Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #33312 Sitting 461 2012-03-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati li għandhom dottorat u/jew masters

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm impjegati maċ-ċivil bi kwalifika akkademika (dottorat u/jew masters) li jinsabu jaħdmu mal-Gvern fi skala ta' anqas minn dik ta' Assistent Direttur, jiġifieri fi skala 8 sa 16? F'liema qasam hi l-kwalifika tagħhom? X'inhu l-grad (pożizzjoni) u l-iskala attwali tagħhom, f'liema Dipartiment huma llum impjegati u jekk ix-xogħol tagħhom hux relatat mal-kwalifika tagħhom? Jista' jagħti lista separata ta' min huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi skont stħarriġ li sar mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika rigward il-kwalifiki u l-ħiliet tal-impjegati fis-Servizz Pubbliku, preżentement hemm 30 uffiċjal pubbliku li l-għola kwalifika tagħhom hija Dottorat u 1116-il uffiċjal pubbliku li l-għola kwalifika tagħhom hija Masters li preżentement qegħdin fi Skala ta’ Salarju ta’ anqas minn dik ta’ Assistent Direttur, jiġifieri minn Skala 6 sa Skala 20. Biex tingħata risposta sħiħa u dettaljata rigward il-qasam tal-kwalifiki, l-gradi, id-Dipartimenti, dwar jekk ix-xogħol tagħhom hux relatat mal-kwalifika tagħhom, u lista ta’ min huma, hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, irid jiġi ddedikat ħafna ħin li jista’ jiġi użat għal xogħol aktar produttiv u li jista’ jħalli aktar frott għal pajjiżna, sakemm ma ningħatax raġuni valida għal dan.
Leg 11 PQ #33325 Sitting 461 2012-03-27 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati maċ-ċivil li m'għandhomx Baċellart, Master jew Dottorat

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm impjegati maċ-ċivil, full-time, part-time bit-telework, jew reduced hours li m'għandhomx kwalifika akkademika (bħal Baċellerat, Masters jew Dottorat), li jinsabu jaħdmu mal-Gvern fi skala bejn 1 u 7? X'inhu l-grad (pożizzjoni) u l-iskala attwali tagħhom, f'liema Dipartiment huma llum impjegati? Meta kienu maħtura f'dik il-pożizzjoni? Jista' jagħti lista separatament ta' min huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li skont stħarriġ li sar mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika rigward il-kwalifiki u l-ħiliet tal-impjegati fis-Servizz Pubbliku, preżentement, hemm 650 uffiċjal pubbliku li qegħdin fl-iskali ta’ salarju bejn Skala 1 u Skala 7, li m'għandhomx kwalifika akkademika (bħal Baċellerat, Masters jew Dottorat). Biex tingħata risposta sħiħa u dettaljata rigward jekk jaħdmux bir- reduced hours jew bit- telework , il-gradi, d-Dipartimenti, meta kienu maħtura fil-pożizzjoni preżenti tagħhom, u lista ta’ min huma, hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, irid jiġi ddedikat ħafna ħin li jista’ jiġi użat għal xogħol aktar produttiv u li jista’ jħalli aktar frott għal pajjiżna, sakemm ma ningħatax raġuni valida għal dan.

Ministeru tal-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar ħlas ta' użu ta' sptar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31706 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux minnu li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, intalbet tħallas mal-€1000 bħala spiża meta kienet rikoverata l-isptar? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti spjegazzjoni kif waslu għal dan l-ammont?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32122.

