Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nqatgħu mir-reġistru matul din is-sena, xahar b'xahar, kif ukoll x'inhi r-raġuni għaliex dawn inqatgħu? Kemm kien hemm persuni jirreġistraw fuq Part 1 u Part 2 separatament għall-aħħar xahar li dwaru għandu informazzjoni d-dipartiment maqsumin lokal lokal?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tabella A turi kemm kien hemm persuni li nqatgħu mir-reġistrar matul din is-sena sa l-aħħar ta’ Awwissu 2009, xahar b’xahar, skond ir-raġuni għaliex dawn inqatgħu. L-informazjoni mogħtija hija sa l-aħħar ta’ Awwissu skond l-aħħar nformazzjoni ppublikata.
Peress li ftit ilu ntqal li l-Villaġġ tas-Snajja' kellu jiġi trasferit lejn il-Baċir Nru 1 Bormla, jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dan il-pjan u jekk għadx hemm il-ħsieb li dan iseħħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru żweġijiet fir-Reġistru taż-Żweġijiet bejn persuna li ġejja minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea (mhux Malta) u l-parti l-oħra ġejja minn pajjiż li mhux membru tal-Unjoni Ewropea minn meta Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid minn liema pajjiżi kienu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri għat-tiswija fit-tarzna matul din is-sena? Kemm dam fit-tarzna kull vapur? Kemm issejħu lura ħaddiema (ex-Tarzna) sabiex jagħmlu xogħol matul din is-sena fuq dawn il-vapuri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' vapuri li daħħlu t-Tarzna għat tiswija bejn l-01.01.09 u l-10.10.09 kien jammonta għal 51 vapur.
Il-perjodu ta' tiswija ta dawn il-vapuri kienet tvarja minn ftit ġranet sa għaxar ġimgħat.
Dan ix-xogħol sar kważi kollu minn ħaddiema li t-tarzna żammet fuq bażi ta' casual employment kif ukoll dawk il-ħaddiema li ma ħadux skema ta' rtirar. Kien hemm 6 welders ex-ħaddiema tat-tarzna li għamlu sitt ijiem xogħol kull wieħed fuq dawn il-vapuri.
Barra minn dawn jiġu msejjħa wkoll coxswain u diver, ex ħaddiema tat-Tarzna skond il-bżonn, għal xogħol ta' ftit sigħat.
Jista' l-Minisru jgħid kemm hawn karozzi tal-linja liċenzjati? Kemm hawn privates? Jista' jgħid is-sena meta bdew jaħdmu fis-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Maltin (maqsuma f'irġiel u nisa) li żżewġu persuna barranija? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalità huma? Kemm saru żweġijiet ta' dan it-tip matul din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5506 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm saru rapporti fuq il-Crafts Village ta' Ta' Qali mis-sena 1987 sal-lum? Jista' jgħid minn min saru u x'kienet l-ispiża f'kull każ?
Response (FENECH, TONIO)
Saru diversi xogħlijiet mill-1987 ‘l hawn. Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika eżattament għal-liema tip ta’ rapporti qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru evictions matul l-aħħar sena ta' kumpaniji fl-oqsma industrijali tagħna? F'liema qasam industrijali kienu qegħdin? F'liema settur kienu joperaw? Kemm hemm eviction orders f'dan il-qasam, kif ukoll jekk humiex foreign owned jew lokali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Ottubru tas-sena 2008 u Settembru tas-sena 2009 ġew infurzati sebgħa (7) żgumbramenti fl-oqsma industrijali ta’ Ħal Far, ta’ Ħal Luqa, ta’ Kordin u tal-Marsa.
Il-kumpanniji in kwistjoni kienu joperaw fis-setturi li ġejjin:
Fonderiji
Kostruzzjoni
Plastic
Joinery
Kimika
Tessuti
Arloġġi
Fosthom kien hemm kemm kumpaniji
foreign- owned
kif ukoll lokali.
Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli mill-organizzazzjoni tal-Valletta Boat Show li sar f'Dock 1? X'kienet l-ispiża li tħallset lill-Awtorità Marittima ta' Malta jew taħt min taqa' ir-responsabilità ta' Dock 1?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Valletta Boat Show hija organizzata mill-kumpanija Network Publications. L-Awtorità Marittima ma titlobx flus lill-organizzatur ta’ dan l-avveniment għax l-iskop prinċipali tagħha huwa li tuża’ dan l-avveniment sabiex isir showcase tal-proġetti li jkunu ser jitwettqu fil-lokalitajiet magħżula, is-sena l-oħra il-Menqa, il-Marsa u din is-sena Dock 1, Bormla - u fl-istess waqt tkun xprun sabiex is-settur tal-yachting f’Malta jkompli jiffjorixxi.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm rapporti ta' bullying fl-iskejjel tagħna f'dawn l-ewwel ġranet ta' l-iskola? F'liema skejjel kienu u x'sar sabiex dan jiġi rimedjat u ma jerġax jirrepeti ruħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm tmintax-il rapport ta’ bbuljar mill-24 ta’ Settembru 2009 sas-7 ta’ Ottubru 2009. L-istudenti jattendu dawn il-kulleġġi:
4 każi mill-Kulleġġ San Ġorg Preca
2 każi mill-Kulleġġ Santa Tereża
2 każi mill-Kulleġġ Maria Reġina
3 każi mill-Kulleġġ San Benedittu
2 każi mill-Kulleġġ San Tumas More
1 każ mill-Kulleġġ Santa Margerita
1 każ mill-Kulleġġ ta’ Għawdex
2 każijiet mill-iskejjel tal-Knisja (Malta)
1 każ mill-iskejjel tal-Knisja (Għawdex)
Sar intervent mal-buli u l-vittma, u fejn kien meħtieġ mal-klassi u nies oħra li setgħu kienu ta’ għajnuna.
Tista' l-Ministru tgħid x'ser isir sabiex il-ħsara kbira li hemm fuq il-Forti Sant' Anġlu ma tkomplix tikber? Xi pjanijiet hemm sabiex il-ħsara li hemm tissewwa u Sant' Anġlu jerġa' jibda jkun aċċessibbli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif ġie mħabbar fil-ġimgħat li għaddew Heritage Malta wettqet diversi evalwazzjonijiet tekniċi tas-sit, ingħalaq l-aċċess għall-vetturi bl-eċċezzjoni tal-karozza privata tal-membru residenti tal-Ordni, u ġiet sottomessa applikazzjoni lill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar sabiex tissewwa r-rampa ta’ barra, jiġi rrestawrat l-bieb u jinbnew mill-ġdid it-trollijiet tad-daħla u tal-passaġġ li jwassal sa ħdejn il-batterija Deguiral, liema trollijiet kien ġew mġarrfa matul it-tieni gwerra dinjija. Fl-istess ħin qed jitwettaq xogħol ta’ restawr u rijabilitazzjoni fil-polverista u fil-pilastri tal-qampiena tal-Assedju.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10843 li parti minnha ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li Triq San Lawrenz, Birgu, tkun tista' issir, liema triq ilha f'dan l-istat għal ħafna snin b'inkonvenjent kbir għar-residenti li jgħixu fiha?
Tista' l-Ministru tgħid jekk dak imwiegħed lil Malta Rugby FU snin ilu, u ċioe li dawn ikollhom ground tagħhom f'area fil-Marsa hux ser titwettaq magħhom? Taħsibx li dan l-isport jixraqlu l-attenzjoni dovuta daqs dixxiplini sportivi oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-użu tal-art tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa se jiġi definit skont Master Plan li se jiġi ippublikat dalwaqt. Dan qed isir bl-għan li jsir massimizzar ta’ l-użu tal-art kif ukoll tal-faċilitajiet sportivi. Għaldaqstant mhux iż-żmien opportun li wieħed jikkommetti ruħu dwar l-użu speċifiku tal-faċilitajiet sportivi ġodda li jistgħu jinħolqu f’din iż-żona.
