Jista' l-Ministru jgħid għal kemm żmien tista' vettura liċenzjata titħalla pparkjata f'post wieħed mingħajr ma tiċċaqlaq qabel ma' tiġi meqjusa ta' inkonvenjent?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li m’hemm ebda dispożizzjoni fil-liġi li tistabbilixxi xi perijodu ta’ żmien meta vettura, li jkollha mwaħħla mal-
windscreen
liċenzja valida tat-triq, tiġi meqjusa bħala inkonvenjent għax tkun tħalliet ipparkjata fl-istess post għal xi tul ta’ żmien.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti fi ħdan ir-Restoration Unit u x'inhu l-grad ta' kull wieħed/waħda minnhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-gradi tad-9 periti li hemm jaħdmu fir-restoration unit huma żewġ (2) Chief Architects, erba(4) Senior Architects u tlett(3) Architects.
Jekk l-Onor, Membru jixtieq iktar informazzjoni din tista’ tingħatalu privatament.
Jista' l-Ministru jara li l-karozzini ma jibqgħux jiġu misjuqa f'toroq arterjali fl-inħawi ta' Blata l-Bajda u l-Belt għax apparti għall-periklu għall-istess passiġġieri tal-karozzini, hemm ukoll riskju għall-vetturi f'dawn it-toroq?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 649 u jgħid kemm hu l-valur ta' kontijiet pendenti li għandhom jieħdu l-kuntratturi mid-Direttorat tat-Toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm ammont ta’ Eur309,650 f’kontijiet li qegħdin jiġu pproċessati biex jitħallsu. Flimkien ma dawn hemm madwar Eur750,000 f’xogħlijiet li tkejjlu jew jridu jiġu mkejjla biex eventwalment jitressqu għal pagament.
Hemm ukoll ammont li jeċċedi 'l Eur1.5m fuq xogħlijiet li saru u li għad trid tittieħed deċiżjoni fuqhom mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarx il-programm tat-toroq li se jiġi ffinanzjat mill-UE? Jekk fl-affermattiv, liema huma t-toroq magħżula u meta hu ippjanat li se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Proġetti li s'issa jiffurmaw parti mill-programm li qed jittressaq għall-finanzjament mill-EU li ġew approvati s’issa huma l-applikazzjoni għall-bini mill-ġdid ta’ żewg toroq distributorji, il-‘by-pass’ ta’ Wied l-Għajn u Haż-Żabbar u ta’ Triq il-Belt Valletta, Żurrieq ġiet milqugħa.
Ix-xogħol għal-bini mill-gdid tal-‘by-pass’ ta’ Wied il-Għajn huwa maħsub li jibda lejn il-bidu tal-2009, filwaqt li dak fuq Triq il-Belt Valletta, Żurrieq huwa maħsub li jibda lejn nofs tal-2009. Il-bqija tal-programm ta' xogħolijiet jitressaq skond l-iskadenza normali ta' programmazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet lill-MEPA għal bini ta' torrijiet (skyscrapers) dawn l-aħħar ħames snin? Fejn huma qegħdin is-siti ta' dawn l-applikazzjonijiet? Kemm ġew approvati, kemm rifjutati u kemm hemm pendenti sal-lum quddiem il-MEPA?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 541 u cioe' b'riferanza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 370, jista' jara li l-ADT tivverifika t-traffic humps li hemm fejn l-iskola sekondarja ta' l-Imrieħel, kif ukoll fi Triq it-Tabib Zammit, Ħal Balzan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn ufficjali ta’ l-Awtorita’ Dwar It-Trasport ta’ Malta irrizulta li gej:
·
Flat Topped Road Humps
fi Triq B. Bontadini Birkirkara: iz-zewg
humps,
approvati mit-Taqsima ghall-Immaniggjar tat-Traffiku, ma gewx mibnija skond l-istruzzjonijiet u l-approvazzjoni mahruga mill-istess taqsima.
·
Flat Topped Road Humps
fi Triq Tabib Zammit, Balzan: iz-zewg
humps,
approvati mit-Taqsima ghall-Immaniggjar tat-Traffiku, ma gewx mibnija skond l-istruzzjonijiet u l-approvazzjoni mahruga mill-istess taqsima.
Ghaldaqstant l-Awtorita’ Dwar It-Trasport ta’ Malta ser tiehu l-passi necessarji f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala x-xogħol ta' pavimentar fil-pjazza ta' Paceville li tlesta ftit snin ilu issa qiegħed jinqala' u jerġa' isir? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xogħol ta' pavimentar fil-pjazza, qiegħed jinqala għax f'partijet minnu l-iktar fejn jintuża minn vetturi tqal, kien hemm "settlement" tal-pavimentar u dan straħ. Jidher li l-axial loading ta’ dawn il-vetturi u l-immanuvrar tagħhom ma kienx ittieħed in-konsiderazzjoni fil-kalkoli li kienu saru.
Ix-xogħol ser jiswa' €74,547.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 540 u jgħid meta se jitlesta x-xogħol mill-WSC fi Vjal il-Ħaddiem ir-Rabat, fejn għalkemm il-katusi ta' l-ilma tqiegħdu ġimgħat ilu,sal-lum il-patching permanenti għadu ma sarx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru testijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fuq il-backfilling/leanmix tat-trinek biex il-Korporazzjoni tassigura ruħha li x-xogħol huwa tajjeb. Malli jkun hemm riżultat pożittiv, il-wiċċ permanenti jingħata fuq it-trinek. Dan mistenni jsir fil-ġranet li ġejjin, dejjem jekk it-testijiet ikunu pożittivi.
