Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fuq xogħol ta’ embellishment
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq, areas, ġonna u roundabouts f’Għawdex li huma indukrati/miżmuma (embellished) mill-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema fuq dan ix-xogħol u xi grad għandhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Animal Welfare Department – spezzjonijiet f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5391 u jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tal-Animal Welfare fil-gżira ta' Għawdex tul is-snin 2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid kemm ittieħdu passi legali fuq trattament mhux xieraq ta’ annimali fl-istess perjodu fil-gżira ta' Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm-il sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista’ jagħti break down sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li matul l-2020, l-2021 u l-2022 għamel 107 spezzjonijiet f’Għawdex. It-tabella segwenti turi kemm ittieħdu passi legali fuq trattament mhux xieraq ta’ annimali, kemm il-sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi u kemm minnhom tressqu l-Qorti sena b’sena. Fil-bqija tal-ispezzjonijiet ma nstab l-ebda ksur ta’ liġi.
2020
2021
2022
Numru ta’ Spezzjonijiet
32
50
25
Numru ta’ Passi Legali
1
3
5
Kemm-il sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi
7
17
8
Kemm-il sid ġie mressaq il-Qorti
1
3
4
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn tnaddfu widien f’Għawdex matul is-snin 2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti t-tindif u kemm kienet l-ispiża fuq kull wied li tnaddaf? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej u kemm kien l-ammont ta' finanzjament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn is-snin tħejjew il-permessi neċessarji biex isir it-tindif tal-widien. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena se jkunu qed jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għat-tindif ta’ 12-il wied madwar Għawdex. It-tindif ta’ dawn il-widien għandhom allokat kofinanzjament tas-somma ta’ €2,316,736.00, li minnhom 80% huma ffinanzjati minn fondi Ewropej filwaqt li l-20% l-oħra huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm LSEs jaħdmu f'Għawdex li ntbagħtu jaħdmu Għawdex mhux għax kien imisshom fil-lista ta' Għawdxin li jaħdmu f'Malta, iżda minħabba raġunijiet mediċi? Jista' jgħid, f'kull każ, kull waħda minn dawn l-LSEs kemm ilha/ilu taħdem/jaħdem f'Għawdex? Jista' jgħid kemm ilhom jaħdmu bħala LSEs f'Malta l-ewwel għaxar LSEs Għawdxin li hemm jaħdmu fi skejjel f'Malta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5145 dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati 'Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court' li għalqet fis-6 ta' Jannar 2023, jista’ l-Ministru jgħid min huma t-tmien offerenti (persuni jew kumpaniji) li bejniethom tefgħu numru ta’ proposti għal proprjetà jew art li tista’ tiġi żviluppata?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar l-offerenti għandha tibqa’ kunfidenzjali skont il-prinċipji stabbiliti f’regolament 40 u f’regolament 48(8), tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (2016). Dan jassigura li l-awtorità kontraenti ma tikkommettix ruħha li tibda proċess t’akkwist f’dan l-istadju, u tassigura li l-kompetizzjoni hija mħarsa, billi tippreveni l-offerenti milli jkunu konxji t’informazzjoni qabel ma din tiġi provduta lil l-awtorità kontraenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm subbasti pendenti fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm minnhom huma appuntati u kemm minnhom għad jridu jiġu appuntati? Jista' jgħid f'kull każ kemm ilhom pendenti dawn is-subbasti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mistennija tkun l-ispiża fuq il-proġett kollu tal-Park and Ride fix-Xewkija u kemm minn din l-ispiża se tkun koperta minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta għandu jibda jintuża dan il-park and ride? Jista' jgħid ukoll kemm-il metru kwadru ta' art se jkun ikopri dan il-proġett ta' park and ride u żona rikreattiva?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li stima tal-ispiża fuq ix-xogħol tal-Park and Ride fix-Xewkija mistennija tkun ftit 'il fuq minn €7.0 miljun, li €4.7 miljun minnhom huma fondi Ewropej. L-operat tal-Park and Ride minn dan is-sit mistenni jibda minn l-ewwel kwart tas-sena 2024.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ta' liema ditta huma? Jista' jgħid ukoll liema huma dawk il-karozzi li jintużaw fil-weekends u fil-festi? Min jagħmel użu minnhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti hemm tlieta u tletin. Sittax minnhom huma tad-ditta KIA, tnejn tad-ditta FORD, ħamsa huma tad-ditta OPEL, tnejn tad-ditta TOYOTA, waħda tad-ditta RENAULT, oħra tad-ditta HYUNDAI, tnejn tad-ditta SEAT, oħra Dacia, oħra tad-ditta VOLKSWAGEN u tnejn tad-ditta PEUGEOT.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm serq li ġie rrapportat mill-bidu ta' Jannar 2020 sal-lum, lokalità b'lokalità f’Għawdex? Kemm minn dawn il-każijiet sal-lum għadhom ma ġewx riżolti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi każi ta’ serq li ġie rrapportat mal-Pulizija ġewwa Għawdex kien ta’ 169 każ fis-sena 2020, 142 każ fis-sena 2021 u 173 każ fis-sena 2022. L-informazzjoni l-oħra qed tinġabar.