każ ta' tnaqqis mill-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tnaqqsilha ammont ta' aktar minn €1000 mill-pensjoni tagħha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

skema dwar ċens fuq proprjetà residenzjali

Question

Peress li ftit ilu d-Dipartiment tal-Artijiet ħareġ skema sabiex ikun jista' jinfeda ċ-ċens fuq proprjetà residenzjali, jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix skema simili għal proprjetà kummerċjali? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li skema simili tkun imnedija fil-futur għal proprjetà kummerċjali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskema eżistenti għal fidi ta’ ċnus fuq proprjeta’ residenzjali tnediet sabiex aktar individwi jkunu jistgħu isiru sidien ta’ darhom u ma teżisti l-ebda skema simili għal fidi ta’ ċnus dovuti fuq proprjeta’ kummerċjali. Ma hemm l-ebda ħsieb li fil-futur qarib ikun hemm xi skema simili għal proprjeta’ kummerċjali.
Leg 11 PQ #33268 Sitting 460 2012-03-26 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Drama Teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa għal Drama Teachers to serve in the Peripatetic Service in State Colleges and at the Drama Unit ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar sejħa għal Applications for Drama Teachers to serve in the Peripatetic Service in State Colleges and the Drama Unit in Malta kien hemm 29 applikazzjoni, 26 minn Malta u 3 minn Għawdex.

tnaqqis mill-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-pensjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kif ukoll qed jintalab iħallas ħlas lura bħala over payment is-somma ta' €1912 u dan kull m'għandu dħul mill-pensjoni barranija hija mat-€28 fix-xahar?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

sussidju għall-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi ċċekkjat is-sussidju għall-enerġija li jirċievi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li qegħdin ħames minn nies u l-ammont li qed jirċievi jidher baxx wisq?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Jien infurmat li d-Dipartiment mhux f’posizzjoni jagħti t-tweġiba minħabba nuqqas ta’ dettalji personali mogħtija mill-interpellant. Għaldaqstnat nitlob l-interpellant jipprovdi iżjed dettalji tal-persuna li fuqha saret l-interpellanza sabiex id-Dipartiment ikun jista jagħti l-informazzjoni.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — flus f'konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taht id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jghid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — kuntratti għas-servizz ta' skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aperturi tal-injam

Question

Peress li matul l-aħħar snin, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet iddecidiet li l-aperturi u bibien tal-aluminium li kien hemm fil-Pjazza tal-Birgu u toroq oħra fl-istess lokalità kellhom jinbidlu f'oħrajn tal-injam, jista' l-Ministru allura jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ingħata permess li l-appartamenti u l-lukanda fix-xatt ta' Sant'Anglu jkunu kollha tal-aluminium ?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq iż-żewġ siti tal-appartamenti u l-lukanda fix-xatt tal-Birgu, tfassal Development Brief li jistabilixxi l-parametri ta' żvilupp aċċettabli f'din l-area. Il-filosofija mħaddna fid-disinn tal-blokka ġdida tal-appartamenti hija waħda li żvilupp ġdid għandu juża idjoma moderna filwaqt li jirrispetta l-grammatika tal-post. Għalhekk, fil-ponta tal-Birgu ġiet disinjata blokka moderna u ntużaw materjali "moderni" bħal ħadid u ħġieġ. Infurmat illi l-permess għall-appartamenti (PA 1043/00) kien ħareġ fit-30 ta’ Marzu 2000. Min-naħa l-oħra, il-lukanda fix-xatt tal-Birgu ġiet disinjata fuq stil barokk. Il-permess li ġie approvat fl-14 ta' Frar 2008 (PA 4262/01) jispeċifika li l-aperturi għandhom ikunu tal-injam.
Leg 11 PQ #32443 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kunsill Malti għall-Isport — Shooting simulator

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-Kunsill Malti għall-Isport xtrat shooting simulator ? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid meta nxtara, kemm inxtara, mingħand min inxtara u kif ġie deċiż mingħand min jinxtara' ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Malti għall-iSport ma xtarax shooting simulator iżda permezz tal-iskemi tiegħu assista lill-Federazzjoni għall-Isparar biex tixtri wieħed.

