Jista’ l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2010 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm ħaddiema tad-Dwana jaħdmu fl-uffiċċju ta' Għawdex u xi grad huma dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid fejn fil-preżent jinsab dan l-uffiċċju u jagħti l-indirizz tiegħu u l-ħinijiet tal-ftuħ tiegħu u x'servizzi jingħataw minn dan l-uffiċċju?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3723 kollha kemm hi (intera) u b'referenza għas-sejħa HR/MG No. 5/2022 - Post ta' Foreman fil-Ministeru għal Għawdex jgħid:
a. kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom għaddew;
b. għal kull wieħed u waħda, kemm kien ilhom impjegati mal-Gvern u f’liema xahar u sena ġew impjegati; u
ċ, xi grad u skala kienu u kemm kien ilhom, fid-data meta applikaw għal din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lilk-Onor. Interpellant li kif diġà weġibtu r-riżultati jkunu ppubblikati fuq in-notice board tal-Ministeru.
Kull post ikollha l-kriterji skont ir-regolamenti taċ-Ċivil u l-Ministeru marbut u hekk għandu jkun, li jimxi magħhom.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3721, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn it-12-il binja ġodda (triq u raħal) mikrija mill-privat matul is-sena 2021 u 2022 u fiex jikkonsistu dawn il-binjiet? Jista’ jgħid b’liema mod inkrew dawn it-12-il binja ġodda mikrija mill-privat? Meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew dawn it-12-il binja u x' kera qed titħallas għal kull wieħed minn dawn it-12-il post? Jista’ jgħid ukoll għal liema skop inkriet binja mid-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3721 ma ngħatatx ir-raġuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3689 fl-intier tagħha u b' mod partikolari jgħid x'vot hemm għas-sena 2023 għall-Qasam Kulturali f’Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-estimi tal-budget li ngħata kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob (MGA)? F’kull każ, x’inhi l-professjoni tagħhom u f’liema qasam regolatorju jaħdmu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jikkonsidra l-ħaddiema kollha tal-MGA huma meqjusa professjonisti f'xogħolhom; tant hu hekk li sena wara sena din l-entità qed tkun strumentali għat-tisħiħ ta' dan is-settur fl-ekonomija Maltija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)? F’kull każ, x’inhi l-professjoni tagħhom u f’liema qasam regolatorju jaħdmu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jikkonsidra l-ħaddiema kollha tal-MCA huma meqjusa professjonisti f'xogħolhom; tant hu hekk li sena wara sena din l-entità qed tkun strumentali għat-tisħiħ ta' dan is-settur fl-ekonomija Maltija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri hemm biex meta membru tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jew CEO tar-REWS jiġi fi tmien il-ħatra tiegħu, għal żmien raġonevoli dan ma jkunx jista’ jagħmel xi xogħol taħt forma ta’ konsulenza jew mod ieħor ma’ xi operatur li r-REWS tirregola l-operat tiegħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tar-Regolatur (Kap. 545) tistipula li l-membri tal-Bord għandhom jevitaw kull konflitt ta’ interess u huma obbligati wkoll li jippreservaw il-kunfidenzjalità dwar l-informazzjoni miksuba u dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Regolatur anke wara li tintemm il-ħatra tagħhom. Barra minn hekk, l-impjegati kollha fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll il-membri tal-bordijiet, huma marbuta bil-Kodiċi tal-Etika li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595).
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv huwa marbut ukoll bil-provvedimenti tad-Direttiva 14, imsejħa 'Governing Framework for the Management of the Revolving Door Policy for Public Employees', li, sa perjodu massimu ta’ sentejn, tipprekludih milli jidħol f’relazzjoni ta’ profitt ma’ xi intrapriża privata jew korp mhux governattiv li magħhom ikun tratta f’kapaċità uffiċjali sa ħames snin qabel ikun telaq mill-impjieg pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jittieħdu biex ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) effettivament tkun tista’ tattira l-aħjar professjonisti fis-swieq li hi tirregola, b’pakketti ta’ impjieg li jikkompetu sew ma’ dawk li joffri s-settur privat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-pakketti ta’ termini u kundizzjonijiet li jingħataw mir-Regolatur huma komparabbli ma’ dawk li jeżistu fis-settur pubbliku usa’. Ir-Regolatur joffri pakketti ta’ termini u kundizzjonijiet attraenti li jibbilanċjaw l-element finanzjarju ma’ elementi oħrajn, fosthom sistema ta’ ħinijiet flessibbli u opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri hemm biex meta membru tal-Bord tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) jew CEO tagħha jiġi fi tmien il-ħatra tiegħu, għal żmien raġonevoli dan ma jkunx jista’ jagħmel xi xogħol taħt forma ta’ konsulenza jew mod ieħor ma’ xi operatur li l-MFSA tirregola l-operat tiegħu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MFSA tapplika l-obbligi ta’ wara t-terminazzjoni stipulati fid-Direttiva No. 14, l-MFSA’s Ethics Framework u l- ECB’s Single Code of Conduct.
