Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-proċess f’każ fejn hi tagħti direttiva bil-miktub ta’ xorta ġenerali skont l-artikolu 7(1) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545, u din id-direttiva ma tiġix segwita mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) peress li r-REWS ikun iqis li din timpinġi fuq l-indipendenza tiegħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-provvedimenti tal-artikolu 7(1) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545) huma ċari ħafna: ċjoè li l-Ministru tista’ tagħti direttivi “bil-miktub”, “ta’ xorta ġenerali”, “li jkunu jidhrulu li jolqtu l-interess pubbliku”, “li ma jkunux relatati mas-setgħat regolatorji tar-Regolatur u li ma jkunux inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Att, u min-naħa tiegħu ir-Regolatur għandu jġib fis-seħħ id-direttivi tal-Ministru b’tali mod li jirrispetta l-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi biex is-setgħat regolatorji indipendenti tar-Regolatur ma jkunu bl-ebda mod preġudikati.”
Kull relazzjoni mar-Regolatur hi regolata mill-Kap. 545.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ispeed limit ta' triq arterjali li saret mill-ġdid bejn in-Nadur u Għajnsielem huwa ta' 30 kilometru fis-siegħa matul it-triq kollha? Jista' jgħid minn irrakkomanda dan? Jista' jispjega kif imbagħad fi Triq Sant'Antnin li fiha r-residenzi fiha u parti minnha hija dejqa ħafna, l-ispeed limit huwa ta' 50 kilometru fis-siegħa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audit tax-xogħol li sar f'dawn it-toroq (Triq l-Imġarr Nadur u Triq Sant’Antnin Għajnsielem)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn l-ispeed limit huwa ta’ 30 kilometru fis-siegħa dan sar minħabba perikli li veloċità żejda tista’ toħloq b’liwjiet li jeżistu. Is-sinjali kollha tat-traffiku kemm ta’ Triq l-Mġarr u Triq Sant’ Antnin saru b’konsultazzjoni ma’ Transport Malta.
Għawdex – programm ta’ titjib ta’ toroq arterjali u residenzjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-programm ta’ titjib ta’ toroq arterjali u residenzjali f’Għawdex għal din is-sena? Liema toroq huma mdaħħlin fil-programm u kemm hi stmata li tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru bħalissa qed jistenna l-eżitu tal-proċess tas-sejħa għall-offerti biex imbagħad ikun jista' jqassam ix-xogħlijiet skont l-urġenza u l-prijoritajiet. Madankollu għalqet is-sejħa tal-offerti għal Periti sabiex jinbeda d-disinn tat-triq arterjali li tagħti min-Nadur għall-Qala li ser tkun tinkludi Triq it-Tiġrija n-Nadur, Triq il-Qala kemm fin-Nadur u fil-Qala, triq il-Mitħna l-Qala u Triq San Ġużepp il-Qala li twassal sal-pjazza.
Din it-triq l-aħħar li saret kien fis-sebgħinijiet u mistenniha tkun waħda mit-toroq arterjali li ser issir f’din leġiżlatura.
Apparti dan, qed nistenna l-appell jinqata' sabiex tkun tista’ tibda triq arterjali oħra mir-Rabat sa Marsalforn.
Ministeru għal-Għawdex — entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li applikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropeja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżtu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4785 kollha kemm hi u tgħid kemm hemm chargers għall-karozzi tal-elettriku f'Għawdex li huma b'xejn (fejn min jużahom ma jħallasx) u fejn jinsabu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 4785 li hija ċara u li tindika li dawn il-carports qegħdin f’Ta’ Xbiex, Marsa u Ċirkewwa u allura mhux f’Għawdex.