Works Division

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema tal-Works Division ilhom ix-xhur ma jinbidlilhom is-safety shoes ? Jista' jgħid x'inhi r-raguni ? Kull meta hu ntitolat kull impjegat tal-Works Division li jibdel is-safety shoes imqatta' ma' ieħor ġdid ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policy addottata hija li jinħarġu kull sena par ta 'żarbun tas-sigurtà u par ‘Boots’ tas-sigurtà lill-dawn il-ħaddiema fost tagħmir protettiv ieħor personali. F’faż li xi wieħed miż-żraben tas-sigurtà jew il-‘Boots’ tas-sigurtà jitqattgħu u jkun kostatat li jkun tqatta minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dan il-par żarbun jew boots tas-sigurtà jigi mibdul.

grad ta' persuna taħdem maċ-ċivil

Question

Jista' l-Ministru jara l-grad tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kien chargehand mal-privat, ikollu dan il-grad miġjub fl-istess grad ma' impjegati tal-istess grad fiċ-ċivil u dan peress li qed iħoss li hu żvantaggjat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li l-persuna indikata għandha grad mal-gvern, u għaldaqstant jista’ jingħata grad mas-Servizz Pubbliku biss skont id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

voucher li għandu ma ntbagħatx

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raguni għaliex il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma rċevitx iċ-ċekk ta' darba tal-benefiċċju tal-enerġija li kien intbagħat xi sentejn ilu u dan għaliex hi bagħtitu lura għax kien fuq żewġha mejjet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #32126 Sitting 454 2012-03-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

membru tal-Forzi Armati li jkun għadda bord

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ex membru tal-Forzi Armati li jkun għadda bord tal-invalidità, ikunx intitolat għal xi żidiet li joħorġu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li hemm distinzjoni ċara bejn il-pensjoni tas-Servizz imħallsa mit-Teżor lill Ex Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li jkunu għaddew Bord minħabba kundizzjoni medika li ma tippermettix li jibqgħu iservu fl-Armata, u , l-Pensjoni tal-invalidità li taqa’ taħt l-Att tas-Sigurtà Soċjali. Il-pensjoni tas-Servizz hi maħduma fuq l-aħħar salarju pagabbli qabel it-tmiem mis-servizz u ma tiżdied qatt filwaqt li l-Pensjoni tal-invalidità, mħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tiżdied kull sena permezz tal-COLA.
Leg 11 PQ #32127 Sitting 454 2012-03-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

perusni li għandhom il-BA

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni li għandhom BA f'xi lingwa u qed jirreġistraw għax-xogħol? Tista' tgħid kemm hemm għal kull lingwa u kemm ilhom jirreġistraw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Kalkara — Bus shelter

Question

Peress li minn ftit tax-xhur ilu, l-uniku bus shelter li kien hemm fix-Xatt tal-Kalkara tneħħa, jista' l-Ministru jara jekk dan jistax jerga' jitpoġġa f'postu, jew inkella ssir xi ħaġa sabiex dawk li jkunu qed jistennew tal-linja jkollhom fejn jistkennu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lil Transport Malta.
Leg 11 PQ #32441 Sitting 454 2012-03-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għaqdiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx għaqdiet sportivi li kienu mwiegħda kumpens sabiex jaghmlu dope tests u sal-lum għadhom jistennew dan il-kumpens finanzjarju? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid liema huma dawn l-għaqdiet? Kemm hu l-ammont dovut? Meta taħseb li dan ser jingħata lilhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li hemm erbgħa għaqdiet li għadhom qed jistennew kumpens li kien mwiegħed lilhom fuq dope tests. Il-ħlas għadu ma sarx għax l-għaqdiet għadhom ma ppreżentawx l-irċevuti li jikkonfermaw li t-testijiet fil-fatt saru. L-għaqdiet huma l-Aquatic Sports Association, il-Malta Football Association il-Malta Rugby Football Union u l-Malta Triathlon Association. L-ammont dovut huwa ta’ 19,438 ewro. ll-pagamenti ikunu jistgħu isiru appena l-għaqdiet jippreżentaw l-irċevuti relattivi