Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – manutenzjonijiet fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3647 u jgħid matul is-sena 2022 sal-lum kemm kienet in-nefqa: a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem; b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ; ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex? F'kull każ, jista' jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Tender IMT007/2022 'tender for the provision of an HVSC and LVSC onshore power supply (OPS) system in the South Harbour Region and Lascaris Wharf, Grand Harbour, Port of Valletta Malta'

Question

B' referenza għat-Tender IMT007/2022 'Tender for the Provision of an HVSC and LVSC Onshore Power Supply (OPS) system in the South Harbour Region and Lascaris Wharf, Grand Harbour, Port of Valletta Malta', jista’ l-Ministru jgħid minn min huma fformati ż-żewġ Consortium (isem il-kumpaniji, jew persuni) li ssottomettew (ibbiddjaw) għal din l-imsemmija tender?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx consortia li tefgħu offerti fit-tender indikat minnu.

Għawdex – Pjazza tax-Xewkija – cables tad-dawl

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19352 li ġiet imwieġba fl-1 ta' Marzu, 2021 u għall-mistoqsija parlamentari 22758 li t-tweġiba għaliha ngħatat fis-17 ta' Novembru, 2021 dwar xogħlijiet ta’ cables tad-dawl li baqgħu mwaħħlin mal-faċċati tad-djar u bini ieħor fil-Pjazza tax-Xewkija, Pjazza San Franġisk fir-Rabat u l-waterfront ta’ Marsalforn, fejn kien ġie mwieġeb li bħalissa t-tender qed tiġi abbozzata, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar dan il-proġett u jgħid jekk it-tender ġietx abbozzata u ħarġitx u jekk iva, meta ħarġet u meta se jibdew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti ġiet abbozzata.

Proġett ta’ Villa Lauri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Villa Lauri ġewwa Birkirkara, li suppost kellu jiġi inawgurat matul l-ewwel xhur tas-sena 2020 biex jipprovdi akkomodazzjoni temporanja għal studenti Universitarji Għawdxin u għal qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu għall-kura f’Malta, iżda għadu sal-lum ma ġiex inawgurat? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja u tibda tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-Baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2023? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża mill-istudenti u qraba ta' pazjenti Għawdxin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali fuq Villa Lauri tlesta u bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ M&Es u Finishes, apparti li beda x-xogħol fuq l-installazzjoni tal-Lifts. L-offerta għal xiri ta’ għamara ngħatat ukoll u din se tiġi installata meta jitlestew ix-xogħlijiet tal-M&Es u Finishes. Ix-xogħol ma setax jitlesta fil-ħin peress li għas-sejħa tal-offerti maħruġa għal xogħol strutturali l-ebda offerent ma kien eliġibbli u għalhekk kellha tinħareġ sejħa mill-ġdid. Meta ħarġet is-sejħa għall-offerti għal xogħol ta’ M&Es u Finishes ukoll ma kien hemm l-ebda offerent eliġibbli u għalhekk kellu jibda l-proċess għal sejħa tal-offerti mill-ġdid. Ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta sas-sena 2023.

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ direct orders ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-listi ta' Direct Orders dipartimentali mogħtija mid-direttorati u diviżjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bejn l-1 ta' Jannar 2021 u l-31 ta’ Ġunju 2021 u bejn l-1 ta' Lulju 2019 u t-30 ta' Diċembru 2021 skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-listi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi grad mediku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati mediċi (Allied Health Practitioner, Senior ECG technician, Enrolled Nurse, Nursing Aide, Health Assistant eċċ.) impjegati fuq il-kotba tal-Ministeru, u fejn qed jaħdmu, maqsuma sena b'sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm kien hemm minn dawn il-ħaddiema li bla ma ħarġet sejħa, inqalbu minn grad Mediku għal grad Industrijali jew Tekniku? Jista’ jispjega x'inhu l-proċess biex wieħed jaqleb minn grad mediku għal grad Tekniku jew Industrijali mingħajr ma toħroġ sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

REWS — Bord - Chairman u membri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3653, tista’ l-Ministru tagħti tweġiba ċara għad-domanda li saret u preċiżament jekk hemmx il-ħsieb li ssir sejħa pubblika għal ħatriet ta’ Chairman u/jew membri tal-Bord tar-Regulator for Energy and Water Services (REWS), fejn allura l-ħatra ta’ almenu żewġ membri tal-Bord tiġi fi tmiem fil-21 ta’ Novembru 2022? Tista’ tgħid meta ser jiġu ppubblikati l-kriterji oġġettivi u trasparenti li jirregolaw il-ħatriet tal-membri tal-Bord tar-REWS ġaladarba ftit ġranet oħra jiġu fi tmiem il-ħatriet ta’ wħud mill-membri tal-istess Bord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li abbażi tagħhom jinħatru l-membri tal-Bord tar-Regolatur ġew ippubblikati u huma disponibbli permezz tas-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Fir-rigward taż-żewġ membri li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, nirreferih għar-risposta li kont tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 1168 u nfakkru li mal-iskadenza tal-ewwel terminu, il-membri fuq il-bord tar-Regolatur għandhom il-possibbiltà li jinħatru għal terminu ieħor skont id-dispożizzjonijiet tas-subartikolu 3(7) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545); dan anke sabiex l-esperjenza li tkun inkisbet ma tintilifx u biex, fis-snin li ġejjin, skont id-dispożizzjonijiet tal-istess subartikolu, ikun hemm ukoll il-possibilità ta’ “rotazzjoni xierqa”.

