Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim li l-Gvern Malti għamel mal-Gvern Franċiż dwar ħażna ta' fuelu żejt biex tottempra ruħha ma' direttivi tal-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehim li l-Interpellant qiegħed jirreferi għalih għadu inizjaltat u għadu ma ġiex formalment konkluż. Għaldaqstant mhuwiex prudenti li dan il-ftehim ikun ippublikat għalissa.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jinnega rapporti li dan l-aħħar ajruplani ta' Air Malta marru għall-fueling ġo Sqallija? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kienx hemm ajruplani li marru jagħmlu refuelling ġewwa Sqallija.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' tax payers li twieldu wara l-1 ta' Jannar 1962 u li fis-sena 2009 kellhom dħul mill-impjieg ta' aktar minn €17,000? Jista' jikkategorizza n-numru ta' tax payers skont id-dħul tagħhom kif inhu indikat:
1. minn dħul ta' €17001 sa €20,000;
2. minn dħul ta' €20,001 sa €25,000;
3. minn dħul ta' €25,001 sa €30,000; u
4. dħul ta' aktar minn €30,001?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' tax payers li twieldu wara l-1 ta' Jannar 1962 u li fis-sena 2009 kellhom dħul mill-impjieg ta' aktar minn €17,000, kategorizzat kif mitlub fil-mistoqsija parlamentari, kien kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Issa li qed joqrob iż-żmien għal ħlas jew self tat-tieni tranche ta' self tal-Greċja, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-opinjoni tal-gvern dwar il-qagħda fil-Greċja illum wara li kien hemm l-ewwel fażi ta' bail out fil-bidu ta' din is-sena? Jista' jgħid jekk il-gvern għamilx xi studju huwa stess dwar il-qagħda Griega? Jekk iva, jista' dan l-istudju jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qiegħed isir studju dwar il-qagħda tal-Greċja mill-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, bil-għajnuna tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dan l-istudju għandu jgħaddi wkoll għand il-Gvern Malti.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien il-benefiċċju mħallas minħabba disimpjieg (unemployment benefit) matul is-sena 2010?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-benefiċċju għal disimpjieg imħallas matul is-sena 2010 kien ta’ € 10.93 kuljum għall-persuna miżżewwġa li tmanti konjuġi li ma għandhiex impjieg
full-time
u €7.15 kuljum għal kull persuna oħra.
Dawn ir-rati jistgħu jiżdiedu għal €18.36 jew €11.99 kuljum rispettivament fejn il-benefiċċjarju jissodisfa t-test tal-mezzi u tal-kapital li jintuża sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx dritt għall-għajnuna soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proċess li beda l-gvern dwar is-sit tal-White Rocks għadux għaddej? Jekk iva, saret valutazzjoni tal-art li se tkun trasferita? Tista' tgħid jekk sarx studju dwar il-faċilitajiet sportivi intiżi, fis-sens kemm huma kkalkulati li se jiswew? Tista' tgħid jekk il-lokalità fejn se jinbnew hijiex l-aħjar biex ikunu aċċessibbli minn kull naħa ta' Malta? Min se jkun responsabbli għall-manutenzjoni u kontroll tagħhom u kull aspett ieħor relatat mal-iżvilupp tal-isport f'pajjiżna kemm bħala dixxiplina għalih kif ukoll bħala l-element essenzjali għas-saħħa preventiva? Min ta l-ordni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jitneħħa r-rescheduling ta' parti mill-art?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-negozjati dwar il-proġett tal-White Rocks Sports and Leisure Village għadhom ma ġewx konklużi. Fl-interess ta’ kulħadd, in-negozjati għandhom iseħħu f’ambjent trankwil biex jinkisbu l-aħjar riżultati.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Ministru jgħid u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
La Valette Sicav Plc Multi Manager Property Fund — investigazzjoni
Question
Peress li investigazzjoni dwar il-La Valette Sicav Plc Multi Manager Property Fund tlestiet mill-Malta Financial Services Authority u l-perjodu għar-risposta mill-BOV Sicav skada ukoll, jista' l-Ministru jispjega għaliex ir-rapport tal-investigazzjoni ma ġiex ippubblikat?
Jifhem il-Ministru li l-Malta Financial Services Authority għandha obbligu legali li tippubblika tkun xi tkun ir-reazzjoni tal-entità investigata? Jaf il-Ministru li dan huwa ta' importanza prijoritarja fl-interess tal-investituri u tal-istituzzjoni biex tissaħħaħ il-fiduċja f'istituzzjoni regolatorja?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamantari numru 22665, 22434, 24427 u 25610.
Malta Financial Standards Authority — investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ġie investigat s'issa mill-Malta Financial Standards Authority dwar abbuż jew ksur ta' liġijiet li jirregolaw investimenti finanzjarji u l-qasam finanzjarju u kemm hemm pendenti quddiem l-istess awtorità llum? Kemm-il rapport ġie konkluż u kemm minnhom ġew ippubblikati ? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti tal-investigazzjoni li ġew effettivament pubblikati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mir-Rapport Annwali tal MFSA għas sena 2010, li għadu kif tpoġġa fuq il-Mejda tal Kamra, speċifikament pagni 84-85, in-numru ta’ ilmenti solvuti jew li ingħalqu fis-setturi kollha, inkluz settur tas-servizzi ta’ investiment, matul is sena 2009 kien ta’ 263, filwaqt li matul l-2010 kien ta’ 153.
Ilmenti pendenti fl-aħħar tal-2009 kienu ta’ 123, filwaqt li fl-aħħar tal-2010 kienu ta’ 145.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-komunikazzjonjiet bejn il-persuni li jresqu ilment, l-opertaur konċernat u l-MFSA huma normalment ta’ natura konfidenzjali u privat, u normalment ma jkunux jikkonsisitux f’rapporti formali imma fi skjambju ta’ korrispondenza.
