Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla – tender għal multi-level car park

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1278, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar pjanijiet sabiex il-multi-level car park li għalih kien inħareġ tender lura fis-sena 2014, jerġa’ jinħareġ u dan peress li żona li twaqqgħet quddiem l-Iskola Primarja ta' Bormla għal dan il-għan għadha fi stat ta' abbandun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata seduta oħra.

Bormla – istallazzjoni ta’ lift

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1033, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress fuq l-istallazzjoni ta’ lift fi blokka appartamenti, meta l-Ministru kien irrisponda li l-Awtorità tad-Djar għaddejja bil-preparazzjonijiet tagħha sabiex jitlesta l-BOQ tal-bini tax-shaft għal dan il-lift sabiex jiġi inkluż mal-offerta li jmiss li hija ppjanata li tinħareġ fiż-mien li ġej?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender komplut, inkluż il-BOQ imsemmi, ġie mħejji mil-lat tekniku u ġie mmexxi għall-fażi suċċessiva biex tkun maħruġa l-offerta.

Kottonera – reserved parking għar-residenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir reserved parking għar-residenti tal-Kottonera, b'mod partikolari d-dawra ta' fejn hemm l-irmiġġi u dan għax ħafna mill-parking spaces qed jittieħdu għal ġranet sħaħ kemm minn min juża l-ferry għax-xogħol jew mis-sidien tad-dgħajjes?

Response (FARRUGIA, AARON)

L-awtoritajiet se jkomplu jiddiskutu mal-kunsilli lokali rispettivi biex ikomplu jsibu s-soluzzjonijiet plawsibbli.

Twelid ta’ trabi permezz tal-IVF

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hawn twelid ta' trabi permezz tal-IVF matul l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ trabi imwielda mill-proċeduri tal- IVF (IVF u ICSi u IUI) mill- 2013 (minn meta giet stabilita l-Awotrita )sal-20 ta Gunju huwa ta 425 tarbija., Mic-ċikli li saru fi 2021, hu mistenni li jitwieldu 9 il-tarbija oħra minn MDH. Filwaqt li miċ-ċikli li saru fl-2022 sa issa hemm 18 nisa oħra tqal li qed jistennew 21 il-tarbija, 17 minn proċeduri f’Mater Dei u 4 minn proċeduri fil-Privat.

Bormla: Mitħna ta’ San Ġwann — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet avvanzati li kellha l-Awtorità tal-Artijiet biex il-Mitħna ta' San Ġwann, Bormla, li hi ta' żmien il-Kavallieri, tiġi restawrata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet tieħu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswija imma mhux ir-restawr.

Bormla: Mitħna fiż-Żona ta’ Santa Margerita — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex il-Mitħna fiż-Żona ta' Santa Margerita, Bormla, tiġi restawrata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet tieħu ħsieb il-manutenzjoni u t-tiswija imma mhux ir-restawr.

Bormla: Żona ta’ Dock 1 — irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-irmiġġi li hemm amministrati minn Transport Malta fiż-Żona ta' Dock 1, Bormla, jiġu upgraded u jkun hemm is-servizzi neċessarji?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona ta’ Dock 1 amministrata mill-Awtorità tat-Trasport, hemm servizzi tal-ilma għall-irmiġġi però f’dan l-istadju m’hemm l-ebda pjan biex jiġu introdotti servizzi oħra addizzjonali.

