Legislature:
Category:
Reset
Active:

Magħtab — Waste-to-energy plant - kumpaniji/persuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn min huma ffurmati kull wieħed mill-ħames konsorzja li ġew short-listed rigward il-proġett 'to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab' (isem il-kumpaniji/persuni)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex – Il-Qala – Triq Papa Piju XII — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitkompla x-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala, Għawdex u meta hu mistenni li x-xogħol f'din it-triq ikun lest għalkollox?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala tlesta. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jingħata l-wearing course.

MCA – Chairperson, deputy chairperson u membri tal-bord

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1170 u 1676, jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-chairperson, deputy chairperson u l-membri tal-Bord tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)? F’kull każ jista’ jgħid meta tiġi fi tmiem il-ħatra ta’ kull wieħed minn dawn il-membri tal-Bord? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ħatra attwali f’kull każ hijiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni hu mwaqqaf skont skont it-tabella hawn taħt. Po¿izzjoni fuq il-Board Kunjom Isem Titlu Bidu Tal-Ħatra Kurrenti L-ewwel jew it-tieni Hatra Chairperson(Acting) Bugeja Jesmond Mr October 2020 għal 3 snin 2 Deputy Chairperson Musù Mark Mr October 2020 għal 3 snin 2 Membru Fava Mario Mr October 2020 għal 3 snin 2 Membru Farrugia Graziella Ms October 2020 għal 3 snin 2 Membru Mizzi Alexandra Dr October 2020 għal 3 snin 2+ Membru Zammit Massimo Mr October 2020 għal 3 snin 1 Membru Abela Kevin Mr October 2020 għal 3 snin 2

Trasport Pubbliku — Rotta X300

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex terġa’ tiġi introdotta r-rotta tal-karozza tal-linja bin-numru X300 li kienet topera bejn il-port taċ-Ċirkewwa u l-Isptar Mater Dei, l-Università u l-Belt Valletta b'mod dirett, issa li l-iskeda tal-fast ferry bejn Għawdex u Malta mhix waħda addattata għall-istudenti u ħaddiema Għawdxin f'Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 2864.

Proġett tal-Għar ta’ Calypso

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu? In vista tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li daqt jerġa’ jinfetaħ, jista’ jgħid jekk inkisbux u ġewx approvati l-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva fiex wasal il-proċess biex ikunu jistgħu joħorġu t-tenders u jibdew ix-xogħlijiet ferm bżonjużi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bil-konsultazzjonijiet mal-entitajiet meħtieġa biex eventwalment ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi.

Ix-Xlendi Għawdex – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi li kien tħabbar l-ewwel darba f'Jannar 2019 u baqa’ jissemma f'kull baġit iżda sal-lum baqa’ ma sar xejn minnu? Jista’ jgħid jekk ħarġux it-tenders għal dan ix-xogħol ta' riġenerazzjoni u jekk ġewx awarded? Jista’ jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni mal-korporazzjoni tal-ilma biex niżguraw li din l-infrastruttura tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ residenti ġewwa x-Xlendi.

REWS – Membri u Chairman tal-Bord

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2268 tista’ l-Ministru tgħid: a. jekk hemmx il-ħsieb li ssir sejħa pubblika (public call) għall-ħatriet li jmiss li jsiru fir-rigward taċ-Chairman u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS); u b. tamplifika dwar il-proċess li ser jiġi segwiet biex jintgħażlu l-membri tal-Bord tar-REWS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe ħatriet ġodda fuq il-Bord tar-Regolatur se jsiru f’konformità sħiħa mal-provvedimenti tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-kriterji tal-għażla se jkunu ppublikati fil-mument opportun.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – talbiet biex issir investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2290, tista’ l-Ministru tgħid: a. liema kienet l-entità li għamlet it-talba; u b. x’kien l-eżitu sussegwenti għat-talba li saret?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għat-tweġiba parlamentari 2290, it-talba sabiex l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jinvestiga saret minni fit-2 ta’ Ġunju 2022 bħala l-Ministru responsabbli għall-affarijiet tal-kompetizzjoni u mhux minn xi entità. It-talba saret rigward it-tariffi mħabbra mill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. L-investigazzjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għadha għaddejja. Wieħed ta’ min jirrimarka li wara sensiela ta’ laqgħat li kellu l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mal-operaturi tas-settur bħala parti mill-investigazzjoni, f’Awwissu li għadda, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, kienu reġgħu naqqsu l-prezzijiet għal dawk il-konsumaturi li ma kinux iħallsu bid-direct debit sabiex dawn jibqgħu jħallsu l-istess ammont li kienu jħallsu qabel ma ġew introdotti t-tariffi l-ġodda.

