Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li sar matul is-sena 2008 f'kull dipartiment u entità fid-dekasteru tiegħu, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll x'allowances ingħataw fl-istess entitajiet matul l-istess perijodu maqsuma ukoll xaħar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ma nħossx li għandi naħli r-riżorsi tal-Gvern b'dan il-mod sakemm l-Onor. Interpellant ma jagħtix raġuni valida għall-ħtieġa ta' din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jintbagħtu r-refund fuq ħlas tal-Income Tax tas-Sinjura li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.
Jista' l-Ministru jgħid il-għala il-membri tal-Korp tal-Pulizija ġew imwgħda li se jkollhom dak li jissejjaħ job description anki bi qbil ġewwa l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar, u sal-lum dan għadu ma seħħx?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sallum għadu ma wasal l-ebda rapport għand il-Kummissarju mingħand il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar li juri li kien sar xi qbil dwar il-job descriptions. Ta' min wieħed iżid pero', li l-Korp tal-Pulizija ilu li beda jaħdem fuq il-kwestjoni tal-job description. Fil-fatt dawk tal-iSpetturi u s-Supretendenti ilhom lesti u ġew iċċirkolati filwaqt li hemm oħrajn li qegħdin jiġu ppreparati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ftehim kollettiv ta' Ġunju 1993 rigward il-Pulizija, sal-lum għadu ma ġiex kollu fis-seħħ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal-liema parti jew partijiet tal-Ftehim Kollettiv tal-1993 qed jirreferi sabiex inkun nista' nagħti risposta.
Peress li ftit tas-snin ilu kien ġie mwiegħed li kellu jsir restawr fuq l-istatwa ta' San Duminku li hemm fid-daħla lejn il-Birgu, tista' l-Ministru tgħid jekk dan ix-xogħol tant bżonnjuż fuq din l-istatwa artistika jekk hux se jsir? Jekk fl-affermattiv, allura tista' tagħti indikazzjoni meta se jsir dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Peress li issa n-numru ta' ħaddiema fuq il-kotba tal-Malta Shipyards niżlu għan-numru li xtaq il-gvern jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi fuq il-privatizzazzjoni tat-Tarzna?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Peress li l-kanċell li jdawwar l-istatwa ta' Malta fil-pjazza tal-Birgu, sofra xi ħsarat, tista' l-Ministru tgħid meta se jsir ix-xogħol ta' tiswija fuq dan il-monument storiku?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li x-xogħol ta’ restawr fuq propjeta’ pubblika kulturali fil-Birgu hija r-responsabbilta’tal-Cottonera Rehabilitation Project u taqa’ taħt il-kompetenza tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fixed points duties li l-Pulizija jagħmlu ta' kuljum bħala parti mis-servizz ta' sigurtà li jagħtu? Ma' min qed isiru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħal ma ġieli għid f'okkażjoni oħra, mhix il-prassi li jingħata tagħrif dwar miżuri ta' sigurta' li jittieħdu mill-Awtoritajiet meta u fejn ikun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jagħti d-data ta' meta beħsiebu jgħaddi l-flus lil Korp tal-Pulizija sabiex il-membri tal-istess Korp jitħallsu tax-xogħol li għamlu waqt l-elezzjoni ġenerali?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aħħar ftit pagamenti dovuti lill-membri kollha fil-Korp tal-Pulizija, li għamlu xoghol in konnessjoni ma’ l-Elezzjoni Ġenerali, li kien baqa' jitħallsu, ġew proċessati u mħallsa xahrejn ilu, jiġifieri, f'Diċembru li għadda.
Korp tal-Pulizija — Memebri li jattendu l-Università ta' Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija, illi qegħdin jattendu korsijiet ġewwa l-Università ta' Malta waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom, esklużi dawk li qed jagħmlu l-kors għal spettur?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm membru wieħed li qed jattendi kors fl-Universita' ta' Malta darbtejn fil-ġimgħa waqt il-ħin tax-xogħol, u dan wara li kienet saret sejħa permezz ta' Ċirkolari Numru OPM 17/08.
Jista' l-Ministru jagħti raġuni il-għala il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar, imwaqqaf skond il-liġi għadu qatt ma' ltaqa matul din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar kien ilu xi ftit ma jiltaqa’ peress li diversi materji li kienu qed jiġu diskussi mill-Bord ġew imressqa quddiem il-Bord tal-Arbitri, kif hemm previst fil-liġi.
Madankollu, nista' ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se ssir laqgħa tal-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar proprju llum, 17 ta’ Frar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa flus ir-rinovament tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, ix-xogħol ta’ manutenzjoni u rinovament f’bini tant kbir u qadim, bħal ma huwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, huwa wieħed kontinwu. Matul dawn l-aħħar snin saru diversi xogħolijiet, oħrajn għadhom għaddejjin, filwaqt li xogħol ieħor għad irid isir. Dan ix-xogħol isir kollu mit-Taqsima tas-Snajja fi ħdan l-istess Korp. Ħafna mill-materjal użat huwa dak ġeneriku li jinxtara sabiex jintuża għall-ħtiġijiet kemm tal-Kwartieri Ġenerali, kif ukoll ta’ l-Għases u d-diversi Taqsimiet u bini ieħor għad-dispożizzjoni tal-Korp. Ninsab infurmat illi ma jinżammux dettalji separati dwar kemm tiġi tiswa kull biċċa xogħol .