Tieni Distrett Elettorali – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jelenka liema toroq se jsiru fis-sentejn li ġejjin fiż-żona tat-Tieni Distrett Elettorali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Birgu Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa, parti minn Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq San Dwardu, Triq La Vallette, Pjazzetta San Filippu u Triq Patri Indri Vella. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet f’parti oħra ta’ Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq il-Miratur, Triq San Filippu u Misraħ ir-Rebħa kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1282. Fil-lokalità tal-Isla Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kunċizzjoni, Triq iż-żewġ Mini, Triq Portu Salvu, Triq is-Sur u Triq San Ġiljan. Diġà hemm ippjanat biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq il-Vitorja. Fil-lokalità ta’ Bormla Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Alessandra, Triq San Ġorġ, Triq il-Pellegrinaġġ, Triq l-Iljun, Triq l-Oratorju, Triq il-Polverista, Triq Santa Margerita, Triq il-Gendus u Triq ir-Regatta. Diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq San Franġisk u Triq Wiġi Rosato. Bħalissa Infrastructure Malta qed twettaq ukoll proġett b’investiment ta’ €2.2 miljun biex tirrestawra l-Mina ta’ Għajn Dwieli, waħda mid-daħliet ewlenin għall-ibliet ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu. L-aħħar dettalji dwar dan il-proġett tajthom fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1022. Apparti minn hekk, IM lestiet madwar tliet kwarti tal-proġett ta’ €5 miljun biex tagħti ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, il-Birgu, bi prominad ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera. Ix-xogħlijiet issa qed jidħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. Fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħljiet fi Triq Francis X. Attard, Triq Ħadd in-Nies, Triq in-Naħla, Sqaq San Franġisk, Trejqet San Franġisk, Triq bla isem fi Triq San Ġuzepp, Triq is-Serer, Triq in-Newl, Triq ir-Rand, Triq il-Fikus, Triq il-Ġiżimina, Triq Salvu Darmanin, Triq ix-Xgħajra, Triq iċ-Ċimiterju, Triq Manuel E Attard Bezzina, Triq il-Madaffa, Triq il-Luq, Triq Żabrella, Triq il-Figel, Triq il-Qaqoċċ, Triq Renato Agius Muscat, Triq Corrado, Triq il-Baħrija, Triq id-Dliela, Triq il-Werżieq, Triq iz-Zarzarell u triq ġdida fiha, Triq Bieb is-Sultan, Triq ġdida fi Triq is-Saħħara, Triq Alessio Erardi, Triq Santa Klara, Triq il-Bajada, Triq in-Nissieġ u Triq is-Santwarju. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fil-bypass l-antika li tagħti għal Wied il-Għajn, Triq Spadaro, Triq Strickland, Trejqa San Ġorġ Preca, Triq il-Karmnu, Triq Santa Tereza, Triq San Felice, Triq il-Qalb Imqaddsa u Triq A Caligari, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Ta’ Lanza, Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Sqaq Nru 1 fi Triq ix-Xgħajra, Triq Bormla, Triq Kapuċċini, Triq il-Labour u Triq Gianni Bonavia. Fil-lokalità tax-Xgħajra Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Ħaż-Żabbar, Sqaq l-Arkati, Triq il-Fortizza tal-Grazzja, Triq l-Iskola, Triq l-Ispnott, Triq Lapsi, Triq it-Tumbrell u Triq il-Mulett, waqt li bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq San Leonardu. Fil-lokalità tal-Fgura Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso, Triq il-Kitba u Triq Giacomo Matteotti, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol Triq il-Kampanella, Triq Għajn Dwieli u Triq il-Velleran. Fil-lokalità tal-Kalkara Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kapuċċini, Triq Rinella, Trejqet Francesco Chircop, Triq il-Ġir u Triq is-Sienja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Progress u triq ġdida fi Triq il-Kapuċċini, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fil-parkeġġ tal-Malta Film Facilities.

Tieni Distrett Elettorali – xogħlijiet marbutin mal-ambjent u tħaddir

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jelenka x-xogħlijiet li se jsiru fis-sentejn li ġejjin marbuta mal-ambjent u tħaddir fiż-żona tat-Tieni Distrett Elettorali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħa jsir tħawwil ta’ siġar tul il-promenade u fil-pjazza tal-Kalkara bħala parti mill-proġett ta riġenerazzjoni tal-promenade tal-Kalkara.