Direttiva UE 2020/1828 — implimentazzjoni

Question

B’referenza għad-diversi mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828 diġà magħmula – inkluż mistoqsija parlamentari 1359 - tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret s’issa, u b’mod partikolari jekk hux ser issir konsultazzjoni pubblika dwar il-miżuri leġiżlattivi li hemm bżonn li jsiru l-aktar meta wieħed iqis li din id-Direttiva tolqot mill-viċin l-interessi u d-drittijiet tal-konsumatur?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol rigward it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva qiegħed fi stadju avvanzat u l-konsultazzjoni pubblika għandha ssir fi żmien qarib.

Sptarijiet pubbliċi f’Malta – ħinijiet taż-żjarat differenti għal qraba ta’ pazjenti residenti f’Għawdex

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fl-Isptar Mater Dei u sptarijiet oħra pubbliċi f'Malta hemmx ħinijiet extra jew differenti għall-familjari u ħbieb ta' pazjenti residenti f'Għawdex li jkunu rikoverati f'Malta u dan tenut kont tal-ivvjaġġar kuljum li jkun hemm bżonn biex iżuru lill-qraba tagħhom fl-isptarijiet f'Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Isptar dejjem jaddotta ħinijet li jiġu stabbiliti għall-benefiċċju tal-pazjent. Biex isiru arranġamenti speċjali f’każijiet eċċezzjonali, irid isir ftehim ma' min ikun in charge tas-sala.

Wied il-Għasri – xogħlijiet għal titjib tal-aċċess għall-bajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati xogħlijiet biex jitjieb l-aċċess għall-bajja ta' Wied il-Għasri li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tkun frekwentata minn turisti? Jista' jgħid x'qed jiġi ppjanat biex bl-ebda mod ma tiġi meqruda s-sbuħija tal-post?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’siti bħal dawn wieħed irid joqgħod attent x’tipi ta’ interventi jsiru biex bl-ebda mod ma ssir ħsara ambjentali. M'iniex infurmat li hemm xi problemi partikulari ta’ aċċess għal dan is-sit.

Santwarju ta’ Pinu u d-Dwejra – latrini pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikun lest ix-xogħol fuq il-faċilitajiet ta' latrini pubbliċi ħdejn is-Santwarju ta' Pinu u fid-Dwejra u dan peress li dawn huma l-aktar żewġ postijiet li jżuru t-turisti u l-Maltin li jiġu Għawdex u issa ilhom is-snin li l-faċilitajiet eżistenti ngħalqu u li nbeda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li għandi, ix-xogħlijiet fuq il-latrini pubbliċi tas-Santwarju ta’ Pinu - li jifformaw parti mill-kumpless taċ-ċentru tal-viżitaturi - qed isiru mit-tmexxija tal-istess Santwarju ta’ Pinu. Min-naħa l-oħra, ix-xogħol fuq il-latrina pubblika tad-Dwejra, li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex, se jibda fil-ġimghat li ġejjin.

Dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex fl-aħħar tas-sena 2015 u kemm kien in-numru ta' dawn id-dgħajjes irreġistrati f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena minn dakinhar sal-lum? Jista’ wkoll jgħid fil-preżent kemm hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f'Għawdex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata seduta oħra.

In-Nadur Għawdex – Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala fin-Nadur? Jista' jgħid jekk meta se jsir dan ix-xogħol hux se jkun jinkludi x-xogħol neċessarju fuq culvert adegwat biex jilqa' l-ilma tax-xita f'dawn it-toroq u li jaqbeż il-parti residenzjali ta' Triq San Blas?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien dan il-Ministeru li bena mill-ġdid triq l-Imġarr li kienet tħalliet tikkrolla bil-mod għal għexieren ta’ snin u li issa saret triq arterjali tal-għola livell bi struttura unika fi gżiritna, hekk ukoll issir Triq it-Tiġrija u Triq l-Qala li tħallew għal għexiren ta’ snin fi stat ħażin. L-interventi meħtieġa, inkluż l-imsemmi Culvert, isiru skont il-pariri tekniċi sabiex dawn it-toroq li saru fis-sebgħinijiet ikunu magħmula bl-għola livell possibbli għal użu u għal benefiċċju tar-residenti tal-madwar u ta’ kull min jgħaddi minnhom.

