Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li ngħataw promozzjoni fil-grad ta’ supervisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu ta' Novembru sal-aħħar ta' Diċembru 2022, kemm kien hemm ħaddiema fil-Ministeru tiegħu li ngħataw promozzjoni fil-grad ta' supervisor, kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Jista’ jgħid ukoll ma’ liema Direttorat/Diviżjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qegħdin jaħdmu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-bidu ta’ Novembru sal-aħħar ta’ Diċembru 2022 fil-Ministeru għal Għawdex kien hemm 38 ħaddiem li ngħataw promozzjoni fil-grad ta’ supervisor. Minn dawn kien hemm 36 li kienu diġa impjegati mal-Ministeru għal Għawdex u 2 li ġew trasferiti on appointment minn Ministeri oħra. Minn dawn hemm 23 irġiel u 15 nisa

Transport Malta — Drones reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm drones irreġistrati ma’ Transport Malta? Jista’ jgħid matul l-2022 f’kemm-il każ ittieħdu passi legali kontra allegat ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-użu tad-drones? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi kategorji ta’ drones li huma eżenti mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni u jekk iva, liema huma?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ir-regola tal-EASA, li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020 u, tirrikjedi r-reġistrazzjoni tal-Operatur tad-Drone. Għaldaqstant hemm total ta’ 2700 operaturi rreġistrati ma’ Transport Malta, fuq is-sistema onlajn, li minnhom 950 irreġistraw matul l-2022. Għadhom ma ttieħdu l-ebda passi legali kontra ksur tal-liġijiet tad-drones. Drones li huma eżenti mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni huma dawk klassifikati bħala ‘toys’ skond id-direttiva 2009/48/EC kif ukoll dawk li jiżnu anqas minn 250g u m’għandhomx faċilita’ ta’ rrekordjar bħal kamera jew mikrofonu.

Qrati – Rikorsi għall-ħatra ta’ kuraturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm rikorsi fil-Qorti f'Malta u fil-Qorti f'Għawdex għall-ħatra ta' kuraturi pendenti għax qed jistennew il-pubblikazzjoni fil-gazzetti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed nelenka r-rikorsi pendenti għall-ħatra ta’ kuraturi li qed jistennew il-pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-Gvern:- Fil-Prim’Awla tal-Qorti Civili (Malta):- · Fl-atti ta’ ċedoli hemm 40 pendenti · Fl-atti ta' kawżi ġuramentati hemm 3 pendenti, li wieħed minnhom ser jiġi pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ din il-ġimgħa. Fil-Qorti tal-Maġistrati (Ċivili) Malta:- · Fl-atti ta’ ċedoli hemm 4 pendenti · Fl-atti ta' kawżi hemm 2 pendenti, li t-tnejn ser jiġu pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ din il-ġimgħa. Fil-Qorti tal-Familja (Malta): · Fl-atti ta' kawżi ġuramentati hemm 1 pendenti Filwaqt illi fil-Qrati ta’ Għawdex hemm 29 ħatriet għall-kuraturi li qed jistennew il-publikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern.

MDIA — Ekonomisti, Accountants, IT Officers u avukati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ekonomisti, accountants, IT officers u avukati fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) hemm impjegati: Ekonomisti - 0 Accountants - 1 IT officers / Technologists - 3 Avukati – 1

Ministeru għal Għawdex – Direct Order

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra fid-dettall rigward id-Direct Order: 'NEGOTIATED PROCEDURE FOR EMERGENCY CIVIL WORKS AT GCOL RENTED PREMISES SITUATED AT TA’ MIEMA, SHORE STREET, MĠARR, GOZO' (CfT CA Unique ID: GCOL NP-01) li ħarġet fis-7 ta' Jannar 2022 mill-Ministeru għal Għawdex? Jista’ l-Ministru jikkonferma li din id-direct order għal xogħol ta' emerġenza, ħarġet għaliex is-sit mikri għandu problemi ta' stabilità li qed iżommlu x-xogħol ta' finitura tiegħu? Jista jgħid kemm se jiswew globalment dawn ix-xogħlijiet rimedjali u li ħa jħallas għalihom il-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direct order ‘Negotiated Procedure for Emergency works at GCOL rented premises situated at Ta’ Miema, Shore street, Mgarr, Gozo’ inħarġet biex isir xogħol fis-sit li nkera biex jintuża bħala uffiċċju prinċipali tal-Gozo Channel. Il-valur ta’ dan ix-xogħol huwa ta’ €149,886.70 (VAT eskluż ), liema spejjeż se jitħallsu mill-kumpanija Gozo Channel u li tali spejjeż se jiġu ikkumpensati b’estenzjoni fil-kirja kif spjegat fil- mistoqsija parlamentari 2168.

