f’metri kwadri li għadha bil-base course ta' dawn l-imsemmija toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fejn ġew stazzjonati l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni f'Għawdex li qabel kienu jaħdmu mill-uffiċċju fi Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid kif intgħażel dan il-post? Jista' jgħid jekk inħarġitx sejħa qabel ġie magħżul il-post? Jista' jgħid ukoll għal kemm żmien inkera l-post u kemm qed titħallas kera fix-xahar għal dan l-użu?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema msemmija ġew stazzjonati ġewwa post li hu proprjetà u kif ukoll amministrat minn entità tal-Gvern u għalhekk ma nħarġet l-ebda sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid fejn huma stazzjonati l-ħaddiema kollha li kienu jaħdmu l-Gozo Sports Complex, minn meta ngħalaq dan il-kumpless sal-lum? Jista' jgħid jekk kienx hemm il-ħtieġa li jinkera post biex minnu jaħdmu dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid ukoll kif inkera dan il-post u kemm qed jitħallas fix-xahar għall-kirja ta' dan il-post? Jista' jgħid jekk inħarġitx sejħa għall-kiri ta' dan il-post?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ngħalaq il-Kumpless Sportiv minħabba r-rikostruzzjoni tal-istess kumpless u l-pixxina, il-ħaddiema kif ukoll parti mill-operat kienu ġew trasferiti għall-iskola Sir M.A. Refalo ġewwa l-belt Vittorja.
Minħabba li din il-parti tal-iskola kienet ser tibda tiġi utilizzata mill-istudenti, saru diversi taħdidiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jinstab post alternattiv però l-ebda post ma nstab li jista’ jakkomoda sala mdaqqsa fejn jintlagħab logħob ta’ ġewwa.
Eventwalment instab post adegwat fil-Każin tal-Banda ta’ Kerċem fejn hemm sala kbira li tista’ takkomoda logħob ta’ ġewwa. F’Settembru ta’ din is-sena ftit mill-ħaddiema ġew trasferiti għal din is-sala u ftit oħra fl-iskola Primarja ta’ Kerċem li tinsab faċċata ta’ dan il-każin. Il-kirja hija ta’ €8,000.00 fis-sena.
Ċentru tal-Università — Ix-Xewkija – xogħlijiet fuq l-estensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija Għawdex jidher li waqaf għalkollox u issa ilu wieqaf? Jista' jgħid din l-estensjoni meta hu maħsub li tkun lesta minn kollox u tibda tintuża?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dewmien ġie kkawżat minħabba li l-proċess tal-evalwazzjoni għall-offerti tat-tender maħruġ mill-Università ta’ Malta biex jitlestew ix-xogħlijiet kellu jerġa jibda mill-ġdid peress li l-ebda offerta ma kienet compliant.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq il-Gozo Museum fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid għaliex ix-xogħol jidher li miexi bil-mod? Jista' jgħid ukoll sa issa kemm intużaw fondi tal-Unjoni Ewropea li kienu allokati fuq dan l-istess proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Il-Mużew jinstab biswit sala tal-eżamijiet u tliet skejjel, għalhekk il-pass tax-xogħlijiet dejjem ikun skont l-esiġenzi tal-istudenti u b’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ ta’ Għawdex u d-Direttorat tal-Eżamijiet.
Minn barra hekk, ix-xogħlijiet isiru taħt superviżjoni kontinwa tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dan għaliex waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar instabet żona arkeoloġika ta’ madwar 960 metru kwadru tal-perjodu Ruman, li qatt ma nstabet bħalha f’pajjiżna. B’hekk din is-sejba unika ġiet protetta u integrata fil-Mużew ta’ Għawdex. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ din iż-żona, ix-xogħlijiet dejjem saru b’kawtela.
Rigward il-fondi tal-Unjoni Ewropea diġà ngħatat risposta fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17678.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rikorsi (kawżi) kostituzzjonali kontra l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) sena b’sena mill-2017 s’issa,? Jista’ f’kull każ jagħti l-okkju tal-każ u fejn il-każ ġie deċiż, meta ġie deċiż?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infakkar lill-Onor. Interpellent li l-liġijiet ta’ regolametazzjoni komplew jissaħħu fl-aħħar snin, ikluż bit-traspożizzjoni ta’ direttivi tal-Unjoni Ewropea u pariri li ngħataw minn entitajiet oħrajn internazzjonali, li jimponu multi eħrex għal reati serji, ripetuti jew sistematiċi.
Tista’ l-Ministru tiċċara min hu finalment responsabbli għall-ħatra tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fi ħdan ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) tenut kont li l-artikolu 6(7) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545 jipprovdi li l-ħatra ta’ dan l-uffiċjal issir kemm mir-Regolatur kif ukoll mill-Ministru:
“(7) L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni u l-kapijiet tad-direttorati, dipartimenti, diviżjonijiet u sezzjonijiet għandhom jinħatru mir-Regolatur għall-perijodu stabbilit mir-Regolatur li fl-ebda każ m’għandu jkun inqas minn tliet snin: Iżda l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni għandu jkun maħtur mill-Ministru.”.