Enemalta – talbiet għal bozoz pubbliċi ġodda mill-Ministeru għal Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal bozoz pubbliċi ġodda rċeviet l-Enemalta mill-Ministeru għal Għawdex mill-bidu tal-2019 sal-lum? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Fejn huma l-bozoz li ġew approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-2019 sal-aħħar tal-2022, l-Enemalta installat 298 bozza f’toroq pubbliċi kif jidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-applikazzjonijiet għal dawn il-bozoz saru jew mill-Ministeru għal Għawdex jew mill-Kunsilli Lokali.
Ministeru għal Għawdex – proġett ta’ retro fitting
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta' retro fitting li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid meta nbeda x-xogħol fuq dan il-proġett, x'sar s’issa, u jagħti break down dettaljat tal-ispejjeż li saru s’issa fuq dan il-proġett kif ukoll x'baqa’ jsir u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jitlesta kompletament dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett tar-retrofitting hu ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u jifforma parti minn proġett akbar ta’ rinnovar u modernizzar estensiv taċ-Ċentru Amministrattiv li jinkludi l-Ministeru għal Għawdex. Dan il-proġett hu mmirat li jirrendi l-binja kollha aċċessibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sikura u moderna għall-bżonnijiet tal-lum.
Il-proġett tar-retrofitting li ġie ppjanat wara li sar Energy Efficiency Audit hu maħsub sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-użu tal-enerġija fil-binja. Ix-xogħlijiet fuq is-sit bdew f’Lulju tal-2019. S'issa twaħħlu l-aperturi double-glazing tal-binja u saru x-xogħlijiet kollha fuq il-bjut li kienu jinkludu t-tpoġġija tal-membrane u r-rinstallazzjoni tal-pannelli fotovoltajiċi. Saru wkoll xogħlijiet strutturali, mekkaniċi u elettriċi u oħrajn ta’ insulazzjoni fl-ewwel sular tal-binja li fil-ġranet li ġejjin ser jibda jintuża mill-uffiċjali tal-Ministeru. L-imsemmija xogħlijiet ser isiru fil-kumplament tal-binja. Ix-xogħlijiet tal-parti tar-retrofitting huma ppjanti li jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena.
Fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem fuq tliet tenders marbuta ma’ dan il-proġett li huma dak tal-pavimentar u tisbiħ tal-btieħi, tar-restawr tal-faċċati kif ukoll tal-għamara. Hu ppjanat li dan il-proġett jkun lest fl-intier tiegħu fis-sena 2024.
Sa issa €1,369,967.09 tħallsu bħala spejjeż fuq Retrofitting u €1,385,534 fuq spejjeż ta’ Refusbishment.
Transport Malta – Pubblikazzjoni tas-sejħa għall-Public Service Agreement
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema xahar ta' din is-sena hu maħsub li tiġi ppubblikata s-sejħa għall-Public Service Agreement għat-trasport ta' passiġġieri, karozzi u merkanzija bejn Malta u Għawdex, peress li dan il-ftehim issa ilu bosta snin li skada?
Response (FARRUGIA, AARON)
Jinstabu għaddejjin preparamenti tekniċi kif ukoll id-diskussjonijiet neċessarji sabiex il-Gvern jippubblika sejħa għall-PSO.
