Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu proprjeta' l-Uffiċċju Konġunt, maqsuma b'residenzjali u kummerċjali, lokal b'lokal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Konġunt jamministra 29,769 proprjetajiet li minnhom 1,783 jħallsu kera residenzjali filwaqt li 303 jħallsu kera kummerċjali. Il-fondi mikrija b’kera residenzjali jew kummerċjali jinsabu fil-lokalitajiet li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jgħid li din l-informazzjoni qiegħda tiġi aġġornata kontinwament b’korrezzjonijiet li jsiru f’Annex 8.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu postijiet mikrija l-Joint Office, lokal b'lokal, u kemm għandu postijiet battala, lokal b'lokal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju Konġunt jamministra 2,086 postijiet mikrija u għandu ċ-ċwievet ta’ 22 post battal fil-lokalitajiet li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jgħid li din l-informazzjoni qiegħda tiġi aġġornata kontinwament b’korrezjonijiet li jsiru f’Annex 8.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm tfal li fallew l-iskola għal perjodu aktar minn dak aċċettabbli, matul is-sena skolastika 2007/8? Minn liema lokalita' kienu ġejjin? Tista' tgħid hux tikkonsidra xi azzjoni/miżura ġdida sabiex dawn il-każi ta' assenteiżmu jonqsu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi dawk l-istudenti li ġew irrapurtati lis-Sezzjoni tas-Social Work għax fallew mingħajr raġuni valida sa l-aħħar ta’ Marzu, sena skolastika 2007-2008. F’din il-lista, jidher ukoll kemm kien hemm studenti li fallew għal perjodu mhux aċċettabli (aktar minn tlett ijiem ta’ skola mhux koperti minn ċertifikat mediku) u minn liema lokalita’ ġejjin.
Bħalissa l-kulleġġi flimkien mas-servizz ta’ ħidma soċjali fl-iskejjel qed jieħdu diversi inizjattivi, skond kif inhu rakkomandat fir-Rapport
School Attendance Improvement
(2005).
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 279, jista' l-Ministru jinfurmani min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla ta' dawn il-promozzjonijiet kif ukoll il-kariga u kwalifiki tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor. Membru li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Bordijiet ta’ l-Għażla u l-membri li kienu appuntati fuqhom.
Peress li fil-leġislatura li għaddiet il-Ministru responsabbli mit-toroq kemm-il darba stqarr li t-Triq f'Sur Santa Liena Bormla kienet daqt issir u f'mistoqsija parlamentari 28739 li kienet tgħid:
"B'referenza għal mistoqsija parlamentari 24760 fejn il-Ministru qal li x-xogħlijiet fl-area ta' Sur Santa Liena, Bormla kienu mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin fejn anke ħarġet tender, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li llum 5 xhur wara li saret din il-mistoqsija għadu ma sar xejn? Jista' jgħid meta se jibda dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jdum?"
U l-Ministru rrisponda:
"Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ADT tikkonferma li xogħlijiet f'din it-triq se jinbdew fil-ġranet li ġejjin peress li kien hemm id-diskussjonijiet bejn l-entitajiet li ħadu daqsxejn żmien aktar milli mistenni. Dawn id-diskussjonijiet waslu fil-final u kif ikunu ffinalizzati l-kuntrattur jkun jista' jibda x-xogħol."
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jsir dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħal kull triq oħra fil -lista 2006-2008, hemm impenn sħih mill-ADT li dawn jsiru fl-iqsar zmien possibli skond il-meżżi finanzjarji disponibli u skond il-prijoritajiet. Minħabba raġunijiet ta’ natura amministrattiva il-kuntattur kif wkoll l-appalt tax-xogħolijiet kellhom jinbidlu u x-xogħol fuq l-imsemmi triq hu fil-pjani kurrenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir x-xogħol fuq Triq Santa Liena, Bormla, triq li ilha xhur li beda x-xogħol fiha, u t-trabijiet kbar li hemm qed ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru. 1.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq ix-Xatt , Bormla (Bormla Wharf), liema triq tinstab fi stat diżastruż, triq li minnha jgħaddi kulmin irid imur lejn il-proġett tal-Cottonera Waterfront u lejn il-Birgu u l-Kalkara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-obbligu legali għall-manutenzjoni ta' din it-triq hija tal-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali, lokal lokal u jgħid x'kienu l-kontravenzjonijiet matul is-sena 2007, xahar b'xahar, u f'Jannar, Frar u Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 486.
Tista' l-Ministru tgħid kemm għaddew studenti mill-eżami tal-Junior Lyceum tul dawn l-aħħar 10 snin, sena b'sena u lokal b'lokal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni dwar kemm għaddew studenti mill-eżami tal-Junior Lyceum dawn l-aħħar għaxar snin sena b’sena u lokal b’lokal qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex bars/restaurants joħorġu mwejjed u siġġijiet barra? Jista' jagħti informazzjoni dwar kemm hemm negozji, lokal b'lokal, li għandhom dan il-permess, u kemm il-mejda u siġġu għandhom permess joħorġu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex persuna liċenzjata li tiġġestixxi bar/restaurant tkun tista’ toħroġ imwejjed u siġġijiet barra tapplika ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.