Master Plan tar-Ramla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan tar-Ramla u jgħid ukoll meta nbeda dan il-Master Plan tar-Ramla (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż dan il-Master Plan? Jista’ jgħid fil-konkret x'sar matul is-sena 2022 rigward dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul din is-sena fuq dan il-Master Plan u għal xiex intefqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma Lil Onorevoli Interpellant l-applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanjar PA 02977/22 qegħda tistenna ir-rakkomandazzjonit tal-Awtorita tal-Ippjanjar. In-nefqa għas-sena 2022 kienet ta’ Euro 2,450.

Servizz Pubbliku – ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3811 u jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm jaħdmu, ħaddiema Għawdxin ġewwa Malta f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi sena b’sena, mis-sena 2021 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema entità qed jaħdmu u xi grad huma?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Għawdex – Berġa tan-Nadur

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il berġa tas-saħħa f'Għawdex hemm li qed jinfetħu għall-pubbliku u f’liema ħinijiet qed ikunu miftuħin għall-pubbliku? Jista' jgħid ukoll dawk il-bereġ li kienu jiffunzjonaw sa ftit żmien ilu u li issa ngħalqu, hux se jibqgħu jiffunzjonaw u jerġgħu jinfetħu? Jista' jgħid f’liema lokalitajiet kienu dawn il-bereġ li issa jinsabu magħluqin? Fil-każ tal-Berġa tan-Nadur li kienet fil-Pjazza San Pietru u San Pawl, jista' jgħid jekk il-binja ta' din il-berġa ngħatatx lura lis-sidien tagħha peress li din kienet fil-kera u jekk iva, fejn hu maħsub li ssir il-Berġa/Klinika fin-Nadur?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari 3628, fejn ġie spjegat li l-irwol il-ġdid tal-Kliniċi tal-Komunità.

Għawdex – għases tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn hemm għases tal-Pulizija fil-lokalitajiet f'Għawdex u kemm minn dawn qegħdin ikunu miftuħin għall-pubbliku u kemm le? Fil-każ tal-għassa tal-Pulizija tan-Nadur li kienet tinsab fi Pjazza San Pietru u San Pawl, jista' l-Ministru jgħid jekk din hux se terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku u jekk le, għaliex? Jista' jgħid jekk il-Korp għaddiex lura l-binja ta' din l-għassa lis-sidien, peress li din kienet fil-kera u jekk iva, fejn hu l-ħsieb li ssir l-għassa ġdida fin-Nadur?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għall-din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f’seduta oħra.

Forzi Armati ta' Malta — Informazzjoni

Question

B'referenza għall-Forzi Armati ta' Malta (AFM), jista' l-Ministru jgħid: a. kemm kien hemm patrol boats jew bastimenti simili li attwalment qed jiġu użati mill-maritime squadron tal-AFM u f’kull każ kemm ilhom fis-servizz; b. jekk l-AFM għandhiex armoured vehicles – jekk iva kemm hemm u jistax jagħti deskrizzjoni ta’ kull vettura; ċ. kemm hemm nisa li huma suldati fi ħdan l-AFM u dan skont ir-rank tagħhom; u d. kemm attwalment hemm avukati impjegati mal-AFM u f’kull każ x’inhu r-rank tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi: a. L-Iskwadra Marittima topera b’numru ta’ laneċ li huma ta’ l-istess klassi, jew klassi simili. Fost dawn insibu: § Melita I u Melita II (Supervittora 800 Class Search & Rescue Launches) – li żdiedu mal-flotta fl-1998, u fl-2011 saritilhom mid-life upgrade; § P51 u P52 (Protector Class) – li żdiedu mal-flotta fl-2002 u fl-2004 rispettivament; § P21, P22, P23 u P24 (Austal Class) – li żdiedu mal-flotta fl-2010; § P02, P03 u P04 (Boomeranger) – li bdew joperaw fl-2012; § P05 u P06 (Defender Class) – li bdew joperaw fl-2014; § P61 – li waslet ġewwa Malta fl-2005 u fil-2016 saritilha upgrade; § P71 – li waslet ġewwa Malta fil-2022 u bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet biex tibda topera fil-futur qarib. b. Il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) m’għandhiex armoured vehicles fi ħdanha; c. Fi ħdan il-FAM hemm mija wieħed u għoxrin (121) mara kif jidhru hawn taħt; Rank Numru ta’ Nisa Corp Lt Col 1 Officer Maj 2 Officer Capt 2 Officer Lieut 9 Officer 2Lt 1 Officer WO1 1 Other Rank WO2 1 Other Rank SSgt 4 Other Rank Sgt 2 Other Rank Bdr 22 Other Rank LBdr 20 Other Rank Gnr 48 Other Rank WO2 3 VRF/FS SSGT 1 VRF/FS BDR 2 VRF/FS LBdr 1 VRF Gnr 1 VRF d. Il-FAM għandha żewġ (2) avukati mpjegati magħha fir-rank li jidher hawn taħt; Rank Numru t’Avukati Corp Lt Col 1 Officer Capt 1 Officer

