Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq ta' fejn kienu jsiru tlielaq tal-karting

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex dik it-triq fejn fiha kienu jsiru t-tlielaq tal-karting ġewwa Ħal Far ingħalqet?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29187.

Ħal Far — Island Karting Club - korsa ġdida

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-Gvern u l-awtorità konċernata jħallu lill-Island Karting Club tkompli tuża l-korsa temporanja li hemm f'Ħal Far għal xi ftit xhur oħra sakemm il-korsa l-ġdida fl-art li alloka l-gvern ġewwa Ħal Far ukoll tkun tista' tibda tintuża?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li dan mhux possibbli għaliex dik it-triq tintuża mill-fabbriki eżistenti għall-operat tagħhom. Dan minbarra li l-Malta Industrial Parks qiegħda tippjana li tibni fabbriki ġodda f’din iż-żona industrijali u din it-triq tinsab fin-nofs.

Island Karting Club — użu ta' triq f'Ħal Far

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha u/jew il-Kunsill Malti għall-Isport kenux mgħarrfa minn qabel li l-korsa temporanja tal-karting li hemm ġewwa Ħal Far fi triq li ma tinfed għal imkien u li tintuża mill-Island Karting Club nhar ta' Sibt u Ħadd xi drabi matul is-sena kellha tingħalaq? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid jekk il-Ministeru tagħha għamilx xi ħaġa biex jipprova jtawwal iż-żmien li l-Island Karting Club ikun jista' jkompli jagħmel użu minn din it-triq li ma tinfed għal imkien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istess Island Karting Klabb u l-Malta Motorsport Federation infurmaw lis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport u l-Kunsill Malti għall-Isport dwar il-fatt li l-korsa kienet se tingħalaq f’Jannar ta’ sentejn ilu, iġifieri f’Jannar 2009. Dak iż-żmien is-Segretarjat Parlamentari laqqa l-partijiet kollha konċernati mal-Malta Industrial Parks u ntalbet konċessjoni biex minkejja li ma hemmx titlu, jibqa’ jsir użu mill-art sa Settembru 2010, minħabba li l-Island Karting Club kien qed jippjana li sa dakinhar ikun lesta l-korsa tiegħu fuq art li kien ingħata mill-gvern fis-sena 2002.

Island karting Club — track magħluqa

Question

Meta wieħed jiftakar li fis-7 ta' Awwissu, il-Prim Ministru inawgura l-ground tal-football fil-Għargħur u fil-11 t'Awwissu l-Prim Ministru inawgura l-Exiles Sports Club f'Tas-Sliema, u kien rapportat li qal li l-faċilitajiet tal-isport qegħdin fiċ-ċentru tal-għan tal-gvern li jippromovi l-isport, tista' l-Ministru tgħid kif tispjega li f'inqas minn xahar l-unika post li kellhom l-Island Karting Club fejn jorganizzaw l-attivitajiet sportivi tagħhom ingħalaq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-isport huwa tassew fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern. Dan jista’ jixhdu in-numru kbir ta’ skemi u ta’ inizjattivi li ġew imnedija matul dawn l-aħħar tlett snin. F’din l-aħħar sena biss il-Gvern ikkommetta ruħu li jissieħeb mal-Malta Football Association biex isiru, mhux biss il-grawnd tal-Għargħur, iżda 16-il grawnd tal-futbol ġdid. L-inizjattivi fin-naħa tal-motorsport ukoll ma kienux neqsin. Jirriżulta li l-Island Karting Club kien qed jokkupa propjeta tal-Malta Industrial Parks mingħajr ma kellu titlu fuqha. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Island Karting Club — korsa ġdida

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'faċilitajiet sportivi jista' joffri l-Gvern lill-Island Karting Club għall-isport tagħhom sakemm il-korsa l-ġdida tkun f'pożizzjoni li tista' tintuża?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Malta Motorsport Federation biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi għal dawk id-dilettanti li kienu jipprattikaw l-isport tagħhom, mingħajr titlu, fiż-żona ta’ Ħal Far fuq proprjetà tal-Malta Industrial Parks.