L-applikazzjoni, flimkien ma’ pjanta skalata b’format diġitali, għandhom jintbagħtu lill-Awtorità, li min-naħa tagħha tissottometti d-dokumenti kollha lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Wara li jkunu evalwati d-dokumenti kollha, id-Dipartiment ta’ l-Artijiet jinforma lil Awtorità tat-Turiżmu jekk għandhux jinħareġ il-permess rikjest. L-Awtorità tat-Turiżmu tinforma l-klijent bid-deċiżjoni u f’każ li l-applikazzjoni tkun aċċettata jinħarġu l-permessi neċessarji.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ta’ kemm hemm negozji f’kull lokalità u kemm il-mejda u siġġu għandhom permess joħorġu skond ir-reġistru ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-passat il-permessi kienu jindikaw in-numru ta’ mwejjed u siġġijiet li jistgħu jinħarġu, iżda f’dawn l-aħħar snin il-permess qiegħed minflok jindika footprint definit u mkejjel f’metri kwadri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet tat-traffiku matul is-sena 2007, lokal b'lokal u x'kienet r-raġuni? Kemm inġabru flus minn dawn il-kontravenzjonijiet matul l-2007, xahar b'xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-sena 2007 il-Pulizija ħarġet 1,410 ċitazzjonijiet għal kontravenzzjonijiet tat-traffiku u 63,548 traffic offence ticket, f'diversi lokalitjiet madwar Malta u Għawdex.
Infurmat ukoll illi l-multi ma jinġabrux mill-Pulizija u li ma tinżammx statistika ta' dawn iċ-ċitazzjonijiet lokal b'lokal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand, xahar b'xahar, matul is-sena 2007 u ta' liema ditta kienu u ta' kemm iċ-ċilindraġġ? Kemm nġabru flus fl-istess perjodu bħal registration tax?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant li rigward importazzjoni ta' karozzi second hand, jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ninsab infurmat li minn karozzi second hand matul is-sena 2007 inġabru €19, 226, 041 f'registration tax.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi liġi li tirregola l-ftuħ ta' remissi għaż-żwiemel, cioe' jekk dawn jistgħux jinfetħu fl-abitat u fl-ibliet tal-Kottonera?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi liġi li tirregola l-ftuħ ta' remissi għaż-żwiemel, cioe' jekk dawn jistgħux jinfetħu fl-abitat u fl-ibliet tal-Kottonera?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ai termini tal-artikolu 126(1) tal-Kodiċi tal-Pulizija jipprovdi li ħadd ma jista’, mingħajr liċenza ta’ l-awtorita’ sanitarja illi tiswa mhux aktar minn sena, iżomm f’ebda fond ġewwa l-limiti msemmija fis-subartikolu (2) ta’ l-aħħar artikolu ta’ qabel, ebda bhima tal-fart…żiemel, bagħal jew ħmar. Il-“limiti msemmija fis-subartikolu (2) ta’ l-aħħar artikolu…” hi riferenza għall-limiti imsemmija fis-subartikolu (2) ta’ l-artikolu 125 u cioe’ “l-limiti tal-Belt Valletta, tal-Belt Notabile jew Imdina, tal-Birgu, ta’ l-Isla, ta’ Bormla, tal-Furjana, jew ta’ tas-Sliema”. Hemm pero' l-kumlikazzjoni li l-artikolu 125 tal Kodiċi tal-Pulizija ġie mhassar bl-artikolu 50 ta’ L-Att XXV ta’ l-2001 dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali. Għalhekk is-sitwazzjoni titlob emenda sabiex tkun iċċarata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru tentattivi għat-tħaffir għaż-żejt matul dawn l-aħħar 50 sena? Fejn sar it-tħaffir, minn liema kumpannija sar u kemm dam it-tħaffir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor Membru biex jirreferi għall-website tal-gvern: http://www.mri.gov.mt/oed.htm fejn isib l-informazzjoni kollha dwar l-għoti ta’ blokok għall-esplorazzjoni taż-żejt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji joperaw f'kull wieħed mill-oqsma industrijali li għandna? Minn liema settur ġejjin? U kemm hemm impjegati settur b'settur, għal kull qasam industrijali? Jista' jgħid ukoll kemm hemm fil-KBIC, kemm jimpjegaw nies kull wieħed minnhom u kemm ilhom joperaw minn Kordin?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji għadhom joperaw mill-qasam industrijali ta' Rikażli meta intlaħaq il-ftehim dwar Smart City? Kemm kellhom impjegati kull waħda minnhom? Fejn ġew trasferiti u xi tħallas mill-ME/MIP lil kull waħda minnhom bħala spiża ta' dan iċ-ċaqliq?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.