Aktar informazzjoni jinsab pubblikat fil website tal Consumer Complaints Unit tal MFSA fuq
http://mymoneybox.mfsa.com.mt
u fir-rapport annwali ta’ dan il-Unit li ser jiġi pubblikat u anke imqiegħed fuq l-imsemmija
website
fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux aċċetabbli għal pajjiżna l-liċenzji riċentement mogħtija mill-Gvern Taljan għat-tħaffir ta' żejt fil-kanal bejn Malta u Sqallija? Dawn il-liċenzji jolqtu żoni li huma kkunsidrati ta' pajjiżna? X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispecifiċa għal-liema liċenzji qed jirreferi għalihom fil-mistosija tiegħu. Mill-informazzjoni li għandu s’issa l-Gvern Malti, ma jirriżultax li nħarġu liċenzji mill-Gvern Taljan għat-tħaffir taż-żejt f’żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Malta.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25290 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23915 u 24143 u r-risposti mogħtija, jista' l-Prim Ministru jgħid taħt liema kunsill lokali Triq il-Belt Valletta Ħal Luqa /Marsa taqa', peress li din hija triq arterjali u industrijali u tinsab fi stat perikoluż?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25252, jista' l-Ministru jgħid:
a) jekk il-kumpanija preżenti ġietx mogħtija estensjoni tal-liċenzja tal-lotterija nazjonali? Jekk iva, xi ħlas sar għal din l-estensjoni; u
b) peress li t-tender document għas-sena d-dieħla qed jiġi ppreparat, għandux xi target date meta se jinħareġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-konċessjoni tal-lotterija nazzjonali kienet ta’ seba’ snin b’sena oħra addizzjonali jekk il-gvern ma jġeddidx b’mod awtomatiku u jerġa’ jmur għal tender. Il-gvern iddeċieda li fl-aħjar interess għall-pajjiż joħroġ tender. Naturalment, it-termini kollha tal-liċenzja, inkluż il-ħlas tal-liċenzja u taxxi jibqgħu jgħoddu sal-aħħar ta’ din il-konċessjoni.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-data meta ser jinħareġ it-
tender
‘
document
’ jiġi kkommunikat aktar ‘il quddiem.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li l-Korporazzjoni Enemalta u/jew il-gvern għamlu mal-BWSC għall-estensjoni tal-power station flimkien ma' kull dokument u/jew ftehim ieħor li hemm anness mal-istess kuntratt? Jista' l-Ministru jagħti dan it-tagħrif peress li din ir-rikjesta qed issir fid-dawl li l-fondi għal dan il-kuntratt huma fondi pubbliċi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi estratti mill-Kuntratt riferut fil-Mistoqsija Parlamentari ġew impoġġija fuq il-Medja tal-Kamra fis-seduta numru 216 ta’ nhar is-6 ta’ Mejju, 2010.
Peress li skont mistoqsija parlamentari 21300, fis-sena 2004 il-Gvern kien daħħal is-somma ta' €18.6 miljun, u peress li issa t-tender tal-lotterija nazzjonali waslet biex toħroġ, jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-Gvern li jerġa' joħroġ tender mill-ġdid jew inkella għandux il-ħsieb li jġedded lill-operatur preżenti jekk huwa każ ta' tiġdid? Jista' jgħid xi ħlas sar mill-operatur għal tali tiġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern iddeċieda li joħroġ b’tender il-konċessjoni tal-Lotterija Nazzjonali. Il-konċessjoni preżenti tintemm f’Lulju 2012 u bħalissa l-gvern qiegħed jaħdem fuq dokument li għandu jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. L-operatur li jirbaħ it-tender ikun irid ukoll jikkwalifika għal liċenzja mingħand l-Awtorità Għall-Lotteriji u Logħob.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23915 u 24143 u r-risposti mogħtija, jista' l-Prim Ministru jgħid taħt liema kunsill lokali Triq il-Belt Valletta Ħal Luqa /Marsa taqa', peress li din hija triq arterjali u industrijali u tinsab fi stat perikoluż?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24144 u 24050 u ċioe: Peress li l-canteen /restaurant li kien hemm fil-premises tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar iċċaqilqu minn posthom, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permess rekwiżit ta' change of use li nħareġ uffiċjalment biex isir dan it-tibdil? Jista' jagħti ukoll id-data li fiha ġie approvat dan il-permess li għalih qed issir referenza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li minħabba li l- canteen huwa għall-użu esklussiv ta' l-impjegati ta' l-istess Awtorita’, hu anċillari għall-użu ewlieni ta' uffiċini. Għalhekk m'hemmx bżonn ta' permess għal bdil fl-użu f'dan il-każ. Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li il-faċilita' li ġiet relokata minn post fil-premises tal-MEPA għal-post aktar addattat għall-ħaddiema, hija ta' canteen u mhux ta' restaurant .
NSO Release tan-nefqa tal-Gvern fuq benefiċċji soċjali
Question
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 25251, tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' nefqa ta' għajnuna soċjali fuq single parents u nefqa fuq min jitlef l-impjieg għas-snin 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25254, jista' l-Ministru jgħid jekk jibqax relevanti l-fatt li l-Ministeru jrid isegwi l-obbligi ta' investiment u obbligi oħra naxxenti mill-istess kuntratt u jkunu osservati diliġentement? Peress li l-Ministeru jsegwi l-adaptment tal-obbligi li joħorġu mill-kuntratti msemmija fil-mistoqsija parlamentari 25254, jista' jgħid jekk l-obbligi ġewx esegwiti kif mitluba?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jgħamel id-domanda lill-Ministri responsabbli mill-Awtoritajiet responsabli minn dawn is-siti.