Jista' l-Ministru jgħid meta l-għasses tal-Pulizija ta' Malta se jkun attrezzati kollha b'tagħmir u computers sabiex il-membri tal-korp ikunu jistgħu iwettqu dmirhom u l-pubbliku jinqeda aħjar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħalissa l-Għases prinċipali u oħrajn, 26 b'kollox, huma mgħammra b'sistemi kompjuterizzati, kif ukoll imqabbda mas-sistema ċentrali. Matul din is-sena huwa mistenni li 16 il-Għassa oħra jkunu wkoll imqabbda mas-sistema ċentrali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi hemm pulizija stazzjonati f'taqsimiet differenti jagħmlu l-istess xogħol, iżda ma jieħdux l-istess allowances?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress li hemm diversi tipi ta' allowances li jingħataw fil-Korp tal-Pulizija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinbidlu t-training shorts li ġew mogħtija lill-pulizija, speċjalment il-pulizija nisa, li qed ikunu ta' inkonvenjent kbir għalihom minħabba l-materjal trasparenti li huma magħmulin minnhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-training shorts li jintuża mill-membri tal-Korp tal-Pulizija waqt it-taħriġ li jingħata fl-Akkademja tal-Pulizija, huwa wieħed standard ta’ ditta internazzjonali rinomata li tipprovdi lbies sportiv. Madankollu, hemm ukoll il-ħsieb li kull membru tal-Korp jingħata track suit sabiex meta jkun meħtieġ, ikun jista’ jintlibes fuq ix-shorts.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba iltaqa' il-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar imwaqqaf b'liġi, din is-sena, u kemm-il darba iltaqa' minn kemm ilu mwaqqaf sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Bord tal-Pulizija għan-Negozjar din is sena għadu ma ltaqax. Minn kemm ilu mwaqqaf dan il-Bord iltaqa’ tnax il-darba, f’dawn id-dati li jidhru hawn taħt:
11-10-2005
03-06-2005
15-07-2005
14-12-2005
17-02-2006
28-04-2006
13-06-2006
10-04-2007
29-05-2007
18-06-2007
30-07-2007
29-11-2007
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tiġi rranġata s-sitwazzjoni tal-pensjoni tal-Pulizija, biex din ukoll tibda tiżdied skond l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi jintroduċi mezzi ta' sigurtà ġewwa l-għasses bħal barra minn pajjiżna sabiex il-Pulizija jiġu protetti minn xi attakk jew mard?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istil ta’ policing addottat mill-Korp tal-Pulizija, magħruf ukoll bħala “community policing”, huwa dak li jkun qrib u f’kuntatt dirett mal-membri tal-kommunita`, kemm dawk residenti kif ukoll dawk li jkunu qed iżuru pajjiżna. Barra minnhekk, ma nħossx li s-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna tirrikjedi li jiġu introdotti dawk il-mezzi li qiegħed jipproponi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi raġuni għala pulizija fuq il-beat dejjem ikun waħdu anke bil-lejl u mhux armat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm hija l-prassi li membru tal-Korp tal-Pulizija jkun fuq il-beat waħdu, jekk u meta ċ-ċirkostanzi jkunu jirrikjedu mod ieħor, dan jiġi assistit minn membri oħra skont il-ħtieġa attwali. Ta’ min wieħed iżid illi matul dawn l-aħħar snin, il-Korp tal-Pulizija għamel investiment kbir li wassal biex kull membru tal-Korp li jaħdem fuq il-beat ikollu mezzi ta’ kommunikazzjoni tiegħu personali, biex b'hekk ikun jista' jagħmel kuntatt dirett u immedjat kemm ma’ l-Għassa ta’ fejn ikun stazzjonat kif ukoll mal-Kwartieri Ġenerali. Barra minn hekk, il-membri tal-Korp ġew ukoll ipprovduti b'mezzi sabiex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom aħjar, mingħajr l-użu ta' forza letali. Dawn il-mezzi jinkludu manetti, pepper spray u lembubi.
L-Att dwar il-Pulizija jipprovdi wkoll, fost l-oħrajn, għall-użu ta’ armi tan-nar jew ta’ armi oħra sabiex tiġi ppreservata l-ħajja ta’ l-uffiċjali tal-Pulizija jew ta’ oħrajn. Għaldaqstant, fejn huwa permessibbli bil-liġi u meta ċ-ċirkostanzi ikunu jirrikjedu, membru tal-Korp tal-Pulizija jista’ jġorr u anke’ juża arma tan-nar.