Animal Welfare Officers — Ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428, 3643 u 3822, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid min hi l-persuna li tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha? Jista' jgħid ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna? Jista' jgħid b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima? Jista' jgħid xi grad għandhom it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f'din it-taqsima?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma ngħad fir-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet 2811, 3428, 3643 u 3822, din is-sezzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tad-direttur ta’ EkoGħawdex. L-uffiċjali li jaħdmu f’din it-taqsima huma impjegati mal-Ministeru għal Għawdex jew huma impjegati tal-Community Workers Scheme. L-informazzjoni l-oħra mitluba ġiet provduta fl-erba’ tweġibiet l-oħra kollha u l-grad li għandhom dawn it-tliet uffiċjali jippermetti li jsir ix-xogħol amministrattiv u klerikali kollu li jkun hemm bżonn.

Għawdex – Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma – twaqqigħ ta’ numru ta’ stallel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3630 u 3821: B'referenza għax-xogħlijiet ta' twaqqigħ ta' numru ta' stallel taż-żwiemel fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta’ Xħajma, minħabba li ngħad li kienu f'qagħda perikoluża li iżda sal-ġurnata qabel twaqqgħu kienu għadhom qed jintużaw mis-sidien taż-żwiemel biex fihom ipoġġu ż-żwiemel tagħhom qabel u wara t-tiġrijiet, jista' l-Ministru jgħid dan ix-xogħol kienx kopert bil-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ applikazzjoni ta' Dangerous Structures (DS) u jekk iva, iqiegħed kopja ta' dan il-permess fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol ta' twaqqigħ, kif intgħażel u kemm ġie jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 3630 fejn diġà tajtu l-ispjegazzjoni mitluba rigward it-tneħħija tal-periklu. It-tneħħija tal-periklu saret taħt s-superviżjoni ta’ perit tal-Ministeru għal Għawdex, filwaqt li l-eżekuzzjoni saret mill-Awtorità kkonċernata.

Rziezet ta’ ngħaġ u/jew mogħoż reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm irziezet tan-nagħaġ u/jew mogħoż reġistrati f'Għawdex? Jista' jagħti kemm hemm minn dawn l-irziezet f'kull lokalità f'Għawdex? Jista' jgħid kemm huwa n-numru ta' nagħaġ u/jew mogħoż li kull wieħed minn dawn l-irziezet jista' jżomm?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Għawdex hemm 403 irziezet liċenzjati tan-nagħaġ u 223 razzett liċenzjat tal-mogħoż skont it-tabella segwenti. Irziezet tan-Nagħaġ Lokalità Irziezet tal-Mogħoż Lokalità GOZO Gozo 8 Fontana 7 Fontana 26 Għajnsielem 10 Għajnsielem 26 Għarb 6 Għarb 9 Għasri 6 Għasri 25 Kerċem 15 Kerċem 1 Marsalforn 2 Marsalforn 12 Munxar 8 Munxar 68 Nadur 30 Nadur 24 Qala 14 Qala 8 San Lawrnez 5 San Lawrenz 30 Sannat 20 Sannat 38 Rabat 24 Rabat 52 Xagħra 27 Xagħra 64 Xewkija 43 Xewkija 12 Żebbuġ 6 Żebbuġ 403 223

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4041 u jgħid meta ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-listi ta' Direct Orders dipartimentali mogħtija mid-direttorati u diviżjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bejn l-1 ta' Jannar 2021 u l-31 ta’ Ġunju 2021 u bejn l-1 ta' Lulju 2019 u t-30 ta' Diċembru 2021 skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-listi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata perjodikament fuq il-gazzetta tal-Gvern. Qed inpoġġi kopji fuq il-Mejda tal-Kamra, imma għal darb'oħra ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni jista’ jsibha online u b’hekk niffrankaw kemm il-ħin kif ukoll il-karti.