F’dan ir-rigward, tista’ l-Ministru tqis li tiġi emendata l-liġi biex jiġi ċċarat dan il-punt u ma jkunx hemm dubji?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-traskrizzjoni ta’ laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi li kienet saret nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju 2015, fejn, waqt li kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, kien tqajjem dan il-punt u kien ġie spjegat li fl-abbozzar ta’ liġi hija ħaġa normali li l-ewwel tiġi speċifikata r-regola ġenerali u mbagħad isir provvediment għal kwalunkwe deroga.
Kien intqal li kuntrarju għal dak li kien isir fil-passat, fejn il-Ministru kien jappunta kemm lis-CEO kif ukoll il-kapijiet ta’ direttorati u ta’ units oħrajn, fil-każ tal-liġi li dakinhar kienet qed tiġi diskussa kien se jkun biss l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni li kien se jinħatar mill-Ministru.
Għawdex: Rabat – Triq it-Tabib Anton Tabone – problema tal-ilma tax-xita
Question
Jista' l-Ministru jgħid għandux xi pjanijiet u dawn fiex jikkonsistu u meta huma ppjanati li jiġu mwettqa u fl-immedjat x'se jsir sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ilma fi Triq it-Tabib Anton Tabone fir-Rabat, Għawdex kull meta tagħmel ix-xita u dan peress li d-djar ta' dawn ir-residenti ta' din it-triq qed jimtlew bl-ilma u wkoll qed ikun hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq kull meta tagħmel ħafna xita?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru qiegħed iħejji pjan infrastrutturali għas-snin li ġejjin.
Kordin: Ras Ħanżir — Tender CfT: IM027/2020 for the Construction of a New Cargo Facility
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar “it-tender CfT: IM027/2020 for the Construction of a New Cargo Facility at Ras Ħanżir between Laboratory and Fuel wharves, Corradino, Grand Harbour, Malta”' u jgħid jekk din it-tender ġietx aġġudikata? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol mitlub minn din l-imsemmija tender?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-għażla ġie konkluż u qegħdin fil-proċess li jiġi ffirmat il-kuntratt.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ żbir ta’ siġar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li b'mod regolari jagħmlu x-xogħol ta' żbir ta' siġar kbar fil-lokalitajiet ta' Għawdex? Jista’ jelenka l-lokalitajiet, it-toroq tagħhom u areas, inkluż pjazez, fejn f'dawn l-aħħar sentejn sar iż-żbir ta' siġar kbar permezz tal-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll fejn fil-ġimgħat li ġejjin hemm ippjanat li jsir żbir ta' siġar kbar mill-ħaddiema tal-Ministeru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol jitqassam bejn gruppi u timijiet. Hemm ġonna pubbliċi li għandhom allokati persuni speċifiċi u uffiċjali pubbliċi oħrajn li m’għandhomx allokazzjoni diretta u li joffru servizz madwar diversi lokalitajiet f’Għawdex.
Għawdex: Port tal-Imġarr – Rilokazzjoni għas-suldati tal-AFM tal-komponent marittimu u tal-EOD
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar fiex waslet ir-rilokazzjoni u meta se sseħħ din ir-rilokazzjoni għal post aħjar li minnu joperaw is-suldati tal-komponent marittimu u tal-EOD fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fil-Port tal-Imġarr, Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 2429, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-imsemmija taħdidiet saru u ġie possibbilment identifikat post alternattiv ta’ rilokazzjoni. Bħalissa qed isir studju dwar dan il-post.
Gozo Innovation Hub – informazzjoni dwar kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm uffiċini mikrija fil-Gozo Innovation Hub lil kumpaniji varji u kemm ilhom joperaw minn hemm? Jista’ jgħid kemm jimpjegaw ħaddiema kull waħda minn dawn il-kumpaniji? Jista' jgħid kemm minn dawn il-kumpaniji jew entitajiet/dipartimenti huma tal-Gvern u liema huma u kemm jimpjegaw nies dawn l-entitajiet/dipartimenti governattivi u kemm ilhom joperaw minn hemm?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Gozo Innovation Hub hemm għaxar kumpaniji, minn dawn ħamsa huma entitajiet/dipartimenti tal-Gvern. B’kollox dawn il-kumpaniji/entitajiet governattivi jimpjegaw 148 ħaddiem. Id-data minn meta kumpaniji/entitajiet governattivi bdew joperaw mill-Gozo Innovation Hub tinsab fit-tabella annessa.