Qabel ma jaċċetta kwalunkwe ingaġġ, l-impjegat huwa obbligat li jiżvela l-intenzjoni tiegħu/tagħha biex l-MFSA twettaq valutazzjoni marbuta mad-Direttiva No. 14 u l-MFSA’s Ethics Framework, kif ukoll jinnotifika liċ-Chair tal-ECB Supervisory Board u liċ-Chairman tal-ECB’s Ethics Committee.
L-ECB Ethics Committee jagħmel il-valutazzjoni tiegħu, li b’riżultat l-ECB Governing Council imbagħad jiddeċiedi jekk tali rwol previst huwiex kompatibbli mal-ECB’s Single Code of Conduct.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) effettivament tkun tista’ tattira l-aħjar professjonisti fis-swieq li hi tirregola b’pakketti ta’ impjieg li jikkompetu sew ma dawk li joffri s-settur privat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull sena l-awtorità timbarka impjegati ġodda fuq vjaġġ ta' tagħlim kontinwu b'opportunitajiet ta' żvilupp fil-karriera tagħhom li jkopru s-settur kollu tas-servizzi finanzjarji, l-IT, u opportunitajiet oħra f'ambjent korporattiv professjonali.
L-MFSA għandha impjegati b'esperjenza u talent u toħloq opportunitajiet biex tgħin fl-iżvilupp tal-karriera u l-kompetenzi tal-impjegat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-parti tat-triq ta' ħdejn il-bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid meta ser issir u fiex ser ikun jikkonsisti x-xogħol li ser isir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jaf sew li l-Ministeru għal Għawdex diġà għamel investiment qawwi f’din it-triq għall-kuntrarju ta’ Amministrazzjoni Nazzjonalista li ħallieha tikkrolla.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16889 li ngħatat fit-2 ta' Novembru 2019, għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21026 li ngħatat fl-1 ta' Ġunju 2021, u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22338 li ngħatat fid-19 ta' Ottubru 2021, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi u x-xogħol fuq Osservatorju Astronomiku fil-Qortin? Jista’ jgħid jekk l-istruttura tal-Osservatorju tlestietx u jekk iva meta tlestiet u fejn tinsab? Jista’ jgħid jekk din l-istruttura tpoġġietx fuq il-bejt tal-kmamar eżistenti li hemm fil-Qortin t’Isopu u jekk le x’inhi r-raġuni li għadha ma tpoġġietx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li l-fornitur tal-apparat kien qed jagħmel l-aħħar ittestjar fuq l-apparat, ġie nnotat difett fl-imaging train tat-telescope u għalhekk kellu jittardja l-konsenja ta’ dan l-apparat lejn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2022/2023 kemm huma l-korsijiet offruti fl-Istitut għat-Turiżmu tal-Qala Għawdex? Liema huma dawn il-korsijiet? Kemm bdew studenti għal kull kors u kemm hu n-numru ta' studenti f'kull kors fil-preżent? Jista' jgħid kemm hemm impjegati full-time u part-time fl-istess Istitut u x’inhu x-xogħol ta' dawn l-impjegati? Kemm kienet l-ispiża rikorrenti totali ta' dan l-Istitut għas-snin 2021 u 2022 u kemm kienet l-ispiża kapitali fl-istess snin?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena akkademika qegħdin jiġu offruti 4 korsijiet fl-Istitut għat-Turiżmu ġewwa Għawdex:
Kors
Studenti ġodda
Total studenti
Foundation
7
7
Certificate – Food Production & Service
6
6
Diploma – Climate Friendly Travel
55
55
Bachelor Degree – Diving Safety Management
5
20
Bħalissa fl-Istitut hemm 8 impjegati full-time u 3 part-time bejn ħaddiema amministrattivi, staff akkademiku u staff anċillari.
L-ispiża rikorrenti għas-sena 2021 kienet ta’ €225,000 u dik kapitali ta’ €14,465. Is-sena finanzjarja 2022 għadha mhux magħluqa.