Sa issa saru diversi diskussjonijiet mal-
Malta Rugby Football Union
(MRFU) biex jinstab sit adekwat għall-logħba tar-
Rugby
. Dan mingħajr ma ġie kompromess l-isport favorit ta’ assoċċjazzjonijiet oħra. F’din il-leġislatura diġà saru tlett offerti min-naħa tal-Gvern li l-MRFU m’aċċettawx għal raġunijiet differenti. Dan kien ammess ukoll minn uffiċjali ta’ l-istess għaqda.
Ta’ min jinnota li dan l-aħħar uffiċjal għoli tal-MRFU stqarret fil-media lokali li huma jixtiequ biċċa art iżda m’humiex marbutin mal-Marsa. Dikjarazzjoni bħal din tista’ tiffaċilita soluzzjoni.
Dan l-isport qed jingħata l-attenzjoni daqs kull dixxiplina sportiva oħra. Xhieda ta’ dan hija wkoll l-assistenza kemm finanzjarja u assistenza oħra indiretta li jingħata dan l-isport.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Latrina pubblika fil-Ġnien Santa Margerita Bormla
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta ser tinbena l-latrina pubblika li kellha tinbena fl-area ta’ Ġnien Santa Margerita Bormla, mill-Ministeru tat-Turizmu u li l-permessi għaliha ġew approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal-bini tal-latrina fi Ġnien Santa Margerita huwa f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qed tgħin lill-Kunsill fil-finanzjament tal-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' gwardjani li hemm il-ħabs? Jista' jgħid jekk hemmx l-ħsieb ta' vakanzi ġodda? Jekk fl-affermattiv, meta jaħseb li jkunu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm 185 Correctional Officers jaħdmu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin. Dawn huma mawsuma kif ġej:-
3 Asstistant Correctional Managers
4 Correctional Supervisors
18 Senior Correctional Officers
159 Correctional Officers
1 Guard
Rigward it-tieni u l-aħħar domandi ninforma lill-Onorevoli Membru illi s-sejħa għal applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' Gwardjani l-Ħabs għadha qed tiġi fformolata.
Bormla — Kulleġġ Santa Margerita Junior Lyceum - area tal-madwar
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10852 li ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex id-dawra madwar id-daħla tal-Kulleġġ Santa Margerita Junior Lyceum, Bormla ma tibqax tegħreq ma kull ħalba xita u dik l-area tispiċċa periklu kbir għat-tfal u anke għas-sewwieqa?
Good Causes Fund — għaqdiet/organizzazzjonijiet li bbenefikaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet/organizzazzjonijiet li matul din is-sena bbenefikaw mill-Good Causes Fund? Kemm kien l-ammont li ħadu kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għal-lista ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, ta’proġetti u inizzjattivi li bbenefikaw minn għajnuna finanzjarja min-National Lotteries Good Causes Fund fl-ewwel tliet kwarti tas-sena.
Parks Ltd — informazzjoni dwar il-conditions of employment
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-conditions of employment tal-ħaddiema grad grad li jaqgħu taħt il-Parks Ltd? Jista' jgħid ukoll min huma t-top management tal-istess kumpanija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jekk l-Onor Membru qed jirreferi għall-Parks and Afforestation and Rural ConservationUnit, jien infurmat li l-mija u ħamsin impjegat (150) li jaħdmu fil-Unit li jinsab ġewwa Ta’ Qali, hu x’hinu l-grad tagħhom huma kollha mpjegati b’kundizzjonijiet ta’mpjieg ta’ ħaddiema tal-Gvern li huma regolati mill-Public Service Management Code (PSMC) kif aġġornat regolarment minn ċirkularijiet li joħorġu minn żmien għal żmien mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-istess Unit hija mmexxija minn Head, (Parks and Afforestation and Rural Conservation) li huwa s-Sur Herman Galea.