Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fabbriki ġodda li nfetħu bejn 2008 u 2011? Kemm ħadmu nies f'dawk il-fabbriki l-ġodda? Kemm kien l-investiment investit minn kull fabbrika? Kemm kienu l-estensjonijiet ta' fabbriki li saru bejn 2008 u 2011? Liema fabbriki kienu li effetwaw estensjonijiet? Kemm kien l-investiment f'kull fabbrika u kemm żdiedu ħaddiema f'kull fabbrika?
Peress li l-prezz taż-żejt illum nieżel taħt l-$84-il barmil, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm possibilità li r-rati tad-dawl u ilma jkunu aġġustati 'l isfel fl-interess tal-konsumatur u l-operaturi ekonomiċi speċjalment fid-dawl ta' tnaqqis fl-ekonomija matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw ir-riservi tal-Bank Ċentrali ta' Malta u fiex jikkonsistu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Ġunju 2012 l-assi barranin tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kienu jammontaw għall-€2,683.5 miljuni. Minn dawn, €1,874.3 miljuni kienu jikkonsistu f’investimenti barranin denominati f’ewro, €796.1 miljuni f’assi denominati f’muniti barranin u €13.1 miljun f’deheb.
Peress li fl-akwata ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa hemm ħafna klieb jiġġerrew barra bla sid, jista' l-Ministru jordna li dawn jinġabru u jittieħdu kura tagħhom minflok jitħallew barra peress li dawn qed ikunu ta' periklu u theddid għar-residenti tal-lokal?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34250.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35720 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se tkun akkwistatat il-proprjetà tal-Iskema HOS 1979 ta' Farsina f'Ħal Qormi biex ikunu jistgħu jsiru l-kuntratti ta' akkwisti li għadhom pendenti?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern huwa konxju li hemm diversi kuntratti ta’ akkwisti ta’ residenzi li ġew mibnija taħt skemi tal-HOS li saru fit-tmiem ta’ sebgħinijiet madwar Malta u Għawdex, fosthom f’ta’ Farsina, Ħal Qormi, li għadhom pendenti.
Biex jiġu konklużi dawn il-kuntratti, l-art trid tiġi trasferita lill-Awtorità tad-Djar wara li l-istess art tkun ġiet akkwistata mill-Gvern. Billi l-proċess tal-akkwist tal-art jirrikjedi ħafna riżorsi, il-proċess qed isir fuq numru ta’ snin. Fil-fatt kemm fl-2011 u anke fl-2012 ġew ivvutati tliet miljun ewro (€3,000,000) għal dan il-għan li bihom, sa issa, ġiet mixtrija art fl-oqsma tad-Djar fir-Rabat, Sta Lucia, Raħal Ġdid, Żurrieq, Gudja u Nadur Għawdex. Huwa previst li dan il-proċess jitkompla fis-snin li ġejjin biex b’hekk l-art kollha li ttieħdet għal dan l-iskop, tiġi akkwistata mill-Gvern.
Wara li l-akkwist jiġi finalizzat, l-art tkun tista’ tiġi trasferita lill-Awtorità tad-Djar, li min-naħa tagħha tkun tista’ tikkonkludi l-kuntratti mas-sidien tad-diversi residenzi. Dan l-eżerċizzju jinkludi wkoll l-art f’ta’ Farsina, Ħal Qormi li għad trid tiġi akkwistata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35718 u cioè: Peress li l-prezz taż-żejt illum nieżel taħt id-$84 il-barmil, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm possibilità li r-rati tad-dawl u ilma jkunu aġġustati 'l isfel fl-interess tal-konsumatur u l-operaturi ekonomiċi speċjalment fid-dawl ta' tnaqqis fl-ekonomija matul l-ewwel tliett xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma illi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal WTI (West Texas Intermediate) li huwa indikatur Amerikan li japplika għall-Istati Uniti tal-Amerika. L-indikatur li huwa relevanti għalina huwa ICE Brent li l-aktar li niżel sad-19 ta’ Ġunju 2012 (f’dis-sena kalendarja) kien ta’ USD94.44.