Birgu – xogħol fit-toroq u fil-pjazza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għal xogħol fit-toroq u l-Pjazza tal-Birgu għaż-żmien li ġej?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 toroq residenzjali u rurali minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, li jfisser li lestiet medja ta’ aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, bħal Marsa Junction Project u l-Breakwater tal-Qrejten, f’Marsaxlokk, filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Bħalissa Infrastructure Malta għaddejja bi proġett b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu sabiex tibni mill-ġdid u ssebbaħ il-Pjazza tar-Rebħa, il-pjazza ewlenija tal-Birgu, flimkien mat-toroq storiċi li jwasslu għaliha, fosthom Triq La Vallette, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq il-Miratur u Triq San Filippu. Uħud minn dawn it-toroq diġà lesti filwaqt li x-xogħol fl-oħrajn ser jibda fiż-żmien li ġej. Ix-xogħol f’dawn it-toroq qed jiġi kkordinat f’konsultazzjoni kontinwa mal-Kunsill Lokali Birgu, li għen fl-ipprogrammar tax-xogħol sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti u għal dawk li jżuru din il-belt. Meta tlesti dawn l-erba’ toroq, Infrastructure Malta mbagħad ser tibni mill-ġdid il-Pjazza nnifisha, b’servizzi tad-distribuzzjoni, bħal katusi tal-ilma ġodda taħt l-art, u pedamenti aktar b’saħħithom sabiex fuqhom imbagħad il-Ministeru għat-Turiżmu se jqiegħed pavimentar dekorattiv ġdid, fuq disinn tal-istess Ministeru. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent isbaħ u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Kottonera – Ġnien Kottoner

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex l-akbar żona mħaddra fil-Kottonera, ċjoè Ġnien Kottoner, tkun tista' tinbidel u titgawda minn aktar familji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Parks Malta bdew it-tħejjijiet sabiex fiż-żmien li ġej jiġi riġenerat Ġnien il-Kottonera. Fil-fatt, id-Diviżjoni msemmija ngħatat it-titlu tal-art u, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, ġie maqbul li f’din iż-żona jkun hemm spazju rikreattiv b’faċilitajiet sportivi varji. Is-sit se jiddawwar b’ilqugħ għal sigurtà ikbar u, filwaqt li f’parti minnu se tiġi żviluppata picnic area, il-parti l-oħra se tkun mgħammra b’diversi faċilitajiet għall-eżerċizzju fiżiku. Fid-disinn ġiet inkluża wkoll trakka tar-roti. Dawn l-iżviluppi se jkunu qed isiru b’attenzjoni biex jinżamm l-istat naturali tal-ġnien u titħares ukoll il-biodiversità eżistenti. Ix-xogħlijiet se jinqasmu f’fażijiet differenti u l-proġett għandu jitlesta sal-2024.

Kottonera – mużewijiet u postijiet ta’ interess miftuħin għat-turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-mużewijiet u postijiet ta' interess fil-Kottonera li huma miftuħin għat-turisti? Jista' jgħid jekk għandux data ta' kemm turisti żaru dawn il-postijiet separatament sena b'sena f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Il-Mużew Marittimu kien miftuħ għall-pubbliku sal-14 ta’ Marzu 2020, fejn imbagħad is-sit ġie magħluq biex jibda l-proġett ta’ restawr u riġenerazzjoni li għadu għaddej. PAYING ADMISSIONS YEAR FORT ST. ANGELO MARITIME MUSEUM INQUISITOR'S PALACE 2017 49876 21781 38897 2018 54313 22453 41310 2019 58351 21459 38626 2020 11729 3186 7057 2021 22575 0 14776 2022 18504 0 10762 NON PAYING ADMISSIONS YEAR FORT ST. ANGELO MARITIME MUSEUM INQUISITOR'S PALACE 2017 5329 5518 3060 2018 5894 3637 9253 2019 15771 4296 7349 2020 2423 262 1372 2021 2438 0 1875 2022 1863 0 1604 Kindly note that data for 2022 is as at 31st May 2022.

Kottonera – xogħlijiet f’żoni turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet ta' xogħol fl-area tal-Kottonera mill-Fondazzjoni għal żoni turistiċi għas-sentejn li ġejjin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi (FTZD) tinsab f’kuntatt mal-Kunsilli Lokali fl-inħawi tal-Kottonera biex jiġi stabbilit x’xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni huma meħtieġa. Intant, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tgħin lill-Kunsill Lokali tal-Birgu fir-restawr li qed isir fil-Berġa ta’ Franza u fi proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza prinċipali tal-Birgu.

