Pjazza Santa Margerita — applikazzjoni għal-latrina pubblika
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni sabiex tinbena latrina pubblika fil-ġnien ta' Pjazza Santa Margerita, liema proġett kien taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tat-Turiżmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-applikazzjoni ta’ din il- public convenience qed tiġi pproċessata mill-MEPA.
Il-MEPA talbet lill-Awtorità sabiex tibdel il-pjanti tal-proposta biex jiġu konformi ma’ istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Dizabilita’. Hekk kif dawn il-pjanti jiġu sottomessi, il-proċess ta’ l-ippjanar ikun jista’ jipproċedi.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Awtoritajiet u aġenziji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment għandu erbgħa awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma l-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob, l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-Awtorita’ Maltija dwar l-Istandards u l-Awtorita’ ta’ l-Istatistika ta’ Malta. Il-membri ta’ dawn l-awtoritajiet u r-renumerazzjoni tagħhom huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bormla — San Ġwann t'Għuxa - manutenzjoni fuq bini
Question
Jista' l-Ministru jara li jsir dak li hemm bżonn fil-Blokk numru 1, San Ġwann t'Għuxa, Bormla peress li r-residenti qed jidħlilhom l-ilma u l-umdita minn fili miftuħa?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li peress li l-Awtorita’ tad-Djar bħalissa qegħda tagħmel eżerċizzju tax-xogħol li hemm pendenti fuq bini proprieta’ tal- Gvern ħalli toħrog bi program ta’ manutenzjoni fuqhom bix-xogħol urġenti jingħata priorita’. Il-post imsemmi mill- Onorevoli Interpellant ser ikun qed jidħol taħt dan il-program ta’ manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex persuna li tixtri post tal-Gvern, pero' li kien sar proprjetà ta' terzi (wara li nxtara mingħand il-gvern) mhix intitolata għall-ebda sussidju u lanqas fuq refund għall-VAT imħallsa?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li persuna li tixtri proprjeta’ mingħand terzi, liema proprjeta’ oriġinarjament kienet mibjugħa mill-Awtorita’ tad-Djar mhiex eskluża milli tibbenefika minn kwalunkwe skema mħaddna mill-Awtorita’ tad-Djar dment illi hi tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dik l-sikema partikolari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax isir xi ħaġa fuq il-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li applikat għall-għajnuna mill-Awtorità tad-Djar sabiex tirranġa l-kamra tal-banju għal bintha, xebba b'diżabilità, però peress li ma tistax iġġib il-firma ta' żewgha (li qabad u telaqhom snin ilu) din l-applikazzjoni ġiet rifjutata?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-applikazzjoni tal-persuna indikata ma ġietx rifjutata anzi l-proċess tlesta u l-file tmexxa għall-iffirmar tal-ftehim ta’ l-għotja li l-applikant ser jibbenefika minnha. Dan l-applikant għandu appuntament għal ftehim għall-ġimgħa 23 ta’ Jannar 2009.
Peress li fil-leġislatura l-oħra, f'domanda lill-Ministru responsabbli dwar xogħlijiet fit-triq ta' quddiem id-djar Sur Santa Liena Bormla, hu kien irrisponda "li l-Awtorità dwar it-Trasport tikkonferma li xogħlijiet f'din it-triq se jinbdew fil-ġranet li ġejjin peress li kien hemm id-diskussjonjiet bejn l-entitajiet li ħadu daqsxejn żmien aktar milli mistenni. Dawn id-diskussjonijiet waslu fil-final u kif ikunu ffinalizzati l-kuntratti ikun jista' jibda ix-xogħol". U peress li din ir-risposta ingħatat aktar minn sena ilum, ezattament fit-8 ta' Ottubru 2007, jista' l-Ministru jagħti indikazzjon meta jista' fl-aħħar isir dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-permessi meħtieġa nħarġu fil-ġranet li għaddew u x-xogħol għandu jibda.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni u tittieħed azzjoni sabiex jinqerdu l-ammonti kbar ta' firien li hemm fl-akkwati tal-Blocks 1A, 1B, 2A, 2B, 3A, 3B f'San Ġwann t'Għuxa Bormla?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom Pulizija jikkwalifika sabiex jibda jieħu allowance ta' €96.76 kull erba' ġimgħat li jingħataw lil diversi membri oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sabiex membru tal-Korp jikwalifika għal special duty allowance, irid ikun assenjat xogħol speċjaliżżat. Bħala miżura tad-diskors tal-Budget tal-2007, mill-1 ta' Jannar 2008, din l-allowance bdiet tingħata wkoll lil dawk il-membri tal-Korp li l-frank dejjem jaqa' kull nhar ta' Ħadd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu l-Pensjoni tat-Teżor? Kemm kien l-ammont li tħallas fl-2008 f'Pensjoni tat-Teżor?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni li qed jieħdu l-pensjoni tat-Teżor hu ta’ 14,611, u l-ammont li tħallas fl-2008 kien ta’ €80,229,887.97 u hu kif ġej:
