Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni kontributorja għan-nisa li jkunu ħadmu għal għaxar snin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inbidlitx il-prattika/liġi li n-nisa li jagħlqu s-sittin sena huma intitolati għall-pensjoni kontributorja jekk ikunu ħadmu għaxar snin jew aktar? Jekk inbidlet, meta u kif saret u minn meta tgħodd din il-bidla?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiena nfurmat li d-dritt għal pensjoni kontributorja taż-żewġ terzi jiddependi minn numru ta’ kundizzjonijiet kemm statutorji kif ukoll kontributorji. Fost il-kundizzjonijiet statutorji wieħed isib: 1. Li l-persuna tkun għalqet l-età tal-pensjoni; 2. illi kienet ilha taħdem għaliha nnifisha għal mhux anqas minn għaxar snin b’kollox qabel tirtira ; 3. illi tkun irtirat fis-16 ta’ Jannar 1979, jew wara ; u 4. illi tkun ħallset ir-rata proprja ta’ kontribuzzjonijiet f’kull żmien wara l-21 ta’ Jannar 1979. Fost il-kundizzonijiet kontributorji wieħed isib li l-persuna kkonċernata jkollha ta’ lanqas medja ta’ 15-il kontribuzzjoni fis-sena fuq perjodu ta’ 35 sena li ser titla’ għal 40 sena fil-każ ta’ persuni li twieldu wara l-1 ta’ Jannar 1962. Bl-emendi li daħlu fis-seħħ fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali bis-saħħa tar-riforma fil-pensjonijiet ta’ l-2006, persuni li twieldu wara l-31 ta’ Diċembru tal-1951 żdieditilhom l-eta tal-pensjoni gradatament kif ġej : - 1. Persuni li twieldu fis-snin 1952 sal-1955 l-età żdiedet minn 61 għal 62 fir-rigward ta’ persuni maskili u minn 60 għal 62 fir-rigward ta’ persuni femminili, 2. Persuni li twieldu fis-snin 1956 sal-1958 l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 63 sena ; 3. Persuni li twieldu fis-snin 1959 sal-1961 l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 64 sena ; 4. Persuni li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 65 sena. Għaldaqstant kif jista’ jara l-Onor Interpellant, filwaqt li l-kundizzjoni statutorja ta’ għaxar (10) snin impieg ma nbidlitx, hemm aspetti oħra tal-kundizzjonijiet statutorji u tal-kontribuzzjonijiet li nbidlu permezz tar-riforma fil-pensjonijiet li prinċipalment daħlet fis-seħħ fil-parti l-kbira fis-7 ta’ Jannar 2007.

Overpayment fuq post

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun ivverifikat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li minkejja li quddiem l-Arbitru ġie maqbul u aċċettat, peress li kienet ilha xahar u nofs ma jgħix fil-post u xorta waħda ġie deċiż li għandu overpayment ta' 'l fuq minn €2,500?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.

Reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ġie deċiż li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament m'għandhiex tingħata r-reserved parking?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Ħlas żejjed li ngħata lill-persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta' xiex inhuma l-ħlas żejjed li qed jingħad li ħa mid-dipartiment? jista' jgħid kif u meta ħadhom dawn l-ammonti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jien infurmat li n-numru tal-karta tal-identità mogħti minnu jista jkun mhux korrett għax skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidher li hu ta’ persuna differenti minn dik mogħtija minnu. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jivverifika d-dettalji mogħtija minnu.

Pensjonanti li jħallsu t-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jivverifika x'inhi r-raġuni għaliex ħafna pensjonanti li jħallsu t-taxxa, fir-rendikont għas-sitt xhur li ġejjin, għax-xahar ta' Diċembru 2012, l-ammont ta' taxxa huwa ħafna għola minn dak tax-xhur preċedenti? Jekk sar xi żball, jista' jgħid x'se jiġri issa biex il-persuna milquta jiġu infurmati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ittri li ħareġ id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma ittri ta’ informazzjoni biss u mhux rendikonti għat-taxxa. L-iskop ta’ din l-ittra prinċiplament huwa biex il-pensjonant jkun jaf eżatt x’irċieva pensjoni fl-aħħar sitt xhur, kif ukoll stima ta’ kemm se jkun l-ammont tal-pagament tal-pensjoni fis-sitt xhur li ġejjin. Fil-każ ta’ l-istima tas-sitt xhur li ġejjin, il-figuri huma intizi għal skop ta' informazzjoni biss u huma suggetti għal kwalunkwe tibdil fiċ-ċirkustanzi kif hemm spjegat tajjeb fl-ittri li ntbagħtu. Fid-dettalji li jkun hemm fl-ittra hemm inkluż stima tat-taxxa li ser ikun dovut fuq dak il-pagament. Fil-kalkolu li sar fl-ittri imsemmija bi żvista il-pagament tal-pensjoni tat-22 ta’ Diċembru li ġej u li huwa pagament bil-quddiem, ġie ikkalkulat bħala dħul ta’ din is-sena minflok dħul għas-sena 2013. B’riżultat ta’ hekk f’dan ix-xahar hemm indikat ammont ta’ taxxa żbaljata. Fl-10 ta’ Ġunju 2012, id-dipartiment ħareġ stqarrija għall-istampa fejn informa lill-publiku in ġenerali b’dan l-iżball u din il-ġimgħa stess qed jsir proċess biex ittra ta’ korrezzjoni bl-informazzjoni korretta toħroġ u tintbagħat lil pensjonanti li rċevew informazzjoni zbaljata.