Regolament UE 2022/2065 – Digital Service Coordinator

Question

Għall-finijiet tar-Regolament UE 2022/2065, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rwol ta’ Digital Services Coordinator kontemplat fl-istess Regolament hux ser jiġi assenjat lil entità regolatorja ġdida jew inkella waħda diġà eżistenti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri stati għandhom sas-17 ta’ Frar 2024 sabiex jiġu desinjati d-Digital Services Coordinators. L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni bħalissa qiegħda tassisti l-Gvern fl-analiżi u l-preparamenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u huwa maħsub li din tkun tista’ tiġi uffiċjalment desinjata bħala d-Digital Services Coordinator.

Għawdex – Ir-Rabat – Triq San Ġużepp Labrè – barriers u tape tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3633 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22600, tal-leġiżlatura preċedenti, li ngħatat fid-9 ta' Novembru, 2021 dwar ir-raġunijiet għala fix-xhur li għaddew kien hemm il-barriers tal-pulizija u għad hemm it-tape tal-pulizija mdawwar mas-siġar u anke tpoġġew il-blokki tal-konkos f'parti mill-parking biswit Triq San Ġużepp Labrè fir-Rabat Għawdex minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika minħabba struttura perikoluża, fejn kien ġie mwieġeb li “ ninformah li d-dipartimenti konċernati qed jaraw li din l-istruttura tissewwa mill-aktar fis possibbli”, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għaddew iktar minn 11-il xahar (issa għaddiet sena) u għadu ma sar xejn? Jista' jgħid jekk intbagħatx perit biex jispezzjona l-periklu li hemm? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit tal-Gvern intbagħat janalizza l-ħsarat. Mill-ewwel osservazzjonijiet jidher li l-ħsarat huma estensivi. Għal dan il-għan dawn ix-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni u ristrutturar mistennija jkunu inkorporati fi pjan iktar vast għaċ-ċentru tar-Rabat.

Għawdex – Kunsill Lokali taż-Żebbuġ – Tender biex jiġu rranġati Triq tal-Ħluq, Triq tat-Tutiet u Triq Sagħtrija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jispjega għala s-sejħa li ħareġ reċentement il-Kunsill taż-Żebbuġ u li kellha tagħlaq f'dawn il-ġranet biex jiġu rranġati Triq tal-Ħluq, Triq ta' Tutiet u Triq is-Sagħtrija ġewwa ż-Żebbuġ, Għawdex ma għadhiex tidher fuq il-website tat-tenders: www.etenders.gov.mt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ (Għawdex) illi s-sejħa li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, kellha titneħħa sabiex id-dokumenti relatati mas-sejħa ġew aġġornati skont l-aħħar templates hekk kif maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti, u l-offerta reġgħet ġiet ippubblikata fuq is-sistema EPPS (Ref: ZGLC/07/2022). Intant infurmat li tali sejħa ser tagħlaq nhar is-16 ta’ Jannar 2023.

Għawdex – Ir-Rabat – kampjuni tal-arja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il post f'Għawdex hemm, fejn bħalissa qed jittieħdu kampjuni tal-arja biex tiġi studjata l-kwalità tal-arja? Tista' tgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il darba ttieħdu kampjuni tal-arja miċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex u b'mod partikulari minn Triq ir-Repubblika? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' dawn il-kampjuni li ttieħdu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’Għawdex hemm tnax il-sit (12) u dawn jinsabu f’Għajnsielem, Xewkija, Victoria, Munxar, Xlendi, Fontana, Żebbuġ, Marsalforn, Xagħra, Nadur u żewġ siti fl-Għarb. Dan il-proċess isir permezz ta’ ‘diffusion tubes’ li huma esposti għal erba’ (4) ġimgħat. Wieħed minn dawn it-tubi jinsab fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat fejn l-Awtorità ilha tissorvelja dan is-sit mill-bidu tas-sena 2014. Fl-aħħar ħames snin, l-Awtorità mmonitorjat il-maġġor parti tas-siti għal ħamsa u sittin (65) darba. Minbarra dan it-tip ta’ monitoraġġ, l-ERA tagħmel ukoll monitoraġġ kontinwu f’sit rurali fl-Għarb. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-data tal-aħħar ħames snin kif mitluba għas-siti kollha f'Għawdex.

Infrastruttura Malta – investiment f’bini ta’ rotot ġodda għar-roti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-€35 miljun li se jiġu investiti minn Infrastructure Malta fuq medda ta’ ħames snin sabiex jinbnew rotot ġodda għar-roti, biex b’hekk kull min irid jagħmel użu minn dan it-trasport alternattiv ikun jista’ jagħmel dan b’mod sigur, se jiġu investiti fil-gżira ta' Għawdex matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment indikat minnu huwa għal Malta. Għal kull investiment simili, fejn hu possibbli, fil-gżira Għawdxija għandha ssir il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – infrastruttura tal-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-infrastruttura tal-Iskejjel ta' Għawdex għadhiex taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu u jekk le, taħt min ġiet, kemm ilha hekk u x' kienet ir-raġuni li sar dan it-tibdil?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għaċ-ċirkulari maħruġ mill-OPM numru 06/2022.