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat mill-Ministru, fejn intqal li matul is-sena 2022 il-Ministeru ħawwel 35,600 siġar u arbuxelli madwar Malta u Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid kemm minnhom tħawlu f’Għawdex u fejn tħawlu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ diversi inizjattivi li ħa l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, tħawlu 1,988 siġar u arbuxelli ġewwa l-gżira ta’ Għawdex f’dawn il-lokalitajiet :-Għajnsielem, Għarb, Għasri, Kerċem, Munxar, Nadur, Qala, Rabat, San Lawrenz, Sannat, Xagħra, Xewkija, Xlendi u Żebbuġ.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-widien (isem tal-wied u r-raħal) f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom biex jitnaddfu u jsir xogħol ieħor fuqhom? Jista’ jgħid liema widien ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2014 u 2023 mill-programm ' M4.4121 - Rehabilitation of Gozo's Valleys to Enhance their rain capturing and soil retention capabilities 2014-2020'? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn il-widien biex jitnaddfu u jsir xogħol ieħor fuqhom? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm ingħata minn dan il-fond il-Ministeru għal Għawdex għal dawn il-widien?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-widien li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom taħt M4.4.121 – Rehabilitation of Gozo’s Valleys to Enhance their rain capturing and soil retention capabilities 2014-2020, biex jitnaddfu u jsir xogħol ieħor fuqhom, jinsabu fit-tabella hawn taħt. Il-widien sottomessi kollha ġew aċċettati.
L-allokazzjoni tal-proġett tammonta għal € 1,853,388.80.
Siti (Widien)
Lokalità
WIED IX-XLENDI
Xlendi
WIED TAL-GRAZZJA
Żebbuġ
WIED TA’ MĠARR IX-XINI
Sannat
WIED RIĦAN
Nadur
WIED TA GRAJGEL/DAĦLET QORROT
Nadur
WIED IL-WILEĠ (INCORPORATING ALSO VALLEY AT TAL-
HALQ/TA MARGA L/O QALA)
Qala
WIED TAX-XĦAJMA
Nadur
WIED IMĠARR/ĠNIEN MIGIARRO L/O GĦAJNSIELEM
Għajnsielem
WIED TA’ MARSALFORN
Żebbug/Xagħra
WIED TAL-ORT
Għasri
WIED L-INFERN
Żebbuġ
WIED IL-KBIR
San Lawrenz
Jista' l-Ministru jindika liema atti ta' liema snin u ta' liema nutara għadhom ma ġewx invistati u arkivjati mis-sena 1970 ’il quddiem u x'passi qed jittieħdu biex dawn l-atti jinġabru?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-artikolu 94Ċ (4) tal-Kapitlu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta, hemm stabbilit li sa mhux aktar tard mill-1/10/2024 iridu jinġabru l-volumi kollha ta’ Atti Nutarili tan-Nutara kollha sabiex jiġu viżitati mill-Uffiċjali Reviżuri u li sussegwentament jiġu depożitati fl-Arkivju Nutarili Ewlieni. Sa issa l-provedimenti tal-artikolu 94Ċ (4) (i), (ii), (iii) u (iv) ġew pjenament osservati u l-volumi jinsabu fl-Arkivju Nutarili fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. Mis-sena 1970 ħafna Nutara ddepożitaw l-Atti tagħhom fl-Arkivju Nutarili, iżda hemm oħrajn li għal xi raġuni ma ġewx iddepożitati. Kien għalhekk li ġiet emendata l-liġi li permezz tal-artikolu 94Ċ tal-Kapitlu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta jiġi aċċertat li l-volumi kollha jinġabru sas-sena 2024. Hemm ukoll lista onlajn (https://justice.gov.mt/mt/ntg/Pages/Notaries-Volumes-in-Archives.aspx) tal-Atti kollha tan-Nutara li jinsabu depożitati fl-Arkivju Nutarili.
Għajnsielem/Nadur — Triq Sant'Antnin/Triq l-Imġarr - pagamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur u Triq Sant Antnin f'Għajnsielem sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kull pagament lil min sar u kemm kien u kif ukoll jgħid ta' liema xogħol kien dak il-pagament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tax-xogħlijiet li saru sa issa tħallsu €13,608,385.25 lil kumpanija li rebħet is-sejħa għall-offerti.