Għaqda mid-Dlam għad-Dawl — Appartamenti f'Bormla

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar mal-Għaqda Mid-Dlam għad-Dawl fuq numru ta' appartamenti f'Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Bormla — Mini ta' Għajn Dwieli u Triq San Franġisk - Traffic Management Assessments

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx traffic impact assessment tal-bidla tal-bankina li hemm bejn il-Mini ta' Għajn Dwieli u n-niżla Triq San Franġisk Bormla? Jista' jgħid meta din il-bankina ġdida se jkollha xi dwal sabiex jindikaw il-bidliet li saru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-junction imsemmija mill-Onorevoli Interpellant saret bħala kundizzjoni magħmula mill-MEPA b'rabta mal-ħruġ tal-permess għax-xogħlijiet li qed isiru fix-xatt ta' Bormla u l-Birgu. Sadattant, fil-ġranet li għaddew saru s-sinjali tat-traffiku u fil-ġranet li ġejjin se jsiru marki oħra bil-għan li titjieb il-viżibilità fl-imsemmija junction .

Bormla — Triq il-Kottonera - Għadajjar

Question

Issa li Triq il-Kottonera, Bormla, ingħatat wiċċ ġdid, jista' l-Ministru jgħid jekk din it-triq ġietx approvata u dan peress li f'naħa minnhom għadha żżomm għadajjar kbar wara kull xita?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq għadha ma ġietx approvata minn Transport Malta sakemm jitlesta l-proċess ta’ verifika teknika.

Peripatetic Drama Teachers — riżultat finali

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta saret l-aħħar sejħa għal Peripatetic Drama Teachers? Kemm kienu dawk li applikaw? Kif saret l-għażla finali? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultat finali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-aħħar sejħa għall-peripatetic drama teachers saret fis-7 ta’ Jannar 2011 u kien hemm erbatax-il applikant. L-għażla finali saret b’intervista. Annessa kopja tar-riżultat finali.

Skejjel phased out

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-iskejjel li se jkunu phased out matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel li se jkunu phased out matul il-ħames snin li ġejjin huma dawn: Kulleġġ San Benedittu, Sekondarja Bniet, Tarxien Kulleġġ Santa Margerita, Sekondarja Bniet, Bormla Kulleġġ Santa Margerita, Sekondarja Subien, Verdala (Fortini Annexe) Kulleġġ Santa Klara, Sekondarja Subien, Gżira Kulleġġ San Ġorġ Preca, Sekondarja Bniet, M'Assumpta Kulleġġ San Ġorġ Preca, Sekondarja Subien, Marsa Kulleġġ San Nikola, Sekondarja Subien, Mtarfa Kulleġġ San Nikola, Sekondarja Bniet, Rabat Kulleġġ San Tumas More, Sekondarja Subien, Raħal il-Ġdid

Ħal Far — użu ta' triq li ma tinfed imkien - Island Karting Club

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'użu qed isir mit-triq li ma tinfed imkien ġewwa Ħal Far (it-tarf tar-runway antika) u li kienet tintuża bħala korsa tat-tlielaq tal-karting nhar ta' Sibt u l-Ħadd xi drabi matul is-sena mill-Island Karting Club u xi oħrajn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art in kwistjoni hija amministrata mill-Malta Industrial Parks Limited skond il-Kap 169 tal-Liġijiet ta’ Malta, u hija triq biswit fabbriki li jimmanifatturaw prodotti ta' valur mizjud għoli bħalma huma l-farmaċewtiċi. It-triq hija parti minn network ta' toroq ġewwa Ħal Far u ser tingħaqad ma' toroq oħrajn bħala parti minn proġett ta' titjib fl-infrastruttura taż-żona industrijali ta' Ħal Far.

Marsa Sports Grounds — pjanijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-pjanijiet għall-Marsa Sports Grounds?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa tinsab miftuħa sejħa għall-interess ta’ investituri prospettivi għall-proġett tal-Villaġġ Sportiv tal-Marsa. Din is-sejħa tagħlaq fil-25 ta’ Ottubru 2011.

White Rocks — proġett ta' villaġġ sportiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jekk kienx hemm xi progress fuq il-proġett ta' villaġġ sportiv fil-White Rocks?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-negozjati dwar il-proġett tal-White Rocks Sports and Leisure Village għadhom għaddejjin. L-informazzjoni neċessarja tingħata meta n-negozjati jiġu konklużi.

post għall-isport tal-karting

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-delettanti tal-karting ikollhom post fejn jippratikaw l-isport tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Island Karting Club ilu li ngħata art f’Ħal Far biex tkun żviluppata fi track tal-Karting sa mill-2002. Il-valur ta’ din l-art hu stmat li hu ta’ €384,000. Barra minhekk qed isiru diskussjonijiet mal-Malta Motor Sport Federation biex jinstabu alternattivi biex dawn id-dilettanti jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom.

Għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema li qed jgħallmu l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-iskejjel Sekondarji tal-Istat hemm 92 (tnejn u disgħin) għalliema tal-edukazzjoni Fiżika. Dan l-ammont ma jinkludix l-għalliema peripathetic li jgħallmu fl-iskejjel Primarji tal-Istat.

edukazzjoni fiżika — lezzjonijiet fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fil-klassijiet primarji u sekondarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni jirrakkomanda li jsiru erbgħa lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel Primarji iżda n-numru ta’ lezzjonijiet ivarja minn skola għal skola u ukoll ġo l-istess skola. Lezzjoni waħda fil-ġimgħa ssir mill-għalliem Peripatetic filwaqt li lezzjonijiet oħra jsiru mill-għalliema tal-klassi. Fl-iskejjel Sekondarji n-numru ta’ lezzjoni huwa kif ġej: Form 1 u 2 – 2 lezzjonijiet fil-ġimgħa Form 3,4 u 5 – lezzjoni waħda fil-ġimgħa Minbarra fil-każ tal-Kulleġġ San Benedittu Sekondarja Subien Kirkop fejn isiru : Forms 1 u 2 – 3/4 lezzjonijiet fil-ġimgħa Forms 3, 4 u 5 – 2/4 lezzjonijiet fil-ġimgħa

KMS — appointment tas-CEO

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta kien ħa l-appointment iċ-Chief Executive Officer il-ġdid tal-Kunsill Malti għall-Isport? Meta spiċċa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ- chief executive officer tal-Kunsill Malti ghall-iSport ħa l- appointment tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2011 u spiċċa fis-16 ta’ Settembru 2011.

KMS — post vakanti ta' CEO

Question

Peress li jidher li l-Kunsill Malti għall-Isport jinsab mingħajr chief executive officer għax li kien hemm jidher li mar lura fiċ-Ċivil, tista' l-Ministru tgħid jekk dan il-post, issa vakant, hux se jerga' jimtela? Jekk ir-risposta hija fil-pożittiv, tista' tgħid kif se jimtela dan il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-post vakanti ta’ Kap Eżekuttiv mal-Kunsill Malti għall-iSport se jimtela’ wara li jkunu segwiti l-proċeduri kollha stabbliti meta jkun hemm vakanzi simili.

KMS — informazzjoni dwar il-coaches

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm coaches differenti mal-Kunsill Malti għall-Isport? Tista' tgħid x'inhi r-remunerazzjoni tagħhom u f'liema dixxiplina qegħdin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport fil-preżent għandu 47 coach part-time jaħdem miegħu. Dawn diġà kienu assenjati fid-diversi programmi sportivi u akkademji tal-KMS li saru f’diversi ħinijiet u ġranet tal-ġimgħa matul is-sajf li għadda li kienu jinkludu Summer On The Move, Active Youngsters, Sports Buzz u l-akkademja tal-għawm. Issa, flimkien ma’ numru ta’ coaches oħra li għad iridu jiġu ngaġġati, se jiġu impenjati fi Skola Sport, mal-iSport Promotion Unit u numru ta’ akkademji tal-KMS. Il-programmi sportivi tal-KMS jinkorporaw fihom diversi dixxiplini u ħiliet bażiċi sportivi fosthom Abseiling, Aerobics, Aikido, Atletika, Badminton, Ballet, Baseball, Basketball, Billiards, Bowling, Canoeing, Climbing, Ciklizmu, Danza, Ghawm, Ibburdjar, Karate, Futbol, Ġinnastika, Handball, Hip Hop, Judo, Karting, Kayaking, Kendo, Netball, Orienteering, Rugby, Scuba Diving, Snooker, Tennis, Volleyball u Weightlifting, kif ukoll ħiliet bażiċi fl-isport. Ir-rata tal-ħlas tal-coaches tvarja minn €8.15 sa €12.81 gross kull siegħa skont il-kwalifiċi u l-esperjenza tagħhom.

KMS — sports biż-żwiemel

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jikkonsidra jew jekk qatt ikkonsidra li jixtri xi żwiemel sabiex jgħallem l-isport taż-żwiemel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Kunsill Malti għall-iSport qed jaħdem sabiex iwaqqaf akkademja tat-trott u tal-galopp għat-tfal u għaldaqstant qiegħed f’taħdidiet biex jinxtraw numru ta’ ponijiet.