Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – xogħlijiet fit-toroq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3681 u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1672, li ngħatat fil-21 ta' Ġunju 2022, rigward kemm fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali, fejn ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom għadu għaddej”, jista’ l-Ministru jgħid f'kull triq li ssemmiet fit-tweġiba meta nbeda x-xogħol fuqha, kemm tħallsu flus sa issa fuq kull triq, liema xogħlijiet għad fadal isiru, fiex jikkonsistu, u meta se jingħata l-wearing course? Jista' jgħid ukoll jekk baqax kontijiet pendenti u jekk iva, fiex jikkonsistu u kemm jammontaw dawn il-kontijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

TENDER FOR UPGRADING AND EMBELLISHING IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER THE EXISTING BOUNDARY WALL AREA AT TA’ DBIEGI CRAFTS VILLAGE, GOZO – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar it-tender ‘TENDER FOR UPGRADING AND EMBELLISHING IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER THE EXISTING BOUNDARY WALL AREA AT TA’ DBIEGI CRAFTS VILLAGE, GOZO’ li għalqet fit-18 ta’ Frar 2022 u jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol u meta se jitlesta x-xogħol mitlub minn din l-imsemmija sejħa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti msemmija ġiet kanċellata skont it-termini tal-artikolu 18.3(a) tal-General Rules Governing Tenders.

Sannat, Għawdex – Triq Sannat – Road markings

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3909 li ngħatat fit-28 ta' Novembru 2022 rigward Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, peress li issa għaddew iktar minn sentejn u għadhom ma sarux is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li tifred karreġġjata minn oħra u lanqas ma saret zebra crossing u għalhekk hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq, u peress li f’din it-tweġiba kien ġie mwieġeb “li tajt direzzjoni sabiex jaraw li jkun hemm line markings temporanji sakemm issir il-pjazza”, jista’ l-Ministru jgħid għala għadhom ma sarux u min se jkun responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet serji, li issa ilhom snin pendenti, jekk iseħħu inċidenti f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti mil-line markings li jridu jsiru għadhom ma sarux peress li għaddej ix-xogħol f’dik iż-żona. Il-line markings l-oħra saru.

Rabat, Għawdex – Triq l-Arċisqof Pietru Pace – barriers tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għala fil-ġimgħat li għaddew tpoġġew il-barriers tal-pulizija u għadhom hemm f’parti mill-ġenb ta’ Triq l-Arċisqof Pietru Pace fir-Rabat, Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-barriers li tpoġġew f’parti mill-ġenb ta’ Triq l-Arċisqof Pietru Pace fir-Rabat, Għawdex, oriġinarjament u temporanjament tpoġġew f’dan il-post mill-Pulizija, minħabba ‘struttura perikoluża’ li ġiet rappurtata. Madankollu, infurmat li l-barriers li hemm bħalissa jappartjenu għall-Ministeru t’Għawdex li qed jieħu l-miżuri neċessarji fl-istess post.

Sannat, Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 20405 u 23038 li ngħataw fit-28 ta' April 2021 u fl-1 ta' Diċembru 2021 rispettivament, rigward Triq it-Tabib Anton Tabone (imsejħa wkoll bħala “l-Qasam”) li twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat, fejn kien ġie mwieġeb li x-xogħol fuq din l-imsemmija triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin, wara li titlesta t-Triq ta’ Sannat, u peress li Triq Sannat ilha diversi xhur lesta u miftuħa għat-traffiku, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għaddew iktar minn sena u nofs u għadu ma nbediex u ma tlestiex ix-xogħol? Meta ser jibda x-xogħol (xahar u sena) biex tinbena mill-ġdid din il-parti tat-triq, peress li tinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u kull darba li tagħmel ix-xita qed tegħreq, u hemm periklu kbir u għal xi raġuni ma saritx mal-parti ta' fuq tal-istess triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq ser isiru din is-sena.

Ħlas tad-dawl u l-ilma għal landscaping f’Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huwa responsabbli għall-ħlas tal-ilma u d-dawl li jintuża mill-GEB Landscaping Malta għall-embellishment tat-toroq u roundabouts ġewwa Għawdex, u ċjoè jekk dawn il-kontijiet jitħallsux mill-GEB Landscaping Malta jew inkella mill-Ministeru għal Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-GEB Landscaping Malta huwa kuntrattwalment marbut li jħallas għall-konsum tad-dawl u l-ilma li juża biex jipprovdi s-servizz tiegħu.

Ministeru għal Għawdex – proġetti marittimi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti marittimi saru mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2022 fil-gżira Għawdxija, fiex kienu jikkonsistu u kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija matul is-sena 2023, fiex jikkonsistu u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2022 tlesta u ġie inawgurat il-proġett tar-Rijabilitazzjoni tal-Infrastruttura tas-Sajd f’Għawdex fil-parti tal-Imġarr. Ix-xogħol kien jikkonsisti fl-installazzjoni ta’ tagħmir fid-dry-standing area li kien jinkludi winċ ġdid u service pillars għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-bastimenti li jkunu qed isiru mis-sajjieda fiż-żona, kif ukoll sistema ta’ CCTV cameras biex jissorveljaw l-istess żona. Dawn kienu jammontaw għal €95,000. Flimkien ma’ dawn ix-xogħlijiet kien hemm il-provvista ta’ ħames karrijiet sofistikati skont l-istandard meħtieġ biex jakkomoda l-qisien differenti tal-bastimenti kollha tas-sajd u towing truck biex jiġbed dawn l-istess karrijiet. Dawn inġabu permezz ta’ tender separat u kienu jammontaw għal €790,000. Il-proġett kollu, inkluż ix-xogħlijiet li saru fix-Xlendi aktar qabel, ġie jlaħħaq mal-€1.2 miljun.