Irrid infakkar illi t-tariffa kurrenti hija maħduma fuq ICE Brent USD81.80 (USD/Euro exchange rate ta’ 1.49). Għaldaqstant l-Enemalta għadha tiffaċċja sitwazzjoni iebsa f’dak li hu prezz taż-żejt, u propju għalhekk, il-Gvern ħa deċiżjoni konxja li jerfa’ parti minn din l-ispiża fl-interess tal-familji tagħna. Dan ser jippermetti li t-tariffi jibqgħu fil-livell li jinsabu illum.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35646 u jagħti lista ta' fabbriki ġodda li nfetħu bejn 2008 u 2011? Kemm ħadmu nies f'dawk il-fabbriki l-ġodda? Kemm kien l-investiment investit minn kull fabbrika? Kemm kien l-estensjonijiet ta' fabbriki li saru bejn 2008 u 2011? Liema fabbriki kienu li effetwaw estensjonijiet? Kemm kien l-investiment f'kull fabbrika u kemm żdiedu ħaddiema f'kull fabbrika?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġa intqal fi tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 31846, u irrepetuta f’mistoqsija parlamentari 35390, l-ismijiet tal-kumpaniji ma jistgħux jingħataw minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kif stabbilit fil-Business Promotion Act. In-numru ta’ investimenti ġodda u espansjonijiet huma murija fit-tabelli ta’ hawn taħt flimkien mal-investiment u l-impjieg prevvisti f’għeluq it-tlett snin mill-bidu tal-proġett. Dawn il-figuri jinkludu ukoll investimenti ġodda u espansjonijiet li ma bbenefikawx minn fabbirka/art minn fejn joperaw minħabba lis-settur li joperaw fih ma jikkwalifikax għal fabbrika/art. Qed inpoggi fuq il-mejda l-informazzjoni mitluba.
Peress li l-prezz taż-żejt illum nieżel taħt id-$84 il-barmil, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm possibilità li r-rati tad-dawl u ilma jkunu aġġustati 'l isfel fl-interess tal-konsumatur u l-operaturi ekonomiċi speċjalment fid-dawl ta' tnaqqis fl-ekonomija matul l-ewwel tliett xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun akkwistatat il-proprjetà tal-Iskema HOS 1979 ta' Farsina f'Ħal Qormi biex ikunu jistgħu jsiru l-kuntratti ta' akkwisti li għadhom pendenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini tal-hanger għall-SR Teknik? Jekk tlesta dan, ġie mgħoddi lill-SR Teknik? Jekk iva, b'liema titolu ġie mgħoddi; dak ta' lokazzjoni jew b'emfitewsi? Jekk sar kuntratt simili ta' trasferiment, x'inhuma l-kundizzjonijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-SR Technics Malta Limtied (SRT) qed tesplora l-potenzjal ta' espansjoni ġewwa Safi Aviation Park minn fejn din il-kumpannija diġa' qed tiġġestixxi l-operat tagħha. Dan minħabba l-infrastruttura avvanzata illi diġa' teżisti ġewwa dan il-park ta' l-avjazzjoni u anki minħabba titjib infrastrutturali ieħor illi ser jibda' jitwettaq fix-xhur li ġejjin. Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-binja proġettata għall-espansjoni ta’ l-SR Technics Malta Limited għadu ma bediex. Il-kuntratt viġenti huwa wieħed ta’ lokazzjoni. Mhux prudenti illi jiġu żvelati t-termini u l-kundizzonijiet ta’ l-allokazzoni peress illi dawn huma meqjusa bħala kummerċjalment sensittivi għall-SRT u jista’ għalhekk ikun hemm impatt negattiv fuq l-operat ta’ l-SRT jekk din l-informazzjoni issir pubblika.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fabbriki ġodda li nfetħu bejn 2008 u 2011? Kemm ħadmu nies f'dawk il-fabbriki l-ġodda? Kemm kien l-investiment investit minn kull fabbrika? Kemm kien l-estensjonijiet ta' fabbriki li saru bejn 2008 u 2011? Liema fabbriki kienu li effetwaw estensjonijiet? Kemm kien l-investiment f'kull fabbrika u kemm żdiedu ħaddiema f'kull fabbrika?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Kontribut ta' Malta għall-bailout jew self lill-Spanja
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm se jkun il-kontribut ta' Malta għall-bailout jew self lil Spanja? Kif se jimpatta dan il-kontribut fuq id-dejn ta' pajjiżna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Spanja għadha ma applikatx għall-ebda programm t'għajnuna. Għaldaqstant, għadu ma ġie nnegozjat l-ebda programm u allura l-anqas m'hu magħruf id-daqs tal-programm. Fuq kollox, għadu mhux determinat jekk hux se jintuża l-EFSF jew inkella l-ESM f'każ ta' programm għas-settur bankarju fi Spanja.
