Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xgħajra — f'Ta Barkatt - irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34564 li oriġinarjament saret lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux konxju li trakkijiet mgħobbija waste ġej mill-impjant f'Ta Barkatt Xgħajra, qed jgħaddu miċ-ċentru ta' Bormla, u jħallu irwejjaħ kbar? Jista' jgħid jekk dawn hux se jibqgħu jgħaddu mill-istess rotta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rotta tat-trakkijiet li jieħdu l-waste minn Ta’ Barkat ma tistax tinbidel. Din ġiet magħżula sabiex jiġi imminimiżżat l-inkonvenjent għal dawk li joqogħdu fl-inħawi tal-madwar ta’ l-impjant. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma immodifikat ħames skippijiet sabiex dawn ikunu ssiġillati waqt it-trasport tal-materjal. Xi ftit trips għadhom qed isiru bi skippijiet mikxufin iżda dawn ser jiġu mibdula b’oħrjan issiġillati f’Ġunju li ġej u b’hekk l-inkonvenjent ta’ l-irwejjaħ ser jiġi prattikament eliminat.

operazzjonijiet tal-hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-hip replacement minn Jannar 2012 sal-lum fl-Isptar Mater Dei u fi sptarijiet oħra, bl-ispiża tinġarr mill-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-15 ta’ Mejju 2012 f’Malta saru 53 operazzjoni tal-hip replacement fl-Isptar Mater Dei. Ma saret l-ebda operazzjoni tal-hip replacement fi sptarijiet oħra bl-ispiża tinġarr mill-Gvern. Għal informazzjoni dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom out of stock il-pilloli Warfarin? X'inhi r-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-aħħar kunsinna ta’ Warfarin 1mg, 3mg u 5mg waslet fl-4 ta’April 2012, fi kwantita ta’ 3,861 x 28 tabs minn kull doża. L-aħħar tqassim ta din il-mediċina seħħ kif inhu ndikat hawn taħt; 1. Warfarin 3mg – kwantita 50 kaxxa għall-isptar Mater Dei fid- 19 ta’April 2012 2. Warfarin 1mg – kwantita 20 kaxxa għall-isptar Mater Dei fid-19 ta’April 2012 3. Warfarin 5mg – kwantita 231 kaxxa għall- POYC fl-24 ta’ April 2012 L-aġent lokali nforma lid-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement and Supplies li hemm problemi ta’ manifattura u għaldaqstant qed ikun hemm diffikultajiet sabiex jissuplixxu dan il-prodott. Kien hemm ukoll tibdil fid-ditta ta’manifattura sabiex jiġi assigurat li jkun hemm stock, liema kunsinna waslet u tqassmet din il-ġimgħa. Għaldaqstant dan id-Dipartiment qiegħed f’diskussjonijiet ma’ dipartimenti oħra sabiex jinstab sors ieħor biex jissuplixxi din il-mediċina li jkun iktar stabbli.

Tarzna — arretrati tal-pensjoni lill-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ex ħaddiema tat-Tarzna li se jkunu intitolati għall-arretrati tal-pensjoni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qabel titlesta r-reviżjoni tal-pensjoni li qed issir bhalissa ma jkunx jista' jigi determinat jekk hux ser ikun hemm dritt għall-arretrati jew le. Għalhekk id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’dan l-istadju mhux f’poszzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.

Bormla — xogħol fiċ-ċentru

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fl-area taċ-ċentru f'Bormla, peress li issa ilu aktar minn ħmistax-il ġurnata li waqaf ix-xogħol ? Jista' jagħti timeframe għax-xogħlijiet li baqa'?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li x-xogħlijiet in kwistjoni mistennija li jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin u għandhom ikunu lesti sa nofs is-sena d-dieħla, dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevvist.

Xgħajra — f'Ta Barkatt - irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju li trakkijiet mgħobbija waste ġej mill-impjant f'Ta Barkatt Xgħajra, qed jgħaddu miċ-ċentru ta' Bormla, u jħallu irwejjaħ kbar? Jista' jgħid jekk dawn hux se jibqgħu jgħaddu mill-istess rotta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