Ix-Xewkija – Triq Ħamet, Triq ir-Rabat u Triq Ta’ Xħajma – resurfacing ta’ trinek
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4767, tista' l-Ministru tgħid meta hu skedat (xahar u sena) li jsir ir-resurfacing tat-trinek kollha tal-Junction tat-Triq ta Ħamet fix-Xewkija, ta' Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma fin-Nadur, u dan wara li saru trinek f'din it-triq diversi xhur ilu u sal-lum għadhom bil-wiċċ tal-konkos? Ma taħsibx li triq arterjali li jkollha parti minnha bil-konkos hija ta' periklu serju għas-sewwieqa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija xogħlijiet se jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin dejjem jekk it-temp jippermetti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4367 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3721, jista’ jgħid fejn jinsabu dawn it-12-il binja ġodda (triq u raħal) mikrija mill-privat matul is-snin 2021 u 2022 u fiex jikkonsistu? Jista’ jgħid b’liema mod inkrew dawn it-12-il binja ġodda mikrija mill-privat? Meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew dawn it-12-il binja u x'kera qed titħallas għal kull wieħed minn dawn it-12-il post? Jista’ jgħid ukoll għal liema skop inkriet binja mid-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3721 ma ngħatatx ir-raġuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rabat, Għawdex – skola ġdida primarja u estensjoni tal-Middle School — pagamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq l-iskola ġdida primarja u l-estensjoni tal-Middle School fir-Rabat, Għawdex, sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid lil min sar kull pagament u kemm kien u jgħid ukoll ta' liema xogħol/servizz/servizzi kien dak il-pagament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li pagamenti fuq xogħlijiet ta’ exkavazzjoni u kostruzzjoni saru b’€3,149,226,86.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq il-Gozo Museum fir-Rabat, Għawdex sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid lil min sar kull pagament u kemm kien, kif ukoll jgħid ta' liema xogħol/servizz/servizzi kien dak il-pagament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Gozo Museum se jkun wieħed mill-aqwa attrazzjonijiet kulturali fil-pajjiż. Intant, il-pagamenti li saru s’issa fuq dan il-proġett jammontaw għal €4,077,870.
Għawdex – Xagħra – Triq ta’ Karkar – xogħol ta’ bini u rikostruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jindika bejn wieħed u ieħor meta se jibda x-xogħol ta' bini u rikostruzzjoni tat-Triq ta' Karkar fix-Xagħra, Għawdex, peress li f' dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fiha u din it-triq hi bla wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna u taqa’ taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rikostruzzjoni ta’ din it-triq mistennija ssir fix-xhur li ġejjin. Infurmat ukoll li din it-triq qiegħda fi stat ħazin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sajd fil-gżira ta' Għawdex tul is-snin 2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid kemm ittieħdu passi fl-istess perjodu fil-gżira ta' Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm-il sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista’ jagħti break down sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020, 2021 u 2022 saru 2,423 spezzjoni mid-Dipartiment f'Għawdex. Fl-istess perjodu kien hemm każ wieħed li kien meħtieġ li jittieħdu passi, u dan qiegħed fil-proċess li jitressaq il-Qorti. Barra minn hekk, kien hemm diversi każi fejn sidien ta’ bastimenti ġew imwiddba mingħajr ma kien hemm il-bżonn li jittieħdu passi ulterjuri.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3811 u 4899 u jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm jaħdmu ħaddiema Għawdxin Malta f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi, sena b’sena, mis-sena 2021 sal-lum? Jista' jgħid ukoll preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema entità qed jaħdmu u xi grad huma?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub rigward l-ħaddiema li jidher li għandhom indirizzz fuq Għawdex huwa kif ġej:
Sena
Servizz Pubbliku
Awtoritajiet, Aġenziji u Entitajiet Governattivi li huma fid-dekasteru tal-Prim Ministru
2021
1,401
7
2022
1,621
8
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4913 u jgħid fejn hemm għases tal-Pulizija fil-lokalitajiet f'Għawdex u kemm minn dawn qegħdin ikunu miftuħin għall-pubbliku u kemm le? Fil-każ tal-għassa tal-Pulizija tan-Nadur li kienet tinsab fi Pjazza San Pietru u San Pawl, jista' jgħid jekk din hux se terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku u jekk le, għaliex? Jista' jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għaddiex lura l-binja ta' din l-għassa lis-sidien, peress li din kienet fil-kera u jekk iva, fejn hu l-ħsieb li ssir l-għassa ġdida fin-Nadur?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. membru sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5671. Il-Korp tal-Pulizija jħallas kera għall-għassa tan-Nadur, u tinfetah skont l-esiġenzi tas-servizz.
