Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17421 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk persuna barranija tinqabad li kienet f'Malta b'visa skaduta, u jintbagħat lura lejn pajjiżu, x'jista' jsir sabiex din l-istess persuna tkun tista' terġa' tidħol f'pajjiżna? X'inhuma l-proċeduri?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi persuni barranin li jinstabu Malta bil-visa skaduta u jintbagħtu lura pajjiżhom, ma jkunux jistgħu jerġgħu jidħlu Malta sakemm ma jagħmlux talba lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni sabiex din ir-restrizzjoni titneħħa, liema talba tkun ikkunsidrata skont iċ-ċirkostanzi u l-mertu tal-każ individwali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fabbriki f'kull qasam industrijali separatament? Jista' jġħid kemm timpjega nies kull waħda minnhom maqsum skont minn 1-5 impjegati, minn 6-50 impjegati, minn 51 - 100 impjegati u aktar minn 100 impjegat u skont fejn qegħdin?
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu prodotti f'għajnuna mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-prodotti? Liema lokalitajiet ibbenefikaw minnhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-prodotti li tqassmu matul is-sena 2009 huwa kif muri fit-tabella hawn taħt:
Prodott
Ammont
Zokkor
12.114 tunnellati
Ġamm
‘il fuq minn 83,500 va¿ett
Ħalib Frisk
157,500 pakketti ta’ nofs litru
Ħalib skimmed
157,000 pakketti ta’ nofs litru
Yogurt
395,000 cups
Rikotta (porzjon ta’ 250g)
50,000 units
Ross
25.328 tunnellata
Għaġin
80 tunnellata
Dawn tqassmu lill-benefiċċjarji mill-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta jaħseb li se jiġi rranġat il-ġnien fl-area ta' Triq San Ġwann Bormla, quddiem il-Cospicua Rangers, wara ħafna snin ta' telqa? Ma jaħsibx li għaddew wisq snin sabiex għal sajf ieħor ir-residenti f'dik l-akwata jridu jħabbtu wiċċhom ma' dak it-tħarbit? Jista' għallinqas jagħti data, nittama finali, ta' meta se jibda u jitlesta dan ix-xogħol li l-permessi tiegħu huma approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Bormla — San Ġwann t'Għuxa - ġnien ħdejn l-appartamenti tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol fuq ġnien maġenb l-apparatamenti tal-gvern ta' San Ġwann t'Għuxa Bormla, issa ilu wieqaf għal numru ta' ġimgħat? Jista' jgħid meta suppost jitlesta x-xogħol mill-kuntrattur u jekk hemmx pieni jekk ix-xogħol ma jitlestiex fil-ħin miftiehem?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-proġett li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant qed isir mill-Kunsill Lokali u għaldaqstant nissuġerilu li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 16710 filwaqt li l-informazzjoni dwar il-membri tal-bord tal-Malta Financial Services Authority qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Kordin Grain Terminal? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Kalaxlokk Co. Ltd? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Diretturi tal-Kalaxlokk Co Ltd huma is-Sur Edwin Mamo bħala Chairman u s-Sur Marco Vella u s-Sinjura Claire Lateo bħala membri. Dawn il-membri ġew maħtura fis-16 ta’ Ġunju 2008. Ir-renumerazzjoni ta’ dawn il-membri hija ta’ €5813 fis-sena għaċ-Chairman u €1165 fis-sena għall-membri.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Gozo Heliport Co. Ltd? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Diretturi attwali tal-Gozo Heliport Limited huma s-Sur Ivan Falzon, li huwa wkoll c-Chairman, u s-Sinjura Charmaine Mallia Martin. Sa ftit ilu kien hemm ukoll is-Sur Mario Mizzi fuq il-Board però dan ta’ l-aħħar irreżenja minn Direttur fl-24 ta’ Mejju 2010. Is-Sur Falzon inħatar Chairman fis-26 ta’ Lulju 2007 u s-Sinjura Mallia Martin inħatret Direttur fis-27 ta’ Jannar 2009. Il-kumpanija m’għandhiex CEO u lanqas impjegati.
Ir-remunerazzjoni tad-diretturi hija ta’ €2,795 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Gozo Ferries Co. Ltd? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Malta Industrial Parks? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 16710 filwaqt li l-informazzjoni dwar il-membri tal-bord tal-Malta Industrial Parks qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Lotteries and Gaming Authority? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 16710 filwaqt li l-informazzjoni dwar il-membri tal-bord tal-Lotteries and Gaming Authority qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Kumitat Ornis? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kompożizzjoni tal-Kumitat u l-ħlas tagħhom.
Il-Kumitat tal-Ornis hu magħmul minn rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali u tal-kaċċa u nsib flimkien ma’ esperti fuq is-suġġett. Id-direttur tan-
Nature Protection Unit
fi ħdan il-MEPA huwa membru
de facto
ta’ dan il-Kumitat.