Xewkija, Għawdex – SME hub

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati għal SME Hub ġewwa x-Xewkija, Għawdex u jgħid x’sar matul is-sena 2022 fuq dan l-imsemmi proġett u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat li jsir matul is-sena 2023 fuq dan il-proġett u kemm hu ppjanat li tkun in-nefqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2023 hemm ippjanat li jkompli l-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għall-Edukazzjoni – talbiet minn ħaddiema għal transfers f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal trasferiment minn ħaddiema u xi grad huma, li jaħdmu mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex imorru jaħdmu f'xi dipartiment jew entità oħra mal-Ministeru għal Għawdex f'Għawdex mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, u fejn marru jaħdmu dawn il-ħaddiema li t-talba tagħhom ġiet milqugħa? Jista' jgħid fil-preżent kemm hemm talbiet pendenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu ġewwa Malta f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sena b’sena mis-sena 2020 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema entità qed jaħdmu u xi grad huma?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema sekondati jew on loan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema seconded jew on loan mal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena u xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x’kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description) u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – proġetti f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4523 u jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom u jgħid liema minnhom ġew aċċettati u saru, liema ġew aċċettati u għadhom ma sarux u se jsiru matul is-snin 2022, 2023 u 2024, u liema ma ġewx aċċettati biex isiru permezz tal-'Operational Programme I - European Structural and Investment Funds 2014-2020' “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”, u kemm se jingħata flus minn dan il-fond il-Ministeru għal Għawdex għal dawn il-proġetti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom u ġew aċċettati taħt l-'Operational Programme I - European Structural and Investment Funds 2014-2020' “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”, huma s-segwenti. Isem tal-Proġett u Numru Status ERDF.8.034The Establishment of a walking, jogging and cycling trail at Ulysses Grove & the Development of a multi-sports facility for a healthier lifestyle Ippjanat li jkun lest fil-2023 ERDF.05.029 The Rehabilitation of Xewkija Windmill Tlesta ERDF.04.70 The Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo Ippjanat li jkun lest fil-2023

MDIA — deċiżjonijiet dwar każijiet li ġew ikkontestati quddiem il-Qrati jew Tribunali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi każijiet fejn ġew ikkontestati quddiem il-Qrati jew Tribunali deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA)? Jekk hemm, jista’ jagħti lista tagħhom?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li MDIA għandha każ wieħed li fil-preżent li qiegħed quddiem it-Tribunal Industrijali.

REWS – Membri tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fil-preżent min huma l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) u jekk hemmx xi vacancies fuq dan il-Bord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq il-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma ma hemm l-ebda vakanza. Il-persuna maħtura fil-preżent huma l-Inġ. James Camenzuli (President), is-Sur Mario Azzopardi (Viċi-President), is-Sur Frederick Cutajar (Membru), is-Sa Doriette Scicluna (Membru), is-Sa Mary Grace Gauci (Membru), is-Sur Kenneth Busuttil (Membru), id-Dott. Ana Thomas (Membru) u id-Dott. Claudio Zammit (Segretarju).

REWS – Kawżi pendenti fejn qed jiġu kontestati deċizijonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-kawżi attwalment pendenti fejn qed jiġu kontestati deċiżjonijiet tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? F’kull każ, tista’ tagħti l-okkju tal-kawża u quddiem liema Qorti jew Tribunal hu pendenti l-każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

SPD3/2022/065 – proċess ta’ evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa SPD3/2022/065, CFT Title ‘Construction, finishing works and commissioning of an e-ticketing project at Ċirkewwa and Mgarr passenger ferry terminals’? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess ta' evalwazzjoni ta' din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-offerta tinsab fil-proċess ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jingħataw aktar dettalji.

Animal Welfare Department – spezzjonijiet f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tal-Animal Welfare ġewwa l-gżira ta' Għawdex tul l-2020, l-2021 u l-2022? Jista’ jgħid kemm ittieħdu passi legali fuq trattament mhux xieraq ta’ annimali fl-istess perjodu ġewwa l-gżira ta' Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm-il sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista’ jagħti break down sena b’sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

GEB Landscaping Malta — xogħlijiet f’Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq, areas u roundabouts ġewwa Għawdex li huma indukrati/miżmuma (embellished) mill-GEB Landscaping Malta? Tista’ tgħid kemm hemm ħaddiema li b' mod regolari jaħdmu ġewwa l-gżira Għawdxija fuq dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm 5 ħaddiema impjegati fuq dawn ix-xogħolijiet mal-GEB u li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jiżdiedu tlett ħaddiema oħra.

Aġenzija tal-Qrati – Preliminary Market Consultation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati 'Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court' li għalqet fis-6 ta' Jannar 2023? Jista’ jgħid kemm kien hemm u min kienu l-persuni jew kumpaniji li wrew interess? Jista’ jgħid issa xi jmiss isir?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li kien hemm 8 offerenti li bejniethom tefgħu numru ta’ proposti għal propjetà jew art li tista’ tiġi żviluppata f'Qorti għal Għawdex. Il-pass li jmiss issa hu li l-proposti mitfugħa jiġu evalwati u jitħejja rapport fuq dawn il-proposti.

Għawdex – skejjel li m'għandhomx is-servizz tal-lift u turġien ta’ emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skola f’Għawdex m’għandhiex is-servizz tal-lift u turġien ta’ emerġenza f’każ ta’ nirien? Jista’ jagħti din l-informazzjoni mhux għall-iskola b’mod ġenerali, iżda anke għal kull blokka fejn hu relevanti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.