Għawdex – Skejjel Primarji ta’ Kerċem, Żebbuġ, Għarb u diversi skejjel oħra – xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3647 u 4088 u jgħid matul is-sena 2022 sal-lum kemm kienet in-nefqa: a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem; b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ; ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex? F'kull każ, jista' jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex minn l-elezzjoni 'l hawn ingħata r-responsabbiltà tal-iskejjel f’Għawdex. Preżentament għaddejjin xogħlijiet maġġuri fuq l-iskola primarja l-ġdida tar-Rabat, Għawdex b’investiment kapitali ta’ aktar minn €16-il miljun u kif ukoll fl-iskola primarja tan-Nadur fejn ninsab ċert li jaf x’jikkonsistu x-xogħlijiet u li fuq din l-iskola qed jiġu investiti mal-ħames miljun Ewro . Kif għamilna suċċess fil-qasam tal-infrastruttura ta’ gżiritna wara ħamsa u għoxrin sena ta’ telqa minn Gvern Nazzjonalista, hekk sa ngħamlu wkoll fejn jidħlu l-iskejjel tagħna fejn dawn ukoll wara ħamsa u għoxrin sena ġew mitluqa taħt Gvern Nazzjonalista.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi grad mediku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4042 u jgħid kemm kien hemm impjegati mediċi (Allied Health Practitioner, Senior ECG technician, Enrolled Nurse, Nursing Aide, Health Assistant eċċ.) impjegati fuq il-kotba tal-Ministeru, u fejn qed jaħdmu, maqsuma sena b'sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm kien hemm minn dawn il-ħaddiema li bla ma ħarġet sejħa, inqalbu minn grad Mediku għal grad Industrijali jew Tekniku? Jista’ jispjega x'inhu l-proċess biex wieħed jaqleb minn grad Mediku għal grad Tekniku jew Industrijali mingħajr ma toħroġ sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tingħata fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Riżenji ta’ direttur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat kienx hemm riżenja ta' direttur u jekk iva, ta' liema direttorat u min fil-preżent qed jaqdi l-funzjonijiet ta' dan id-direttorat? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġi ingaġġat direttur ġdid?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2022 kien hemm riżenja tad-Direttur tas-Servizzi Korporattivi. Bħalisssa għaddej il-proċess ta’ mili ta’ vakanzi ta’ Diretturi biċ-Ċirkolari OPM16/2022.

Ministeru għal Għawdex — Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4086 kollha kemm hi (intera) u jgħid ukoll jekk fl-aħħar ġimgħat inħarġux calls biex jiżdiedu Diretturi jew Assistenti Diretturi ġodda? Jekk iva, għaliex inħasset il-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalisssa għaddej il-proċess ta’ mili ta’ vakanzi ta’ Headship Positions biċ-Ċirkolari OPM16/2022.

Għawdex – sheep farms

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4074, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-lokalitajiet f'Għawdex fejn ġew approvati t-30 sheep farm fl-aħħar seba’ snin kif ukoll il-lokalitajiet fejn jinsabu l-21 applikazzjoni pendenti għal sheep farms f'Għawdex? Jista' jgħid kemm hi l-kapaċità ta' kull sheep farm u ċjoè kemm ġie indikat f'kull applikazzjoni li ġiet approvata u dawk li għadhom pendenti li se jkunu jistgħu jinżammu nagħaġ fihom kull wieħed minn dawn il-farms?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma wkoll li ma tinżammx informazzjoni dwar kemm jinżammu nagħaġ.

MCA — ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4160, dwar professjonisti fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA), jista’ l-Ministru jagħti s-segwenti tagħrif u ċjoè n-numru ta’: a. ekonomisti; b. accountants; c. avukati; d. inġiniera; e. periti; f. jekk hemm professjonisti oħra x’inhi l-professjoni tagħhom u kemm huma u f’kull każ jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom jaħdmu mal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-profesjonisti tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) huma kif indikati fit-tabella t'hawn taħt: Professjoni Numru Qasam regolatorju Inġiniera 10 Qasam tas-servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi Avukati 3 Oqsma kollha li jaqgħu taħt il-mandat regolatorju tal-Awtorità Accountant 1 Oqsma kollha li jaqgħu taħt il-mandat regolatorju tal-Awtorità Accountants 2 Oqsma amministrattivi u finanzjarji ġenerali