Ir-Rabat Għawdex — Triq l-Ewropa - Pixxina u Sports Complex - pagamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq il-pixxina u Sports Complex ta' Triq l-Ewropa fir-Rabat, Ghawdex sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kull pagament lil min sar u kemm kien u kif ukoll jgħid ta' liema xogħol kien dak il-pagament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala nefqa fuq xogħol ta’ kostruzzjoni saru €14,169,528.16 f’pagamenti, filwaqt li f’xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi saru €2,222,895.82 f’pagamenti lil kumpaniji rispettivi li kienu rebħu s-sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għases tal-Pulizija f'Għawdex u f'liema indirizz jinsabu dawn l-għases? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar sitt xhur, kull għassa bħala medja, kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienet miftuħa għall-pubbliku u b'uffiċjali tal-Pulizija ġo fiha?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi preżentament Għawdex hemm ħmistax-il għassa tal-Pulizija li l-indirizzi tagħhom huma indikati fit-tabella ta’ hawn taħt. L-għases prinċipali li jinfetħu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum huma dawk ta’ Victoria u Mġarr, filwaqt li dik ta’ Marsalforn tinfetaħ regolarment meta l-esiġenzi jippermettu, u din l-għassa tintuża anke kontinwament mill-Pulizija tal-Komunità. Dik tax-Xlendi tiftaħ matul ix-xhur kollha tas-sajf, filwaqt li l-għassa tal-Marina ukoll tiftaħ kuljum mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sitta u nofs ta’ filgħaxija. L-Għassa tax-Xagħra bħalissa qiegħda taħt kostruzzjoni. Għases oħra jinfetħu skont l-esiġenzi tas-servizz u minħabba f’hekk id-dettalji dwar is-sigħat li dawn kienu miftuħa mhumiex disponibbli. Kif japrezza l-Onor. Membru, kull raħal f’Għawdex huwa kopert minn ronda regolari li ssir permezz ta’ uffiċjali mill-Iskwadra Mobbli tad-Distrett kif ukoll dawk mill-Pulizija tal-Komunità. Dan barra li ma' ħafna minn dawn l-għases hemm stallata sistema elettronika li permezz tagħha l-pubbliku jkun jista’ jikkomunka mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
1.
Victoria Police Station, Republic Street, Victoria
2.
Mġarr Police Station - N.B. Triq ix-Xatt, Mġarr - Gozo
3.
Xagħra Police Station - N.B Vjal it-Tmienja ta' Settembru, Xagħra
(suġġetta għal xogħol ta’ kostruzzjoni mill-Kunsill)
4.
Nadur Police Station - 24, Pjazza San Pietru u San Pawl, Nadur
5.
Marsalforn Police Station - 35, Triq Marina, Marsalforn
6.
Xewkija Police Station - 85, Triq l-Indipendenza, Xewkija
7.
Għarb Police Station - Ċentru Ċiviku , Triq il-Viżitazzjoni, Għarb
(f’idejn il Kunsill - tista tintuża’ meta meħtieġ)
8.
Sannat Police Station – N.B Triq Sannat, Sannat
9.
Xlendi Police Station – N.B Triq Sant'Indrija, Xlendi
10.
Kerċem Police Station -Triq Sarg, Kerċem
(f’idejn il Kunsill - tista tintuża’meta meħtieġ)
11.
Għajnsielem Police Station - 40, Triq Simirat, Għajnsielem
12.
Qala Police Station - Local Council Bldg., Triq San Ġużepp, Qala
13.
San Lawrenz Police Station - Pjazza San Lawrenz, San Lawrenz
14.
Żebbuġ Police Station - Triq il-Knisja, Żebbuġ
15.
Marina Office at Mġarr
Ministeru għal Għawdex — proġetti ambjentali u infrastrutturali
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali u infrastrutturali saru mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022 ġewwa Kemmuna u kemm ġew jiswew? Jista' jgħid ukoll xi proġetti ambjentali u infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Kemmuna matul is-sena 2023 mill-Ministeru tiegħu u fiex jikkonsistu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 ma sar l-ebda proġett infrastrutturali.
Agriculture Stores/Basement Agriculture Stores — Applikazzjonijiet għal bini, sanzjonar, bdil ta' użu jew estensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini, sanzjonar, bdil ta' użu jew estensjoni ta' Agriculture Stores/Basement Agriculture Stores ġewwa Għawdex fl-aħħar ghaxar snin? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati kemm minnhom huma sospiżi u kemm minnhom għadhom pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2022 intlaqgħu 405 applikazzjoni kompluta għal żvilupp ta’ bini, sanzjonar, bdil ta’ użu għal jew estensjoni ta’ mħażen għal skop agrikolu ġewwa Għawdex. Minn dawn, sas-26 ta’ Jannar 2023, 250 ġew approvati, 33 ġew rifjutati, 33 oħra ġew irtirati, 7 deċiżjonijiet jinsabu sospiżi u 82 għadhom pendenti.