Kottonera – xogħlijiet mid-Direttorat għar-Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jelenka x-xogħlijiet li hemm programmati għas-sentejn li ġejjin mid-Direttorat għar-Restawr fiż-żona tal-Kottonera?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħlijiet li hemm programmati għas-sentejn li ġejjin mid-Direttorat għar-Restawr fiż-żona tal-Kottonera huma elenkati fis-segwenti lista. XOGĦLIJIET PROGRAMMATI GĦAS-SENTEJN LI ĠEJJIN MID-DIRETTORAT TAR-RESTAWR FIŻ-ŻONA TAL-KOTTONERA · Bormla: Restawr tas-Sur u d-Daħla ta’ San Ġwann (Linji tal-Kottonera) · Birgu: Restawr tal-Bastjun ta’ Notre Dame Bastion (Linji tal-Kottonera) · Bormla: Restawr tas-Sur u l-Bastjun ta’ San Nikola (Linji tal-Kottonera) · Senglea: Restawr tas-Sur fi Triq is-Sur (contract awarded) · Birgu: Restawr ta’ partijiet mill-Bieb ta’ Notre Dame · Forti Rikażli: Restawr u rikostruzzjoni tal-faċċati tal-volti ġewwa s-sur li jħares fuq il-Port il-Kbir · Forti Rikażli: il-Fire Control Tower u Gun Position f’Bastjun Nru. 4 · Birgu: Restawr tal-faċċata tal-Berġa tal-Ingilterra · Bormla: Restawr tad-Daħla u s-Sur ta’ Santa Liena (Linji ta’ Santa Margherita) · Bormla: Restawr tal-Mitħna ta’ San Gwann t'Għuxa · Bormla: Restawr tal-Koppla tal-Knisja ta’ San Pawl · Bormla: Restawr tal-Kappella ta’ Santa Tereża · Bormla: Restawr tal-Faċċata tal-Knisja tas-Sorjiet tal-Klawsura · Bormla: Restawr tal-Knisja tan-Natività li hemm taħt l-art fi Triq l-Inkurunazzjoni · Senglea: Restawr ta’ statwi u niċeċ fil-lokalità.

Transport Malta – Irmiġġi f’Bormla u l-Isla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm irmiġġi (berths) amministrati minn Transport Malta fid-daħla ta' Dock 1 Bormla? Jista' jgħid kemm minnhom jinsabu fin-naħa ta' Bormla u kemm fin-naħa tal-Isla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 20 dgħajsa marbuta fid-daħla ta’ Dock 1 man-naħa ta’ Bormla li hija amministrata minn Transport Malta. In-naħa tal-Isla mhijiex amministrata mill-Awtorità.

Bormla – Berthing Place

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li l-Berthing Place li qed isir Bormla jibda jintuża mill-Ferry?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-moll għal-Landing Place f’Bormla għas-servizz tal-Harbour Ferry huwa mistenni li jitlesta u jibda jintuża sal-aħħar ta’ Ottubru 2022.

Bormla – tender għall-multi level car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet sabiex il-multi-level car park li għalih kien inħareġ tender lura fis-sena 2014, jistax jerġa’ jinħareġ u dan peress li żona li twaqqgħet quddiem l-Iskola Primarja ta' Bormla għal dan il-għan għadha fi stat ta' abbandun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Bajja tar-Rinella — upgrade

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-unika bajja ramlija fil-Port il-Kbir, ċjoè l-Bajja ta' Rinella, tingħata upgrade bħal żieda ta' ramel u aċċessorji tal-bajjiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin saru diversi studji fiż-żona tal-Bajja tar-Rinella, liema studji ma jagħtux stampa konklussiva ta’ kif l-aħjar li jsiru l-interventi fil-bajja biex jiżdied l-ammont ta’ ramel. Min-naħa tad-Diviżjoni tat-Tindif, matul ix-xahar li għadda wettqet ħidma ta’ upkeep fil-promenade tar-Rinella – sar xogħol ta’ żebgħa, u twaħħlu kontenituri tal-iskart u ashtrays. Qed isir ukoll manutenzjoni fuq l-injam li hemm tul il-bajja. Il-ħsieb huwa li jinbidel kollu u jsir ġdid fil-ġranet li ġejjin.