Kont tad-dawl u ilma — units

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun ċċekkjat sewwa l-ammont tal-kont tad-dawl tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li fuq l-istess perjodu ta' sitt xhur bejn kont u ieħor, it-tnejn attwali hemm differenza ta' aktar minn 2,000 unit?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Bormla — Triq il-Ġublew tal-Fidda - siġar imdawwra bil-concrete

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta saru bankini ġodda fi Triq il-Ġublew tal-Fidda f'Bormla, u meta ngħata l-concrete, is-siġar li hemm iddawwru bil-concrete u b'hekk inqata' kull aċċess għall-ilma għall-istess siġar? Ma jaħsibx li hekk dawn is-siġar se jispiċċaw imutu? X'se jiġri sabiex is-sitwazzjoni tkun irranġata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li x-xogħol fit-triq imsemmija kien proġett ta’ Transport Malta għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni li hu responsabbli mill-imsemmija awtorità.

Bormla — infestazzjoni ta' nemus kbir

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex l-infestazzjoni ta' nemus kbir li hemm f'Bormla, tiġi kkontrollata? Ma jaħsibx li l-ilma qiegħed, li hemm f'vaska li ilu li nbiet u tħalliet fi stat ta' telqa, jista' jkun kaġun ta' dan? Jista' jgħid jekk hux se jsir xi ħaġa sabiex dawn l-ammonti kbar ta' nemus kbira tkun ikkontrollata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

NItlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema vaska qiegħed jirreferi.

Wasteserve — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda mal-Wasteserve minn Awwissu 2011 sal-lum? Kif ġie rreklamat kull impjieg? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull vakanza? Kif saret l-għażla? Minn liema lokalità huma dawk li ntgħażlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwat li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 29832 u 31921, ninfurmah li fil-perjodu Frar sa Mejju 2012 kienu rekultata 8 impjegati ġodda liema għażliet saru kollha permezz ta’ interview wara sejħiet pubbliċi. Waqt li nfakkru f’ dak li kont spjegajt fit-tweġiba mogħtija f’ Mistoqsija Parlamentari nru.29118 li l-istatistika tal-lokalitajiet ma teżistiex peress li l-lokalità mhix kriterju ta’ Bord tal-Għażla, ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda ma' Transport Malta minn Awwissu 2011 sal-lum? Kif ġie rreklamat kull impjieg? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull vakanza? Kif saret l-għażla? Minn liema lokalità huma dawk li ntgħażlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Xgħajra — Triq l-Għakrux - servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta il-karozzi tal-linja se jerġgħu jibdew jgħaddu minn Triq l-Għakrux ġewwa x-Xgħajra? Jista' jgħid kif ġie determinat fejn tpoġġew il-bus stops?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-trasport pubbliku jgħaddi minn Triq l-Għakrux. Infurmat ukoll li l-bus stops f’dawn l-inħawi ġew imwaħħla fl-istess post li kienu mwaħħlin fuq in-network l-antik, jiġifieri qabel ma bdiet topera l-Arriva.
Leg 11 PQ #31925 Sitting 484 2012-05-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — flus f'konsulenzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipatimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jgħid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 33415.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Farfett tal-Fejġel - xogħol fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret Triq il-Farfett tal-Fejġel f'Ħaż-Żabbar? Jista' jgħid jekk qattx kellu kummenti u ilmenti minn residenti dwar xogħol ħażin meta saret din it-triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jghid x'kienu dawn il-kummenti u ilmenti, u x'azzjoni ttieħdet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta m’għandhiex ilmenti rreġistrati minn residenti dwar xogħol ħażin li seta’ sar f’din it-triq.
Leg 11 PQ #35091 Sitting 483 2012-05-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Erin Serracino Inglott

Question

Peress li jidher li l-iskola sekondarja tal-bniet Erin Serracino Inglott, Bormla qiegħda tiġi phased out, tista' il-Ministru tgħid meta se jkun l-aħħar meta din il-binja tintuża' bħala skola? Meta jasal dan il-waqt, tista' tgħid x'użu se jsir minnha? Tista' tgħid jekk ġietx ikkunsidrata l-possibilità li l-iskola Primarja ta' Bormla titla' hemm ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-iskola indikata se tibqa’ tkun użata bħala faċilità edukattiva. Għad iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-użu preċiż ta’ din l-iskola.

