Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10867 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta waqaf li jsir użu tal-kumpless White Rocks? Fiex wasal il-proġett tal-White Rocks li kien ilu jiġi mwiegħed u minħabba fi prospetti ta’ żvilupp kien ingħalaq dan il-kumpless?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat f’mistoqsija parlamentari numru 21644.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — kumpaniji tal-awdituri
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-kumpaniji tal-awdituri li jagħmlu xogħol lill-korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew magħżula u kif saret is-sejħa? X'inhu l-pakkett finanzjarju li ngħatat kull kumpanija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Bormla — Dock 1 - pjanti tax-xogħol infrastrutturali
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħol infrastrutturali li qed isir f'Bormla marbut ma' Dock 1? Jista' jpoġġi ukoll xi artists' impressions tal-istess proġett?
applikazzjoni għal work permit għal footballer barrani
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk meta ssir talba għall-applikazzjoni għall-work permit minn club tal-football Malti għal player barrani partikolari, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ toħroġx sejħa għal din il-vakanza? Kemm-il dabra saret matul dawn l-aħħar snin, din l-inizjattiva?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tikkonferma li meta jkun hemm talba għall-ħaddiema li mhux ċittadin tal-Unjoni Ewropea inklużi footballers, l-Korporazzjoni tpoġġi din it-talba għall-ħruġ ta’ liċenzja fil-Vacancies database tagħha – dan b’osservazzjoni għal Regulation (EEC) 1612/68, u biex iċ-ċittadini Ewropej jingħataw iċ-ċans japplikaw u jiġu kkonsidrati għal dan ix-xogħol.
Dan l-obbligu ilu jiġi osservat minn mindu l-funzjoni tal-ħruġ ta’ liċenzji ingħatat lill-Korporazzjoni, bid-differenza li f’dawn l-aħħar ġimgħat dawn it-tip ta’ vakanzi issa qed jidhru wkoll fuq is-sit tal-EURES.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien kollha ta' minibuses humiex eżentati milli jiġbru u jħallsu t-taxxa tal-VAT fuq trasport ta' tfal għall-iskola?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont id-disposizzjonijiet ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud trasport ta’ tfal għall-iskola minn sidien ta’ minibuses jkun eżenti mill-VAT kemm-il darba tali trasport ikun organizzat jew provvist minn uffiċċju ċentrali jew minn stabbiliment edukattiv rikonoxxut bħala tali mill-Kummissarju tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru applikazzjonijiet għal work permit minn footballers sabiex jilagħbu l-football matul is-sena 2010 u fl-ewwel xhur tas-sena 2011? Kemm minnhom ġew rifjutati, x'kienet ir-raġuni u minn liema pajjiż kienu ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ Liċenzji tax-Xogħol għal nies li mhumiex ċittadini ta’ Malta ma jsirux mill-individwi nfushom imma jridu jsiru minn min se jħaddimhom.
In-numru ta’ applikazzjonijiet li rċiviet il-korporazzjoni għal ħruġ ta’ liċenzji għal-
footballers
fl-2010 kien ta' 67 filwaqt li s’issa fl-2011 irċiviet 14.
S’issa għall-applikazzjonijiet li saru fl-2011 ma kien ebda applikazzjoni rifjutata.
Mill-applikazzjonijiet li saru fl-2010 ġew rifjutati 5. Il-persuni li kellhom jiġu ngaġġati kienu 3 min-Nigerja, 1 mill-Brazil u ieħor mis-Serbia u Montenegro.
Tlieta minn dawn l-applikazzjonijiet ġew irrifjutati wara oggezzjoni min-naħa tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni. Applikazzjoni oħra ġiet irrifjutata għaliex l-applikant ma għadhiex informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Korporazzjoni dwar l-applikazzjoni u l-ħames rifjut kien abbażi ta’ ngaġġ illegali qabel il-ħruġ tal-Liċenzja.
Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa tal-Beadle fl-Università ta' Malta? Kemm saru interviews? Kemm se jidħlu u meta? Kemm hemm fuq il-waiting list? Tista' tgħid ukoll kemm minnhom huma rreġistrati bħala persuna b'diżabilità?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm 147 applikant għall-post tal-Beadle fl-Università u 116-il applikant kien msejjaħ għal interview. Ġew magħżula 11-il persuna u qegħdin fuq il-waiting list. Ħadd minn dawn il-persuni ma avża lill-Università li huma rreġistrati bħala persuna b’diżabilità.
Tista' l-Ministu tgħid jekk il-blokka bini hi hemm fi Triq il-Pellegrinaġġ kantuniera ma' Sqaq l-Iskoċċiżi, Bormla hux se jkun involut fl-islum clearance li se jsir fis-snin li ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala parti mill-progett ta’ reġenerazzjoni urbana f’din iż-żona ta’ Bormla, fil-preżent għaddejja ħidma mill-Awtorità Tad-Djar biex ikun jista’ jitwaqqa’ l-bini bejn Triq l-Irlandiżi u Triq Hanover. Huwa ppjanat li din iż-żona tiġi riabilitata kollha fis-snin li ġejjin.
Bormla — Xogħlijiet f'St Nicholas Married Quarters
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24118 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq ir-residenzi f'St Nicholas Married Quarters f'Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għalqet fil-15 ta' Marzu u x-xogħlijiet għandhom jinbdew wara li titlesta l-evalwazzjoni tal-offerti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlaemtari 24117 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq ir-residenzi fil-Verdala Housing Estate, Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għalqet fil-15 ta' Marzu u x-xogħlijiet għandhom jinbdew wara li titlesta l-evalwazzjoni tal-offerti.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — kuntratti
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex ma daħlu fl-ebda kuntratt ta' servizz ta' sigurtà jew tindif ma' kumpaniji u kuntratturi privati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Air Malta, sena b'sena u skont il-grad, mis-sena 2000 sal-lum? Jista' jgħid liema kienu fuq bażi każwali u liema fuq bażi permanenti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Malta Enterprise tgħolli l-kirjiet tal-fabbriki li hemm fl-industrial estates? Jista' jgħid kemm se tkun il-krija l-ġdida, u minn meta se tibda?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġà ġie irrappurtat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23661 ir-rati tal-kirjiet il-ġodda ġew introdotti mill-1 ta’ Ottubru 2009. M'hemmx l-intenzjoni li dawn ir-rati u l-kirjiet jinbidlu sal-2013. Il-kirjiet huma regolati mill-Malta Industrial Parks Limited u mhux mill-Malta Enterprise.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskeda tal-kuntratti mitluba tinsab fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfroma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għalhekk tweġiba tinghata f'xi seduta oħra.