spezzjonijiet u testijiet fuq dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet u testijiet fuq dgħajjes ta' kull daqs li jsorġu fil-marinas tagħna u dan sabiex ma jagħmlux ħsara lill-ambjent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li huwa l-obbligu tal-operaturi u dawk li jużaw marinas li jobdu u jirrispettaw il-liġijiet inkluż dawk ambjentali u kif ukoll il-Yachting Centres Regulations, 2011. Operaturi ta' marinas huma wkoll obbligati li joffru faċilitajiet jew servizzi għall-ġbir ta’ skart lill-klijenti li jużaw il-marina. F'dan ir-rigward, operaturi tal-marinas huma obbligati li jkollhom "Waste Management Plan" approvata mid-Direttorat tal-Portijiet u Yachting fi ħdan Transport Malta. Uffiċċjali tal-Awtorita` jagħmlu spezzjonijiet ġewwa l-marinas biex jivverifikaw dak li hemm stipulat fil-“Waste Management Plan” u biex josservaw il-baħar fil-madwar. Fejn jiġi osservat tniġġis dan jiġi investigat. Ma jsirux testijiet b'mod ta' rutina pero` meta jiġi osservat tniġġis ta' żejt, sakemm ikun possibli, jittieħed sample bħala parti mill-investigazzjoni.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Farfett tal-Fejġel - xogħol fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret Triq il-Farfett tal-Fejġel f'Ħaż-Żabbar? Jista' jgħid jekk qattx kellu kummenti u ilmenti minn residenti dwar xogħol ħażin meta saret din it-triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jghid x'kienu dawn il-kummenti u ilmenti, u x'azzjoni ttieħdet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti minn Jannar 2012 sal-lum fl-Isptar Mater Dei u fi sptarijiet ohra, bl-ispiża tinġarr mill-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-15 ta’ Mejju 2012 f’Malta saru 805 operazzjoni tal-katarretti fejn 320 operazzjoni tal-katarretti saru fl-Isptar Mater Dei filwaqt li 485 operazzjoni tal-katarretti saru fi kliniċi privati bl-ispiża tinġarr mill-Gvern. Għall informazzjoni dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

operazzjonijiet tan-knee replacement

Question

Jista' l-Ministru jghid kemm saru operazzjonijiet tan-knee replacement minn Jannar 2012 sal-lum fl-Isptar Mater Dei u f'isptarijiet oħra, bl-ispiża tinġarr mill-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-15 ta’ Mejju 2012 f’Malta saru 224 operazzjoni tan-knee replacement fl-Isptar Mater Dei. Ma saret l-ebda operazzjoni tan-knee replacement fi sptarijiet oħra bl-ispiża tinġarr mill-Gvern. Għall-informazzjoni dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Malta Enterprise — impjieg

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara kemm ġew impjegati nies fil-Malta Enterprise fil-gradi tal-ftehim kollettiv bejn l-2007 u 2012 u kemm minn dawn ma bdewx mill-minimu tal-grad skont il-ftehim kollettiv?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise — ftehim kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara kemm hemm impjegati fil-Malta Enterprise li jaqgħu fil-ftehim kollettiv u kemm ma jaqgħux taħtu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi preżentament il-Malta Enterprise Corporation tħaddem 113 impjegat u minn dawn 51 jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv. Dawn jeskludu dawk il-pożizzjonijiet li huma imħallsa minn assistenza teknika.

Malta Enterprise — promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati fil-Malta Enterprise ġew mogħtija promozzjoni bejn l-2007 u l-2012 permezz ta' vakanza jew ta' evalwazzjoni tal-grad jew ta' progressjoni oħra, u kemm minn dawn seħħu bejn November 2007 u Frar 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — flus f'konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jghid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33418.

Xogħol ta' bdil ta' katusi tal-komun

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34108 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jsir ix-xogħol tant bżonnjuż ta' bdil ta' katusi tal-komun fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-Awtorità tad-Djar spezzjonat il-fond fl-10 t’April, 2012, u se tagħmel it-tiswijiet neċessarji f’qasir żmien.

Applikazzjonijiet għal xiri ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34106 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet sabiex inkwilini jixtru l-proprjetà li jgħixu fiha? Jista' jgħid f'liema lokalità jinsabu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-ftuh tal-iskema ‘Ninvesti fid-Dar Tiegħi’, li kienet miftuha ghar-residenzi gewwa l-Kottonera fit-2 ta’ Awwissu 2011, l-Awtorita’ tad-Djar irceviet 32 applikazzjoni. L-applikazzjonijiet ġew minn dawn il-lokalitajiet: · Isla - 15 · Birgu - 12 · Bormla - 05

Bormla — Sur San Pawl - ħofor fit-trejqa għall-appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jara li għal anqas jimtlew il-ħofor kbar li hemm fit-trejqa li tagħti għall-appartamenti f'Sur San Pawl Bormla ?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li t-trejqa in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #34111 Sitting 468 2012-05-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Child Care Assistants — funzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi eżatt il-funzjoni ta' Childcare Assistants? Għal kemm tfal iridu jkunu responsabbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-funzjoni ta’ childcare assistants huwa spjegat fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Skont l-istandards nazzjonali dawn il-persuni huma responsabbli għan-numru tat-tfal kif ġej: Età tat-tfal Tfal ma’ kull Childcare Assistant Minn 0 sa 12-il xahar 3 Minn 13 sa 24 xahar 5 Minn 25 sa 36 xahar 6 Grupp imħallat ta’ tfal li mhux aktar Minn tifel/tifla wieħed/waħda jkollu/ikollha inqas minn 18-il xahar 6

Operazzjonijiet ta' hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet ta' hip replacement matul is-sena 2011? Kemm hu n-numru li hemm fil-waiting list sabiex jagħmlu din l-operazzjoni ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul is-sena 2011 saru 150 operazzjoni ta’ hip replacement. Infurmat wkoll li sat-3 ta’ Mejju 2012 kien hemm 332 persuna fil-waiting list sabiex jagħmlu din l-operazzjoni.