Gozo Channel (Operations) Ltd – Kiri ta’ post fl-Imġarr
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2168 (kollha kemm hi) rigward il-kiri ta' post fl-Imġarr mill-Gozo Channel u:
a. jikkonferma li s-sit mikri għandu problemi ta' stabilità li qed iżommu x-xogħol ta' finitura tiegħu;
b. jgħid kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet rimedjali u min hu responsabbli li jagħmilhom;
c. jgħid meta se jibda jintuża dan is-sit bħala uffiċċju tal-kumpanija; u
d. iqiegħed kopja tal-kuntratt tal-kera fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari b’numru 2168.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2871 u jgħid kemm kien l-ammont totali li l-Gvern ħallas lill-kumpanija li topera t-trasport pubbliku tal-karozzi tal-linja f'Malta ta' kull sena b'effett minn meta ngħata dan il-kuntratt sal-lum?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' Public Service Obligation li tħallas lill-Operatur tat-trasport pubbliku sena b’sena huwa kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex – Trasport Pubbliku — Servizz ta’ Park and Ride minn Ta’ Lambert
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-ftehim li sar mal-Malta Public Transport dwar l-introduzzjoni tal-Park and Ride minn Ta' Lambert f'Għajnsielem u x-Xewkija? Jista' jgħid għaliex fil-post fejn inbeda dan is-servizz m'hemmx fejn jistkennu l-passiġġieri, m’hemmx faċilitajiet sanitarji u m’hemmx faċilitajiet għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? X'qed isir biex jiġi indirizzat dan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-kontenut tal-ftehim huwa kummerċjalment sensittiv, l-Awtorità kontraenti ma tistax tgħaddi l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru telenka kemm staff ta’ grad professjonali telqu minn mar-REWS xahar b’xahar mill-2020 s’issa? F’kull każ tista’ tgħid jekk saritx sejħa għal replacement, kemm dam il-proċess u x’kien l-eżitu finali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li ma kien hemm ħadd minn staff ta’ grad professjonali li telaq minn mar-REWS.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li ħarġu f'Lulju 2017 dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet oħra fil-bini ta' toroq f'Għawdex ġewx konklużi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-Ministru ma jkunx infurmat bl-investigazzjonijiet.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3111, u b'referenza wkoll għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1168, peress li jidher li mit-tagħrif mogħti almenu żewġ ħatriet tal-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) ser jiġu fi tmiem dan ix-xahar (Novembru 2022), tista’ l-Ministru tispjega għalfejn il-kriterji tal-għażla għadhom ma ġewx ippubblikati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kriterji għall-ħatra tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) se jiġu ppubblikati fil-jiem li ġejjin.
Xagħra, Għawdex — proġett ta' bini mill-ġdid taċ-Ċentru Ċiviku
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra rigward il-proġett tal-bini mill-ġdid taċ-Ċentru Ċiviku ġewwa x-Xagħra, Għawdex, liema proġett kien tħabbar sena ilu? Jista' l-Ministru jgħid meta huma ppjanati li jibdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett? Jista' jgħid meta hu mistenni li dan il-proġett ikun lest?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li preżentament it-tender dwar l-imsemmi proġett jinsab fil-fażi ta’ evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew qed issir fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament inkwistjoni qed jiġu analizzati. Dan biex fl-ewwel lok jiġu identifikati x’miżuri hemm bżonn li jittieħdu għat-twettiq effettiv tal-istess Regolament, kemm minn perspettivi amministrattivi kif ukoll minn dawk leġiżlattivi, u jiġi assigurat ukoll li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi mwettqa fiż-żmien stipulat mill-istess Regolament.
Dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2869 u jgħid kemm kien hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex fl-aħħar tas-sena 2015 u kemm kien in-numru ta' dawn id-dgħajjes irreġistrati f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena minn dakinhar sal-lum? Jista’ wkoll jgħid fil-preżent kemm hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f'Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3678 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Ix-XLENDI GĦAWDEX — Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Parkeġġ
Question
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar fiex jikkonsistu u meta bdew u fiex waslu u meta ħa jispiċċaw il-konsutazzjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Ministeru t’Għawdex fuq kif ser tiġi integrata l-infrastruttura tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni mal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi.
Id-diskussjonijiet bdew madwar xahar ilu u l-proċess tal-konsultazzjoni jingħalaq meta jintlaħaq ftehim reċiproku.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' pixxina terapewtika ġewwa l-Ispecial Unit fl-Iskola Ta' Sannat? Jista' jgħid ukoll jekk inħariġx tender u jekk iva lil min ingħata? Jista’ jgħid x'sar f'din l-aħħar sena rigward dan il-proġett u kemm intefqu flus f'din l-aħħar sena fuq dan il-proġett?
Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – nefqa fuq pavimentar u xogħol ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa finali/globali tal-proġett ta' pavimentar u xogħol ieħor ta' Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex? Jista' jgħid kif kienet maqsuma din in-nefqa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa finali tal-Pjazza ta’ San Franġisk kienet dik ta’ €2,604,560.35.
Marsalform – promenade u l-Menqa – bankijiet għall-Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitpoġġew bankijiet għall-pubbliku fil-promenade u fil-Menqa ġewwa Marsalforn li kienu ġew inawgurati iktar minn sena ilu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà hemm installati numru ta’ bankijiet fil-promenade u l-Menqa ta’ Marsalforn. Il-pjan hu li n-numru ta’ bankijiet mistenni jiżdied għax-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf.
Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fil-parti tat-triq li twassal għall-bajja ta' Ħondoq li bdiet tisfronda? Peress li din it-triq kien sar xogħol fuqha fi żmien il-Ministru Refalo iżda ftit wara bdiet tisfronda, jista' jgħid għaliex ix-xogħol għadu ma bediex biex tiġi rranġata din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru ladarba jiġu pproċessati t-tender.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3306, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx kunflitt ċar bejn li s-CEO tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jiġi appuntat minnha waqt li suppost dan iwieġeb lejn il-Bord tar-REWS u li għalhekk għandha tinbidel il-liġi biex din il-ħatra ssir mill-Bord u mhux mill-Ministru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-proviżjonijiet tal-liġi li jirregolaw l-affarijiet imsemmija huma ċari.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3111, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se ssir sejħa pubblika għall-ħatriet taċ-Chairman u l-membri tal-Bord attwali meta jiġu fi tmiem il-ħatriet tagħhom rispettivi, dan ukoll meta wieħed iqis li l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545 jgħid b’mod ċar li “Il-membri tal-Bord tar-Regolatur għandhom jinħatru abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati, fi proċedura indipendenti u imparzjali, li tiżgura li l-kandidati jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa.”?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe ħatriet ġodda fuq il-Bord tar-regolatur se jsiru f’konformita mal-liġi.
Mġarr, Marsalforn u x-Xlendi, Għawdex – “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities”
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa li ħareġ il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities situated at Mġarr, Marsalforn and Xlendi, Gozo” u jgħid ukoll min kien qed joffri dan is-servizz, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn id-dettalji jinsabu fit-Terms of Reference tal-istess sejħa għall-offerti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 2811 u 3428, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid kemm applikaw u kemm minn dawk li applikaw kienu eleġibbli? Jista' jgħid min hi l-persuna li tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha? Jista' jgħid ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna? Jista' jgħid b'mod speċifiku kemm hemm animal welfare officers f'din it-taqsima?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-għażla għadu mhux konkluż u għaldaqstant din l-informazzjoni ma tistax tingħata. Bħalma ngħad fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 2811 u 3428, din t-taqsima taqa’ taħt ir-responsabilità diretta tad-direttur EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. F’din it-taqsima hemm jaħdmu 17-il ħaddiem li joffru servizz ta’ 24 siegħa.
Minn dawn il-ħaddiema tlieta jagħmlu xogħol klerikali, uffiċjal ieħor huwa veterinarju, uffiċjal ieħor hija cleaner, wieħed jieħu ħsieb iż-żona tal-qtates, u tlieta jkunu fuq ix-xift. Il-ħaddiema tax-xift jieħdu ħsieb it-tindif taż-żona tal-klieb, joħorġu fuq sejħiet għall-għajnuna bl-ambulanza, jitimgħu l-stray cats madwar Għawdex u jġorru l-annimali minn u lejn il-veterinarju.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom u jgħid liema minnhom ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2022 u 2023 mill-programm 'Rural Development Programme 2014-2020 Measure 4.3 - European Agricultural Fund for Rural Development' u kemm se jingħata flus minn dan il-fond il-Ministeru għal Għawdex għal dawn it-toroq?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Breakwater ta' Marsalforn? Jista jgħid x'sar matul is-sena 2022 fuq dan il-proġett u kemm intefqu flus matul din is-sena fuq dan il-proġett u għalxiex intefqu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għaddej bil-proċess tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan is-sajf saru l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi fis-sit fejn hu ppjanat li jkun hemm il-breakwater. Ir-riżultati tagħhom se jkunu qed jiġu integrati fil-kumpilazzjoni tal-Environmental Impact Assessment. B’rabta ma’ dan il-proġett matul din is-sena ntefqet is-somma ta’ €214,434.00 VAT eskluż li tkopri l-investigazzjonijiet ġeologiċi.