Name of tenant
Date
Yes We Can Limited
28/01/21
B G Group Ltd
28/10/20
Adbluetek Ltd
08/04/21
Noovle Malta Limited
19/12/19
Digerati Limited
21/12/21
Name of tenant
Date
Education Department
09/09/22
Servizzi.gov
13/10/21
Planning Authority
22/08/22
Environment & Resources Authority
08/07/22
Gozo Regional Development Authority
18/11/20
Tista' l-Ministru tgħid kemm ittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-bankini jkunu dejjem liberi għal dawk li jkunu jridu jużawhom u dan in vista tal-fatt li f'ħafna lokalitajiet, speċjalment f'dawk turistiċi, ħafna bankini qed ikunu ingumbrati b'imwejjed, siġġijiet jew affarijiet oħra li jkunu għal bejgħ?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2021 lil hawn, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, is-CRPD ħadet passi fuq 19-il każ. Dawn kienu maqsumin kif ġej: 14-il każ dwar bankini ingumbrati bi mwejjed u siġġijiet, każ ta' ingombrament minħabba tabella ta' ħanut u 4 każi oħra marbuta ma’ street furniture.
Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa fuq iljieli f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1562 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjoni oħra? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa ġie investit f'Għawdex stess?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 2169.
Il-Qala Għawdex – Triq il-Wardija – Xogħlijiet infrastrutturali
Question
B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 21732 li ngħatat fis-7 ta' Lulju 2021 rigward Triq il-Wardija fil-Qala fejn ġie mwieġeb "li x-xogħlijiet se jitkomplew la darba tiġi awarded it-tender", jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender ġietx awarded u meta ġiet awarded, u jekk ix-xogħol mitlub minn din it-tender fuq din it-triq bediex u tlestiex, jekk inbidlitx is-sistema tad-drenaġġ u jekk saritx bit-tarmak kollha kemm hi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Ix-Xagħra Għawdex – Triq Marga u Triq Għajn Damma – Periklu minn toroq li qed iċedu
Question
Peress li hija responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid fl-immedjat x'azzjoni ttieħdet u qed jieħu l-Ministeru għal Għawdex rigward Triq Marga u Triq Għajn Damma, fix-Xagħra Għawdex, peress li partijiet minnhom ċedew u oħrajn qed iċedu u hemm periklu għan-nies, sewwieqa u għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi fl-inħawi u saħansitra f'dawn l-aħħar xhur kien hemm inċidenti fejn weġġgħu xi nies?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol qed jiġi kkordinat mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra. Fil-fatt ġie miftiehem li l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed joħrog parti mill-ispiża, filwaqt li l-kunsill lokali se jkun qed jibda l-manutenzjoni fuq il-partijiet li qed iċedu.
In-Nadur Għawdex – Ground tal-Futbol — faċilitajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikunu lesti l-faċilitajiet tal-ground tal-futbol fin-Nadur? Jista' jgħid ukoll jekk il-faċilitajiet li kien hemm ħdejn l-istess ground hux ser isiru kif kienu qabel jew hux ser isiru oħrajn ġodda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fencing tal-ground tan-Nadur ser ikun lest fil-ġimgħat li ġejjin.
Għajnsielem Għawdex — Dar tal-Anzjani San Ġużepp - inawgurazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti data ta’ meta d-Dar tal-Anzjani Ta' San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr f'Għajnsielem, għandha tiġi inawgurata u tilqa' fiha l-ewwel anzjani, peress li x-xogħol fuq din id-dar issa ilu li nbeda aktar minn tmien snin imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista' jgħid kemm-il parkeġġ ser ikollha din id-dar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Bħalma żgur jaf l-Onor. Interpellant, proġett bħal dan jeħtieġ proċess u ppjanar rigorużi, kif jixraq, li lkoll jieħdu ż-żmien tagħhom, dan eskluż kull intopp li jista’ jinqala’. Minkejja dan, ninfurmah li l-proċess tal-evalwazzjoni għas-sejħa għall-offerti CT2281/2019 (Tender to Finish, Furnish, Equip, Operate, Manage, Maintain and Transfer Back Dar San Gużepp, Għajnsielem, Gozo as a Long-Term Care Facility for Elderly with Environmental Friendly items) tlesta. F’dan il-każ il-proċess kellu jieqaf darbtejn, l-ewwel minħabba appell quddiem il-PCRB u sussegwentement issa fil-Qorti tal-Appell.
Inserraħlu rasu li meta l-proġett jitlesta, l-anzjani Għawdxin se jkunu jistgħu jgawdu minn faċilità tal-ogħla livell.
Din il-ħtieġa kienet ilha tinħass u Gvernijiet passati Nazzjonalisti injorawha għal diversi snin.
Għawdex: Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq – Chairman u membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Membri tal-Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq f'Għawdex? Jista' jgħid min kienu ċ-Chairman u l-membri sal-Elezzjoni Ġenerali 2022? Jista' jgħid kemm hi r-remunerazzjoni taċ-Chairman u tal-membri ta' dan il-kumitat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 2293 Għawdex Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq – Chairman u membri.pdf