S'issa kulma hemm hija stqarrija tal-Grupp tal-Ministri taż-żona tal-ewro illi lest jikkonsidra faverovalment applikazzjoni għall-għajnuna minn Spanja.
Minħabba s-sitwazzjoni kif deskritta hawn fuq, it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu mhux magħruf.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34722 u jgħid kemm-il applikazzjoni għall-iżvilupp ġiet sottomessa lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u rrakkmondati għall-approval ġew rrifjutati mill-bord tal-awtorità presedut miċ-chairman kurrenti? Kemm-il applikazzjoni simili li kienet rakkmandata for refusal ġiet effettivament approvata (għalhekk rakkmandazzjoni overturned) mill-istess bord? Liema kienu l-applikazzjoniet f'kull każ u liema kienu l-proġetti f'kull każ?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ (2) tabelli li juru d-deċiżjonijiet kollha, inkluż l-overturning, li ttieħdu mill-bord ta' l-Awtorita’ presedut miċ-Chairman kurrenti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34462, jikkonferma l-Prim Ministru li kull filming fuq proprjetà privata u fuq individwi jiġi minn min jiġi huwa illegali u jikkostitwixxi ksur ta' privatezza tal-individwu kemm-il darba mhux sanċit mil-liġi? Jekk dan hu l-każ, allura CABS li jiffilmjaw mingħajr l-ebda permess, qed jagħmlu dan b'mod irregolari u illegali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-uffiċċju tal-Protezzjoni tad-Data li, biex ikun hemm ksur ta’ privatezza skont il-provedimenti tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, sakemm ma jsirx għall-skop purament personali, l-filming irid ikun ta’ persuna identifikata jew iwassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna, u dan il-filming isir mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna jew mingħajr ma tkun sodisfatta xi waħda mill-kriterji l-oħra għall-ipproċessar ta’ data, kif stabbiliti fl-imsemmija liġi. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 34131.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fid-dawl tal-kriżi fil-Greċja, l-gvern għandhux contingency plan dwar kif tista' tintlaqgħat Malta kemm-il darba l-Greċja toħroġ miż-żona Euro?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern, bħal dejjem, qiegħed isegwi mill-qrib l-iżviluppi kollha li qegħdin iseħħu fil-Greċja. Fil-waqt illi aħna dejjem nippreparaw sabiex, fejn ikun meħtieġ, nissalvagwardjaw l-interess nazzjonali, aħna qegħdin inkomplu nisħqu fuq il-bżonn illi l-Greċja twettaq il-programm ta' aġġustament illi qablet miegħu kif ukoll illi jkomplu jittieħdu l-miżuri kollha bżonnjużi sabiex tkompli tissaħħaħ l-integrità u l-istabbilità taż-żona tal-ewro.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-iżvilupp ġiet sottomessa lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u rrakkmondati għall-approval ġew rrifjutati mill-bord tal-awtorità presedut miċ-chairman kurrenti? Kemm-il applikazzjoni simili li kienet rakkmandata for refusal ġiet effettivament approvata (għalhekk rakkmandazzjoni overturned) mill-istess bord? Liema kienu l-applikazzjoniet f'kull każ u liema kienu l-proġetti f'kull każ?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-CABS għandhomx il-permess li jiffilmjaw minn barra għal ġo proprjetà privata mingħajr il-kunsens ta' sidien tal-proprjetà li qed tkun iffiljata? Jidhirlu li dan l-aġir jikkostitwixxi ksur tal-privatezza individwali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ma rċieva l-ebda talba mill-CABS dwar xi filming.