Għawdex – Xewkija – Playing field Tal-Barmil – proġett ta’ Eco Park

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta' Eco Park li kien imwiegħed li kellu jsir mill-Ministeru tagħha fl-area tal-Playing Field tal-Barmil fix-Xewkija, Għawdex? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett tpoġġiex fuq l-ixkaffa mill-Ministeru tagħha u jekk iva, għala tpoġġa fuq l-ixkaffa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Inserraħ moħħ l-Onor. Interpellant illi bħalma dan il-Gvern wiegħed l-implimentazzjoni ta’ proġetti ħodor b’investiment ta’ €700 miljun, dan il-proġett se jkun qed isir, f’ħinu.

Ministeru għal Għawdex – toroq – ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid? Jista’ jgħid liema toroq ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2022 u 2023 mill-programm 'Rural Development Programme 2014-2020 Measure 4.3 - European Agricultural Fund for Rural Development'? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn it-toroq biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq ġewwa Għawdex, li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex, biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid, ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda sit/triq ma ġew miċħuda fl-istadju tal-applikazzjoni. L-allokazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet jammonta għal €10,207,863.56.

Ta’ Xħajma — Korsa taż-Żwiemel – twaqqigħ ta’ stallel

Question

B'referenza għax-xogħlijiet ta' twaqqigħ ta' numru ta' stallel taż-żwiemel fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta’ Xħajma, minħabba li ngħad li kienu f'qagħda perikoluża li iżda sal-ġurnata qabel twaqqgħu kienu għadhom qed jintużaw mis-sidien taż-żwiemel biex fihom ipoġġu ż-żwiemel tagħhom qabel u wara t-tiġrijiet, jista' l-Ministru jgħid dan ix-xogħol kienx kopert bil-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ applikazzjoni ta' Dangerous Structures (DS) u jekk iva, iqiegħed kopja ta' dan il-permess fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol ta' twaqqigħ, kif intgħażel u kemm ġie jiswa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Animal Welfare Gozo – Persuna assenjata

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428 u 3643 jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid min hi l-persuna li tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha? Jista' jgħid ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna? Jista' jgħid b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima? Jista' jgħid it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f' din it-taqsima xi grad għandhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet li tajt fil-mistoqsijiet parlamentari bin-numri 2811, 3428 u 3643.

Mġarr, Marsalforn u x-Xlendi, Għawdex – “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities”

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3634, rigward is-sejħa li ħareġ il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities situated at Mġarr, Marsalforn and Xlendi, Gozo” jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija intera (kollha kemm hi) u jinforma lill-Kamra u jgħid ukoll min kien qed joffri dan is-servizz, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-tender ħarġet għall-ewwel darba nhar id-9 ta’ Lulju 2022 u għalqet fit-8 ta’ Awwissu 2022. Għal din it-tender ma ġiet sottomessa l-ebda offerta. Sussegwentement din it-tender reġgħet ħarġet fid-29 ta’ Settembru 2022 u għalqet nhar l-1 ta’ Novembru 2022. Għal din is-sejħa għall-offerti ġew sottomessi tlett offerti. Bħalissa il-proċess qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni.

Għawdex – Servizz Pubbliku – xogħol ta’ back office

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema back office ġdid tas-Servizz Pubbliku nġab f’Għawdex matul is-snin 2021 u 2022? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f’dan ix-xogħol ġdid ta’ back office f’Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f’Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f’Għawdex u issa, per konsegwenza ta’ dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f’Għawdex? X’inhu l-grad ta’ dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta’ back office ġdid f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed ikompli bil-ħidma biex iħeġġeġ u jgħin Ministeri u Entitajiet jespandu l-operat eżistenti tagħhom jew jintroduċu servizzi ġodda li jingħataw minn Għawdex kemm fil-Back Office kif ukoll fil-Front Office. Wara s-suċċess li kellna bil-ftuħ tal-uffiċċji tal-MCCAA, MFSA u CPSU, bħalissa qed issir ħidma biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet u d-Dipartiment tad-Dwana jingħataw uffiċċji akbar u jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom f’Għawdex. Qed issir ukoll ħidma biex fil-ġimgħat li ġejjin tinfetaħ id-Dental Teaching Clinic. Dan kollu qed isir biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex.

Is-Sannat – Triq Sannat – Road markings

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3646 rigward Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, fejn issa għaddew iktar minn sentejn u għadhom ma sarux is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li tifred karreġġjata minn oħra, u għalhekk hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid min se jkun responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet serji li issa ilhom snin pendenti jekk iseħħu inċidenti f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tajt direzzjoni sabiex jaraw li jkun hemm line markings temporanji sakemm issir il-pjazza.