Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta' l-elettriku — Dewmien

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li applikat għas-servizz tal-elettriku li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata dan is-servizz għax din diġà qed tabita f'dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li biex tkun tista’ tipprovdi s-servizz u tneħħi d-deviation temporanja li ġiet installata waqt li kienet qed tinbena d-dar, Enemalta għandha bżonn tinstalla brackets mal-faċċata tad-dar. Preżentament b’riżultat ta’ din d-deviation il-linji huma għaddejjin viċin ħafna l-gallerija tal-applikant. Peress li din id-deviation temporanja, qegħda fuq l-arbli, l-installazzjoni tal-linji permanenti fuq arbli se tkun ukoll qrib il-gallarija ta l-applikant u għalhekk tkun ta' periklu. L-iktar mod prattiku u bl-inqas periklu hija li tgħaddi l-linji minn fuq il-brackets peress li bil-brackets il-linji ma jintlaħqux malajr u allura dis-sistema li hija ppruvata tajba ħafna, hija l-iktar mod bl-inqas periklu taħt dawn iċ-ċirkustanzi. L-applikant qiegħed jirrifjuta li jsir dan li allura s-servizz ma jistax jingħata sew.

Blata l-Bajda — Park and Ride - spazji għall-parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' spazji tal-parkeġġ fil-Park and Ride fil-Blata l-Bajda? Kemm kienet in-nefqa tal-operat tal-Park and Ride matul is-sena 2007 inkluż l-ispejjeż ta' ministeru, sigurtà u overheads? Kemm kien id-dħul mill-Park and Ride matul l-2007?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ spazji tal-parkeġġ fil – Park and Ride huwa ta’ 1,095 li minnhom 215 għandhom it-trasport dirett ghall-belt provdut biss b’karozzi tal-linja fuq rotta normali. Matul l-2007 l-ispiza fl-operat tal-Park and Ride ammontat għall - €400,939. Ma ġie rreġistrat l-ebda dħul minn dan il-proġett fl-2007.

Enemalta — privatizazzjoni tad-diviżjoni tal-gass - tender

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender maħruġa għall-privatizazzjoni tad-diviżjoni tal-gass tal-Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Flaps mar-roti ta' wara tal-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħarġu regolamenti sabiex jitwaħħlu flaps mar-roti ta' wara tal-vetturi għax fin-nuqqas ta' dan, it-tyres itajru ħafna ilma fuq il-vetturi ta' wara bil-konsegwenza li jnaqsu l-viżibilità tas-sewwieqa ta' warajhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li jeżistu regolamenti li jesiġu dak li qed jitlob l-Onor Interpellant.

Entitajiet pubbliċi mogħtija lill-privat

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' entitajiet pubbliċi li ġew mogħtija lill-privat għall-iżvilupp kummerċjali mill-gvern permezz ta' indikazzjoni fil-Parlament matul dawn l-aħħar għoxrin sena? F'liema data saru l-kuntratti, lil min ingħataw u x'kien id-dħul tal-gvern minn kull trasferiment?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Assi tal-Gvern — privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-assi tal-gvern (inkluż parastatali) li ġew ipprivatizzati matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena? Jista' jgħid lil min inbiegħu, meta nbiegħu u x'kien id-dħul tal-gvern minn kull bejgħ li sar?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sejħa għall-offerta għal provvista ta' 2nd class water

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala nħarġet sejħa għall-offerta għal provvista ta' 2nd class water għall-impjant tat-trattament tal-iskart f'Sant Antnin meta proprju fejn dan l-impjant hemm l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ li jipproduċi l-ilma 2nd class?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Membru li jekk jara l-ewwel klawsola ta’ dan it-tender jinduna li dan il-kuntratt tat-tip Period Contract (għal perjodu ta’ 12 –il xahar) hu għas-servizz ta’ mili (top up) tal-ġwiebi fl-impjant tat-trattament ta’ l-iskart f’Sant’Antnin b’ilma 2nd class fuq bazi ta’ jekk, skond u meta meħtieġ. Dan ifisser li jekk għal xi raġuni l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ ma jkunx f’pożizzjoni li jipprovdi l-ilma 2nd class, il-Management tal-impjant jkollu l-fakultà li jirrikorri għas-servizz ta’ dan il-kuntratt mingħajr il-bżonn ta’ ħruġ ta’ Direct Order.
Leg 11 PQ #3581 Sitting 49 2008-11-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità għall-Ipjannar u l-Iżvilupp — Scheme extensions

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' scheme extensions li ġew approvati mill-Parlament li sal-lum ġew approvati mill-Awtorità għall-Ipjannar u l-Iżvilupp? Kemm minnhom ġew endorsed mill-Ministeru responsabbli mill-Awtorità għall-Ipjannar u l-Iżvilupp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba dettaljata fuq l-istess suġġett illi ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 3532.