Jista’ l-Ministru jgħid mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm saru safety audits tal-proġetti ta’ toroq ġodda li saru mill-Ministeru għal Għawdex? Għal liema toroq saru dawn l-audits? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-audits? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn is-safety audits?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin bir-Road Safety Audit ta’ Triq l-Mġarr u Triq Sant Antnin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qegħdin jiġu kkunsidrati għal aktar sigurtà fit-toroq ġewwa l-gżira ta' Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se nibqgħu nagħmlu aktar toroq u xogħlijiet infrastrutturali li ħaddieħor qabel l-2013 ħalla jikkrollaw waħda wara l-oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm professjonisti fi ħdan ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? F’kull każ, x’inhi l-professjoni tagħhom u f’liema qasam regolatorju jaħdmu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) in-numru ta’ professjonisti huwa ta’ ħamsa u għoxrin. Dawn jikkontribwixxu għax-xogħol tar-Regolatur skont il-professjoni u l-kwalifiċi akkademiċi li għandhom, jiġifieri x-xjenza, l-inġinerija, l-ekonomija, it-teknoloġija tal-informatika, il-liġi u l-accountancy.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni ta' sheep farms jew inkella bdil ta' użu għal sheep farms ġewwa Għawdex fl-aħħar seba’ snin? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm minnhom għadhom pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru totali ta’ applikazzjonijiet sottomessi bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u s-16 ta’ Novembru 2022 relatati ma’ bini, estenzjonijiet u bdil fl-użu ta’ ‘sheep farms’ ġewwa Għawdex jammontaw għal 71, liema minnhom 30 ġew approvati, 12 ma ġewx approvati, 21 għadom pendenti u 8 rtirati.
B’referenza għall-konsultazzjoni pubblika li ħarġet fil-11 ta’ Novembru, 2022 dwar il-bdil leġiżlattiv li qed jiġi propost biex tiġi trasposta d-Direttiva (UE) Numru 2020/1828, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn għal finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, qed jiġi propost li dan isir tramite Att ġdid imsejjaħ l-Att tal-2022 dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi minflok li jiġi meqjus li t-traspożizzjoni ssir tramite emendi għall-Att dwar Proċedimenti Kollettivi, Kap. 520 – liġi fejn diġà hemm il-qafas għax-xorta ta’ azzjonijiet kontemplati fl-imsemmija Direttiva?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għan ewlieni tad-Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (EU/2020/1828) huwa li jiġi żgurat li f’kull Stat Membru jkun hemm mekkaniżmu proċedurali effettiv u effiċjenti għal azzjonijiet rappreżentattivi u tapplika għal ksur domestiku u anke transkonfinali tal-leġiżlazzjonijiet imsemmija fl-Anness tad-Direttiva. Għaldaqstant din id-Direttiva tittratta speċifikament azzjonijiet rappreżentattivi mressqa minn konsumaturi, u ma tinkludix fiha l-liġi tal-kompetizzjoni.
Fid-dawl tal-premess, u anke peress li l-Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi (Kap. 520) japplika wkoll għal proċeduri istitwiti minn ‘Korpi Kostitwiti’ li ma jirrappreżentawx konsumaturi, id-Direttiva ġiet trasposta f’Att separat u ġdid, u l-Kap. 520 jibqa’ fis-seħħ, iżda ħa jibqa’ japplika biss għall-Att dwar il-Kompetizzjoni.
Ministeru għal Għawdex – Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fil-Ministeru għal Għawdex sena b' sena min Marzu 2012 sal-lum? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn? Jista' jgħid ukoll jekk fl-aħħar ġimgħat inħarġux calls biex jiżdiedu d-Diretturi jew Assistenti Diretturi? Jekk iva, għaliex inħasset il-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3713.
Ministeru għal Għawdex – ħatra ta’ Bordijiet tal-Għażla għall-pożizzjonijiet vakanti
Question
Jista' l-Ministru jgħid mit-3 ta’ Ġunju 2017 sal-lum, kemm inħatru Bordijiet tal-Għażla għall-postijiet/pożizzjonijiet vakanti fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu? X'kien il-post/pożizzjoni vakanti li għalih inħatar kull Bord tal-Għażla? Min kienu ċ-Chairperson u l-membri ta' kull bord maħtur? Kemm kienet l-ispiża globali fi flus li tħallset għall-membri tal-bordijiet sena b' sena mit-3 ta’ Ġunju, 2017 sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-PQ2839.
Rigward l-ispiża globali fi flus li tħallsu l-membri tal-bordijiet, ngħarrfu li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.