Għawdex – Skejjel Primarji ta’ Kerċem, Żebbuġ, Għarb u diversi skejjel oħra – xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3647, 4088 u 4866 u jgħid matul is-sena 2022 sal-lum kemm kienet in-nefqa:
a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem;
b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ;
ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; u
d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex?
F'kull każ, jista' jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 4866.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428, 3643, 3822 u 4862, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid:
a. min hi l-persuna li fil-preżent tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha;
b. ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna;
ċ. b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima; u
d. xi grad għandhom it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f'din it-taqsima.
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-sezzjoni qatt ma kien hemm u lanqas hemm uffiċjali li għandhom xi grad maniġerjali u kif ingħad fid-diversi risposti li ngħataw, din is-sezzjoni taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-direttur EkoGħawdex. Il-mistoqsijiet l-oħra ġew imwieġba ampjament fid-diversi risposti li ngħataw.
Port tal-Imġarr Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 20759 u 22730 tat-13-il Leġiżlatura dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), jista’ jgħid fiex waslu u meta bdew "il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża"?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq għadha ma saritx.
Ministeru għal Għawdex – Uffiċjali li qed jiġu rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li qegħdin jiġu rimborżati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali? Jista’ jgħid x’inhu l-grad tagħhom u l-pożizzjoni li qegħdin jokkupaw, kif ukoll l-ammont ta’ flus li rċevew matul is-sena 2022 għal dan il-għan? Jista’ jgħid ukoll min ta l-approvazzjoni għal tali rimborż f’kull każ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rimborż li l-uffiċjali qegħdin jirċievu huwa skont il-kuntratt jew ftehim kolletiv.
Qorti ta’ Għawdex – Impjegati bil-grad ta’ Marixxall
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati fil-Qorti ta' Għawdex li għandhom il-grad ta' Marixxall?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hija waħda, u għalhekk tieħu ħsieb kemm il-Qrati ta’ Malta kif ukoll dawk ta’ Għawdex. Kif diġà infurmajt lil din il-Kamra fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1501 u 1671, l-Aġenzija għandha biżżejjed Marixxalli biex ikopru dawn id-dmirijiet u n-notifiki qed isiru b’mod iktar effiċjenti.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-Negotiated Procedure li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex: MGOZ NP02/2023 - Supplies Negotiated Procedure for the Provision of Incontinence Diapers, Pull-Ups, Pads and Inco Sheet for Senior Citizens and Persons with Special needs for the Ministry for Gozo'? Jista’ jgħid għaliex ħarġet permezz ta’ negotiated procedure u għal kemm hu l-perjodu ta' żmien ta' din is-sejħa, kemm hi stmata u meta tagħlaq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm proċeduri fil-Qorti għaddejjin fuq it-tender tal-Incontinence Diapers, Pull-Ups, Pads and Inco Sheets fro Senior Citizens and Persons with Special Needs. Minkejja dan, is-servizz irid jibqa’ jingħata.
Ministeru għal Għawdex – inċentivi għal kumpaniji fl-Industrija Diġitali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ inċentivi (fiex kienu jikkonsistu) offra l-Ministeru tiegħu biex jiġu attirati kumpaniji u kemm ġew attirati fl-Industrija Diġitali 'digital companies' fil-gżira Għawdxija fil-binja tal-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija, Għawdex? Jista’ jgħid fil-preżent x'tip ta’ inċentivi qed joffri l-Ministeru tiegħu biex jiġu attirati kumpaniji fl-Industrija Diġitali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.