B'riferenza għar-risposta supplimentari għall-mistoqsija parlamentari 198, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi l-area ta' Wied il-Għajn li hi meqjusa zona kostali mill-Awtorita' tat-Turiżmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, għal fini ta’ “Moniteraġġ taż-Żoni Turistiċi” (Tourism Zone Monitoring), għandha sitt żoni turistiċi. Waħda minnhom hija ż-żona kostali kollha tal-Gżejjer Maltin. Għaldaqstant, Wied il-Għajn jagħmel parti minn din iż-żona.
L-aktar areas importanti għal fini ta’ moniteraġġ huma ż-żoni ċentrali tal-lokalità fosthom Triq iż-Żonqor, Pjazza Dun Tarċis Agius, Misraħ Mifsud Bonnici, Triq ix-Xatt, Triq is-Salini, Torri San Tumas u Bajja San Tumas.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol mill-WSC fi Vjal il-Ħaddiem ir-Rabat, fejn għalkemm il-katusi ta' l-ilma tqiegħdu ġimgħat ilu,sal-lum il-patching permanenti għadu ma sarx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referanza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 370, jista' l-Ministru jara li l-ADT tivverifika t-traffic humps li hemm fejn l-iskola sekondarja ta' l-Imrieħel, kif ukoll fi Triq it-Tabib Zammit, Ħal Balzan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala meta warden joħroġ ċitazzjoni għal kontravenzjoni ta' traffiku minħabba parkeġġ dan mhux dejjem jinforma lis-sid tal-karozza konċernata billi jwaħħal avviż taċ-ċitazzjoni mal-karozza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Att dwar il-Kummissarju tal-Ġustizzja kif ukoll l-Avviż Legali 350/2004 jistipulaw illi l-avviż ta’ ċitazzjoni għandu: jingħata bl-idejn lil min ikun suspettat li għamel reat skedat fil-waqt li dik il-persuna tinkixef qegħda tagħmel dak l-att jew ommissjoni li jagħti lok għal suspett.
F’każ ta’ parkeġġ illegali u ma jkunx prattiku li l-avviż jingħata f’idejn is-suspettat, dan jitwaħħal fuq il-windscreen tal-karozza.
Pero’, l-istess Avviż Legali jipprovdi li f’każ li Gwardjan Lokali, waqt il-qadi ta’ dmiru, jiġi mhedded, aggredit jew insultat jew inkella jiġi xort’oħra konfrontat b’imġiba ħażina, l-avviż taċ-ċitazzjoni minflok ma jingħata f’idejn is-suspettat għandu jintbagħat lil dan ta’ l-aħħar bil-posta fi żmien jumejn minn mindu tkun saret l-allegata offiża.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala meta warden joħroġ ċitazzjoni għall-kontravvenzjoni tat-traffiku minħabba parking, dan mhux dejjem jinforma lis-sid tal-karozza konċernata billi jwaħħal l-avviż taċ-ċitazzjoni mal-karozza?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-ADT tara li t-traffic humps li hemm fid-diversi lokalitajiet huma ta' daqs standard għax ħafna minnhom saru bil-konkos u ta' daqs tant esaġerat li jikkawżaw ħsarat fil-vetturi li jgħaddu minn fuqhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Dwar It-Trasport ta’ Malta’ stipulat d-daqs u l-għoli ta’ kull round-topped road hump fid-dokument “Guidelines for the Implementation of Traffic Management and Safety Measures and Temporary Diversions of Traffic”. Ukoll f’kull approvazzjoni li tinħareġ mill-Awtorita’ għal round-topped road humps ikunu stipulati d-dimensjonijiet kollha neċessarji għal tali humps.
Huwa apprezzat li l-Onor. Interpellant jindika il-
humps
li għalihom qed jirreferi f’din il-mistoqsija parlamentari sabiex l-Awtorita’ tkun f’posizzjoni li tieħu l-passi neċessarji.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra koppja tad-disinn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għall-użu ta' bus lanes minn vetturi mhux awtorizzati matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, kull xahar separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ċ-ċitazzjonijiet li nħarġu minn naħa tal-Korp tal-Pulizija għall-użu ta’ Bus Lanes minn vetturi mhux awtorizzati matul l-aħħar tnax-il xahar kienu kif ġej:-
2007
Nru
2008
Nru
Mejju
81
Jannar
83
Ġunju
41
Frar
40
Lulju
63
Marzu
69
Awissu
77
April
18
Settembru
65
Ottubru
65
Novembru
46
Diċembru
84
Total
522
Total
210
Jista' l-Ministru jgħid meta beda jopera l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex? Kemm kienet l-istima tax-xogħlijiet? Kemm fil-fatt ġie jiswa dan l-impjant? X'kien il-volum ta' l-ilma li ġiet ttrattat sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex beda jopera fit-23 ta’ Novembru 2007. L-istima oriġinali tax-xogħolijet kienet Euro 6.52 miljun, liema stima ma kenitx tinkludi l-ispejjeż li kellhom isiru wara li l-MEPA ordnat tibdil fil-pjanti. L-ispiża laħqet is-somma ta’ Euro 7.2 miljun. Il-volum ta’ drenaġġ trattat sat-19 ta’ Mejju 2007 jammonta għal madwar 190,000 metri kubi.