Enemalta — proċess tal-privatizazzjoni tad-diviżjoni tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienet il-kumpannija l-oħra apparti l-Gasco li ġiet short listed fil-proċess tal-privatizzazzjoni tad-diviżjoni tal-gass tal-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Raħal Ġdid — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3114 u jara li minnufih tiġi investigata s-sistema tad-drenaġġ fis-suq tar-Raħal il-Ġdid peress li din qegħda tfur u litteralment tgħarraq il-ħwienet li hemm fis-sular t'isfel?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li ninsab infurmat li din hija problema tas-sistema nterna tad-drenaġġ tal-flats tal-Housing (Block A – Arcade Street) li jinsabu fuq il-ħwienet, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu fil-bypass ta' San Pawl il-baħar b'mod li din it-triq tinfetaħ kompletament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ toroq relatat mall-bini tal-By Pass ta’ San Pawl il-Baħar huwa komplut għajr għall xoghol ta’ tibdil ta’ parti mill-wiċċ li qed isir bħalissa fuq partijiet mit-triq wara li testijiet magħmula fuq l’istess wiċċ irriżultaw fin-negattiv. Dan ix-xogħol għandu jkun lest sa l-ewwel ta’ Novembru 2008. Il-“lane” ta’ ġewwa ta’ parti mill-karreġjata fid-direzzjoni ta’ Burmarrad huwa lest izda temporanjament magħluq għat-traffiku peress li hemm xogħol ta’ irfid għaddej wara li kien sar xi skavar illegali minn terzi li kkomprometta l’isabilta’ kemm tat-triq kif ukoll ta’ xi propjetajiet adjaċenti. Dan ix-xogħol qed jiġi esegwit minn terzi fil-propjeta’ tagħhom u l- “lane” ġie magħluq temporanjament bħala prekawzjoni sabiex tiġi evitata ħsara fit-triq li tlestiet reċentament. Għaldaqstant huwa mbassar li l-“bypass” tinfetaħ kompletament għat-traffiku meta dan ix-xogħol jiġi konkluż u ċċertifikat.

Bridge Manwel Dimech — Ċertifikazzjoni tal-ħadid

Question

B'riferenza għall-allegat nuqqas fiċ-ċertifikazzjoni tal-ħadid li ntuża fil-Bridge Manwel Dimech, jista' l-Ministru jgħid x'testijiet qiegħda tagħmel jew se tagħmel l-ADT sabiex taċċerta li l-bridge hu b'saħħtu biżżejjed sabiex jiflaħ il-piż li ġie ddisinjat għalih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT għandha konferma mingħand is-Supervizuri illi saru kalkoli strutturali minn naha tal-istess Supervizuri bbazzati fuq ir-rizultati tal-post tensioning bil-mod kif ġie ezegwit waqt ix-xogħol. Minn dawn il-kalkoli, is-Supervizuri ikkonfermaw illi l-Pont għandu s-saħħa biex jiflaħ it-traffiku li ġie ddissinjat għalih. Minbarra hekk, saret spezzjoni fuq l-istruttura tal-Pont skond l-Istandard DIN 1076 li huwa Standard Ġermaniż bl-isem “Highway Structures – Testing and Inspection”, li wkoll ikkonferma dan.

Mellieħa — Impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3205 u 2896 u jgħid jekk il-proġett tlestiex u jekk fl-affermattiv meta beda jaħdem? Kemm kien il-valur tat-tender għal dan ix-xogħol? Kemm fil-fatt ġie jiswa sal-lum? Għad fadal xi varjazzjonijiet li jridu jiġu verifikati jew jekk approvat, għad iridu jitħallsu? X'inhi l-capacity ta' dan l-impjant? Kemm jikkonsuma elettriku kuljum dan l-impjant?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ċirkewwa terminal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamnetari 3206 u 2898 u jgħid jekk saritx l-applikazzjoni lill-MEPA għad-disinn rivedut għall-proġett tat-terminal fiċ-Ċirkewwa? Jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslet din l-applikazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent diġa hemm permess validu maħruġ mill-MEPA għall-proġett taċ-Ċirkewwa. Meta it-tibdiliet neċessarji fid-disinji tat-terminal ikunu finaliżżati mill-Awtorita’ Marittima, l-applikazzjoni (amended development permission) tiġi sottomessa lill-MEPA sabiex il-permess eżistenti jkun jinkludi it-tibdiliet proposti.

Għawdex — Polishing Plant

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3202 u 2893 u jgħid meta tlesta u meta beda jaħdem il-polishing plant f'Għawdex? Kemm kien il-budget ta' dan il-proġett u kemm fil-fatt ġie jiswa? Kemm ġie prodott ilma sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-‘polishing plant’ beda jopera bi ‘train’ waħda fis-7 ta’ Lulju 2004. Kull sena żdiedet ’train’ sakemm f’Ġunju 2006 l-Impjant kien komplut u beda jopera bi tlett (3) ’trains’ b’kapaċita massima ta’ 4,000m3/kuljum. Il-proġett “Water Quality Project – Gozo” kien ġie proġettat li jiswa € 3,447,473. Il-proġett sewa € 3,296,063.30 (LM 1,415,000). L-ilma prodott sal-lum kien ta’ 1.7miljun metru kubu.