Trasport Pubbliku — Ħlasijiet lill-operatur tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali li l-Gvern ħallas lill-kumpanija li topera t-trasport pubbliku tal-karozzi tal-linja f'Malta, ta' kull sena b'effett minn meta ngħata dan il-kuntratt sal-lum?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tgħarif għadu qed jinġabar.

MFSA – Rikorsi Kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rikorsi (kawżi) kostituzzjonali kontra l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) sena b’sena mill-2017 s’issa? Jista’, f’kull każ, jagħti l-okkju tal-każ u fejn il-każ ġie deċiż, meta ġie deċiż?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox infetħu tliet (3) kawżi kostituzzjonali mis-sena 2017 sal-lum, ebda waħda minnhom ma ġiet deċiża: Carmel Cortis et vs. Prim Ministru et, Rikors Numru 21/2019; Phoenix Payments Ltd vs. MFSA et, Rikors Numru 272/2021; u Iosif Galea vs. MFSA et, Rikors Numru 49/2022

Animal Welfare Gozo – Persuna assenjata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Animal Welfare Gozo jaqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid min hu inkarigat minn din it-taqsima u xi grad għandha din il-persuna u ma’ liema Ministeru hija assenjata l-istess persuna? Jista' jgħid kif sar il-proċess tal-għażla ta' din il-persuna? Jista' jgħid meta saret is-sejħa pubblika għal din il-kariga? Jista' jgħid kemm ħaddiema hemm f'din it-taqsima u l-ħinijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema huma fil-grad ta' Animal Welfare Officer?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjoni tal-Animal Welfare Gozo taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-Direttur għad-direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. F’din it-taqsima hemm jaħdmu 17-il ħaddiem li joffru fost oħrajn servizz t’ambulanza 24 siegħa sebat ijiem fil-ġimgħa.

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2169, jista’ l-Ministru jispjega kif id-dħul mit-taxxa fuq l-akkomodazzjoni kien ta' €1,005,161 bejn il-bidu tal-2016 sal-aħħar ta' Ġunju 2022, meta skont ċifri maħruġa mill-NSO in-numru ta' bed nights f'Għawdex sal-aħħar tas-sena 2021 kien ta' kważi 2.8 miljun (1.6 miljun foreign tourists u 1.17 miljun domestic tourists) u dan meta hemm nieqes f'dawn iċ-ċifri l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Għaliex din id-diskrepanza?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Nadur, Għawdex – Triq ir-Rabat – ħajt ta’ lqugħ tal-konkos

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2174, jista’ l-Ministru jgħid min qed jaħdem fuq il-pjan ħolistiku għat-triq prinċipali li twasslek għal-lokalità tan-Nadur? Jista' jgħid fiex wasal dan il-pjan u meta hu mistenni li jkun lest? Jista' jgħid jekk intbagħatx perit biex jevalwa l-periklu li hemm fil-parti fejn hemm konsenturi kbar fil-ħitan ta' lqugħ tal-konkos?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bl-arranġamenti meħtieġa u nserraħlu moħħu li mhux se nħallu toroq jaqgħu jew idumu xi 50 sena biex issir manutenzjoni fuqhom.

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ individwi li jagħmlu parti minn bordijiet u kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li jagħmlu parti mill-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’, għal kull kumitat u bord rispettiv, jagħti: a. lista ta’ persuni (titlu, isem u kunjom); b. l-irwol tagħhom fi ħdan il-bord jew kumitat; ċ. l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn imsemmija fuq il-bord jew kumitat; d. il-kompetenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-individwi msemmija fuq bord jew kumitat fejn jidħol is-settur ikkonċernat; e. jekk hux qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex offici; u f. ir-remunerazzjoni mogħtija lil kull individwu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li diġà tajtu fil-mistoqsija numru 2292, ngħarrfu wkoll li l-proċeduri jimxu skont il-Manwal rispettiv għat-twaqqif ta’ bordijiet u kumitati appuntati mill-Gvern.