€
Gratuities
15,336,612.44
Pensions
61,622,944.97
Widows orphans
475,372.11
Personal Injury Scheme
52,016.94
MP's
1,249,389.01
Special
39,903.22
Bonus MP's
98,679.17
Widows Bonus
1,202,826.72
Pensions Bonus
152,143.39
80,229,887.97
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fondi mill-Good Causes Fund matul is-sena 2008, maqsuma xahar b'xahar? Lil min ingħataw u l-ammont li ngħata f'kull każ?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fl-ewwel żewġ imħażen lejn in-naħa tal-Isla, f'Dock 1 hemm midfun, fuq wara, ammont ta' asbestos liema asbestosintradam f'dan il-post ħafna snin ilu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta jaħseb li ser ikun f'pożizzjoni li jgħid x'ser isir f'Dock 1 minflok il-wegħda elettorali li jinbidel f'ċentru kummerċjali u residenzjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Kif ġie avżat fil-medja reċentement, il-ħsieb tal-gvern hu li l- bini eżiżtenti fuq is sit ta' Dock 1, jiġi restawarat għal skop ta' 'arts and crafts'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti fuq il-Crafts Village ta' Ta' Qali mis-sena 1987 sal-lum? Jista' jgħid minn min saru u x'kienet l-ispiża f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x jrid isir sabiex persuna li għandha kirja/ċens ta' proprjetà tal-Joint office tkun tista' tixtrih?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi preżentament, sabiex persuna tkun tista’ tixtri proprjeta’ tal-Joint Office li tkun mogħtija b’kirja/ċens trid tagħmel talba lill-Uffiċċju Konġunt. Madanakollu, qed isir eżerċizzju sabiex applikazzjonijiet biex jinxtara ċ-ċens isiru fuq formola apposta li ser tkun imnedija dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-post li jinstab fi Triq il-Ġublew tal-Fidda, Bormla qabel tidħol lejn Triq il-Mitħna li fiż-żmien kien ċimiterju?
Response (FENECH, TONIO)
Jien infurmat li l-proprjeta’ in kwistjoni hija tal-Gvern. Din il-proprjeta’ ilha mikrija lill-Boy Scouts Association mill-1966.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk reġistrati mad-dipartiment tal-VAT maqsuma skond min hu eżentat mill-ħlas tal-VAT, dawk li jimlew ir-return kull kwart tas-sena u dawk li jimlewha darba fis-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ dawk reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT huwa kif spjegat hawn taħt:
Eżenti mill-ħlas tal-VAT (Reg. B) 18,913
(Jimlew id-denunzja darba fis-sena)
Dawk taxxabbli u jimlew id-denunzja kull tlett xhur (Reg. A) 21,585
Dawk taxxabbli u jimlew id-denunzja darba kull sena (Reg. A) 11,822.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jinbagħtu separatament, mhux qed tirċievi pensjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Djar tal-Anzjani — prevenzjoni kontra mard infettiv
Question
Jista' l-Ministeru jgħid jekk il-carers fil-homes tal-anzjani, kemm tal-Gvern, u tal-privat humiex qed jingħataw xi kura preventiva kontra l-mard infettiv?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li fil-każ tad-Djar ta’ l-Anzjani tal-Gvern il-carers jingħataw it-tilqima ta` kontra l-influwenza u kontra l-Hepatitis B. F’każ ta’ bżonn il-carers jingħataw ukoll it-tilqima kontra it-Tetanus u t-Tuberkulożi. Isir ukoll ‘mantoux’ testing b’xejn meta mitlub.
Fid-djar tal-privat tingħata t-tilqima kontra l-
Hepaptitis B
, li titħallas minn min iħaddem, sakemm l-impjegat koncernat ma jkunx twieled wara l-1988 f’liema każ jaqa’ taħt l-iskeda nazzjonali ta’ immunizazzjoni b’xejn. Prevenzjonijiet oħra bħal
screening
għat-Tuberkulożi jingħataw bla ħlas. Din is-sena ingħatat ukoll bla ħlas it-tilqima kontra l-influwenza.
Ninsab informat ukoll li barra minn hekk jekk jinstab xi mard infettiv fi djar ta’ l-anzjani (kemm tal-gvern, kif ukoll fil-privat) id-dipartiment koncernat jevalwa ir-riskju għall-anzjani u l-ħaddiema u jagħmel rakkomandazzjonijiet skond il-bżonn. Dawn ir-rakkamondazzjonijiet jistgħu jinkludu kura preventiva f’każijiet specifici.
San Vincenz de Paule u Dar tal-Anzjani Bormla — waiting list
Question
Jista' l-Ministeru jgħid x'inhi l-waiting list għad-dħul fir-Residenza San Vincenz de Paule, u d-Dar tal-Anzjani ta' Bormla maqsuma skond irġiel u nisa?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-waiting list għar-Residenza San Vincenz De Paule u d-Dar tal-Anzjani ta' Bormla hija hekk :-
Irġiel Nisa
SVPR 221 478
Bormla 43 110.