Ħaż-Żabbar — Triq iċ-Ċawsli - tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata kisja tarmac Triq iċ-Ċawsli Ħaż-Żabbar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija hija parti mis-sistema ta’ toroq li hija pjanata biex tgħaqqad il-junction ta’ Bulebel ma’ Smart City Malta. Transport Malta ssottomettiet l-applikazzjonijiet għall-permessi neċessarji tal-ewwel fażijiet ta’ dan il-proġett lill-MEPA. Peress li dan il-proċess għadu għaddej, Transport Malta qed tippjana xogħol ta manutenzjoni temporanju f’din it-triq.

post ta' service despatcher

Question

B'referenza għas-sejħa għall-post ta' service despatcher li ħarġet dan l-aħħar mill-Korporazzjoni Enemalta permezz taċ-ċirkulari 43/2012, jista' il-Ministru jgħid: a) kemm kien hemm applikazzjonijiet għal din il-vakanza; b) kif saret l-għażla għal min ħa l-post; ċ) kemm kienu dawk li għaddew u jista' jekk hu possibli jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultat; u d) kif ġie determinat l-ordni tal-mertu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Xgħajra — Triq l-Għakrux - servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta il-karozzi tal-linja se jerġgħu jibdew jgħaddu minn Triq l-Għakrux ġewwa x-Xgħajra? Jista' jgħid kif ġie determinat fejn tpoġġew il-bus stops?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartimenti tas-Siġurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li jagħmlu użu mid-Dipartimenti tas-Siġurtà Soċjali a) ta' Bormla; b) tal-Fgura; c) taż-Żejtun; u d) Ħaż-Żabbar? Jista' jgħid wkoll kemm hu n-numru ta' persuni tal-catchment area ta' kull wieħed minn dawn l-area offices b'mod separat?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-infromazzjoni mitluba hija s-segwenti: Tabella – Catchment areas ta’ ċerti Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali Uffiċċju Distrettwali Lokalitajiet moqdija minn dawn l-Uffiċċji Popolazzjoni f’dawn il-lokalitajiet* Birgu** Birgu, Bormla, Kalkara, l-Isla 14,090 Fgura Fgura 11,609 Zejtun Zejtun, M’Xlokk, Birżebbuġa, Ħal Għaxaq 28,468 Ħaż-Żabbar Żabbar, Xgħajra, Marsaskala 26,436 * Popolazzjoni meħuda mid-Demographic Review 2010 – Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika **L-uffiċċju distrettwali jinsab fil-Birgu u mhux f’Bormla

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — informazzjoni dwar l-istaff

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn kemm hu n-numru ta' dawk li jiffurmaw l-istaff tal-uffiċini tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ta' Bormla, Ħaż Żabbar, Fgura u ż-Żejtun? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-gradi ta' kull wieħed minnhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lil Onor Interpellant li f’Bormla d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux Uffiċċju Distrettwali. Dan l-Uffiċċju li jaqdi lil poplu ta’ Bormla jinsab fil-bini ta’ l-AĊĊESS ġewwa l-Birgu. Tabella - L-istaff ta’ l-Uffiċċji Distrettwali tal-Birgu, Haż-Żabbar, Fgura u Żejtun Birgu District Office · 6 Staff o 1 Assistant Principal – District Manager o 3 Senior Clerks o 1 Clerk o 1 General Hand Ħaż Żabbar District Office · 5 Staff o 1 Social Worker – District Manager o 1 Executive Officer o 1 Senior Clerk o 1 Clerk o 1 General Hand Fgura District Office · 4 Staff o 1 Senior Clerk – District Manager o 1 Clerk o 1 Operational Support Worker o 1 Messaġġier Żejtun District Office · 6 Staff o 1 Assistant Principal – District Manager o 2 Executive Officers o 2 Clerks o 1 Timekeeper

permessi għal antenna tal-mobile telephony

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi huma meħtieġa sabiex teħel antenna tal-mobile telephony? Jista' jgħid jekk hemmx xi rikjesti li antenna ta' dan tip titwaħħal viċin skola?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni ma tirrikjedi l-ebda permess sabiex teħel antenna tal-mobile telephony. Permessi ta’ dan it-tip jista’ jkunu meħtieġa mill-awtorità responsabbli mill-ambjent u l-ippjanar. Għaldaqstant ma hemm l-ebda rikjesta quddiem l-Awtorità tal-Komunikazzjoni sabiex teħel antenna ta’ dan it-tip viċin xi skola.