Il-Kumitat hu mmexxi minn
Chairman
li hu mgħejjun minn Segretarju. Il-karigi ta’ CEO u diretturi ma jeżistux f’dan il-Kumitat.
Kemm iċ-
Chairman
kif ukoll il-membri ma jgawdu minn ebda benefiċċju ieħor minbarra r-remunerazzjoni murija fit-tabella li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Accountancy Board? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Air Malta plc? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Auctioneers Board of Examiners? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Auctioneers Board of Examiners għadu fil-proċess sabiex jiġi appuntat.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tas-Central Bank? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15606. Dwar ir-remunerazzjoni tal-Gvernatur nikkonferma li l-pożizzjoni ma nbidlitx mit-tweġiba mogħtija għal dik il-Mistoqsija. Il-Gvernatur inħatar għall-ewwel darba fl-1 ta’ Ottubru 1999.
Id-Deputat Gvernatur qiegħed fuq kuntratt ta’ ħames snin, li beda fl-1 t’April 2010. Ir-remunerazzjoni tiegħu ġiet iffissata fil-livell ta’ €55,000 kull sena, mingħajr ebda
allowances
, u mhix se tinbidel matul iż-żmien li se jagħmel fil-kariga. Għalkemm hu ntitolat għall-użu ta’ telefon ċellulari /
PDA
li s-sejħiet minn fuqu jitħallsu mill-Bank, hu rrinunzja għall-użu ta’ karozza personali.
It-tlett Diretturi mhux Eżekuttivi tal-Bord inħatru għal perjodu ta’ ħames snin b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008, 1-14 ta’ April 2008 u t-23 ta’ Marzu 2009, rispettivament. Dawn huma is-Sinjur Victor Busuttil, is-Sinjura Antoinette Caruana u s-Sinjur Mario Micallef. Huma għandhom remunerazzjoni ta’ €4,800 fis-sena u €25 għal kull laqgħa tal-Bord li jattendu kif ukoll huma ntitolati għal benefiċċji taħt l-iskema tas-saħħa tal-Bank u għal ħlas tal-kont tat-telefon fiss tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Copyright Board? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Copyright Board huwa magħmul minn Chairman u żewg membri, li huma l-Imħallef Victor Caruana Colombo, Dr Aaron Mifsud Bonnnici u Dr Trevor DeGiorgio rispettivament u ilhom f’din il-kariga mid-19 ta’ Novembru 2008. Dawn jieħdu renumerazzjoni ta’ €18.63 (Chairman) u €13.48 (Membri) għal kull laqgħa jew seduta. Huwa ukoll possibli, li fuq talba speċifika u wara li l-uffiċċju jieħu l-approvazzjoni kemm tal-MPO kif ukoll tal-Ministeru tal- Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li jaqa taħtu dan l-uffiċċju, dawn jitħallsu forma ta’ benefiċċju għal xogħol li jkun sar relattat mal-funzjoni tal-Board.
Il-
Copyright Board
għandu wkoll
Chairman
sostitut, li huwa Dr Albert Manché, u membru sostitut li huwa s-Sur Alfred Balzan. Il-ħatra tagħhom għanda terminu ta' sentejn mid-19 ta' Novembru 2008, bħal dik taċ-
Chairman
u l-Membri. Ir-remunerazzjoni taċ-
Chairman
sostitut u tal-membru sostitut hija l-istess bħal dak taċ-
Chairman
u l-membri, jiġifieri ta' €18.63 (Chairman) u €13.48 (Membri) għal kull laqgħa jew seduta.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma ċ-chairpersons, diretturi, u chief executive officers ta' kull waħda minnhom? X'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment għandu seba’ awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma l-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-Awtorità ta’ l-Istatistika ta’ Malta, il-Malta Enterprise, il-Malta Industrial Parks, il-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Il-lista tac-chaipersons, diretturi u chief executive officers ta’ dawn l-awtoritaijiet u korporazzjoniet flimkien mar-renumerazzjonijiet rispettivi tagħhom huma kif imniżżla fit-tabella annessa.
Fil-każ tal-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, navża lill-Onor Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv fl-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta intemmet bl-emendi li saru fl-Att dwar l-MFSA u li ġew fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2002. B’riżultat ta’ dawn l-emendi, l-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv spiċċat u dan ir-rwol ġie diviż f’żewġ pożizzjonijiet, jiġifieri dak ta’ Direttur Ġenerali, li jservi wkoll bhala
Chairman
tal-Kunsill Regulolatorju u dak ta’ Kap tal-Operat Amministrattiv li jservi wkoll bħala
Chairman
tal-Bord Maniġerjali u Riżorsi. Is-salarji rispettivi huma kif ġej:
Direttur Generali €84,372 u benefiċċju ta’ użu ta’ karozza
Kap tal-Operat €65,739 u benefiċċju ta’ użu ta’ karozza