Legislature:
Category:
Reset
Active:

Joint Office — Fidi ta' ċens

Question

B'referenza għall-iskema ta' fidi ta' ċens ta' proprjetà residenzjali tal-Joint Office, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġew magħżula l-proprjetajiet li diġà sar il-fidi taċ-ċens tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista bl-indirizzi tal-proprjetajiet li l-kuntratt tal-fidi taċ-ċens sar bid-data tal-applikazzjoni ta' meta saret it-talba għall-fidi taċ-ċens?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikazzjonjiet għall-fidi ta’ ċnus ta’ proprjetajiet residenzjali li kien jirċievi l-Uffiċċju Konġunt kienu jinżammu f’ordni kronoloġiku u f’din l-ordni l-applikanti kienu jiġu mgħarrfa bil-prezz tal-fidi. Il-kuntratti kienu jiġu ppublikati hekk kif kull każ partikolari kien ikun iffinalizzat. Sa llum saru 1,712 –il kuntratt taħt din l-iskema u sabiex wieħed jagħti d-dettalji mitluba fit-tieni parti tad-domanda, wieħed ikollu jiċċekkja dawn il- files wieħed wieħed. It-Taqsima Proprjetà tal-Gvern m’hiex f’pożizzjoni li tagħti l-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant, peress illi jinħtieġ ħafna ħin u riżorsi biex tinġabar din l-informazzjoni.

Żwejra — Engineered Landfill - site plan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6633 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' site plan li juri il-konfini preċiżi tal-Engineered Landfill taż-Żwejra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — kuntrattur tal-konstruzzjoni - ndafa

Question

Tista' l-Ministru tara li l-kuntrattur li qed jibni t-tined fuq it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra jżomm il-post nadif għax sal-lum dan il-post hu mimli skart tal-kostruzzjoni li qegħda ssir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux korrett li wieħed jgħid li ż-żona fejn qegħdin jintramaw l-istrutturi protettivi hija ‘mimlija skart tal-kostruzzjoni’, kif qiegħed jgħid l-Onor. Interpellant. Il-kuntrattur li qiegħed jinstalla t-tined huwa marbut li jisbarazza il-materjal kollu ġenerat matul il-jum. Il-materjal li wieħed jara fiż-żona huwa kollu materjal meħtieġ għall-proċess ta’ kostruzzjoni. Wieħed għandu jżid li qegħdin isiru sforzi kbar minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-kuntrattur, sabiex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun il-minimu possibli. Tant hu hekk, li minkejja il-kumplessita’ ta’ dan ix-xogħol, minn meta beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni s-sajf li għadda, Ħagar Qim s’issa ingħalaq għal pubbliku għal total ta’ għaxart’ijiem biss.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — permessi u pjanta

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess u l-pjanta approvata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal bini tat-tined fuq it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — xogħol tat-tined

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu l-kuntrattur li rebaħ it-tender għal bini tat-tined fuq it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra? Kemm hu l-valur tal-kuntratt? Meta beda x-xogħol u kemm suppost se jieħu żmien sabiex jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kuntrattur li rebaħ it-tender li ġie mogħti fit-30 ta’ Marzu 2007 għal dan il-proġett huwa Canobbio SpA, Via Roma 3, 15053 Castelnuovo Scrivia, Alessandria (AL), Italja. Il-valur tal-kuntratt huwa € 2,525,227 (VAT mhux inkluż), li qegħdin jitħallsu permezz ta’ Fondi Strutturali taħt il-Programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEZR) 2004-6. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq is-sit beda f’Ġunju tal-2008. Skond l-aħħar programm tal-kuntrattur, ix-xogħol għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena.

każ ta' liċenzja tal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jivverifika għala l-liċenzja tal-kaċċa lil persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, ma nħarġitlux minkejja li din il-persuna ilha li għamlet l-eżami aktra minn tliet xhur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, peress li l-applikazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet rifjutata, din ma tistax terġa tiġi kkunsidrata jekk mhux kif provdut fl-Art. 25 (2), (Kap 480) tal-Liġijiet ta' Malta.

Haġar Qim/Imnajdra

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu l-perit inkarigat mill-proġett tat-tined fuq it-tempji ta' Haġar Qim u l-Imnajdra? Min hu l-perit Malti rappreżentant ta' dan il-perit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Inġiniera Strutturali responsabbli għall-manifattura u installazzjoni tal-istrutturi protettivi għal Ħaġar Qim u għall-Imnajdra huma Bernd Stimpfle (Ġermanja) u Andrea Angeleri (Italja). Huma rappreżentati f’Malta minn Martin Xuereb & Associates (MXA). It-tender ġie mogħti fit-30 ta’ Marzu 2007.

Ta' Qali — Villaġġ tas-Snajja - ażjendi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6500, 6052, 5832 u 5585 u jagħti lista ta' ażjendi li llum qegħdin joperaw fil-Villaġġ tas-Snajja ta' Ta' Qali?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Toroq arterjali li se jsir xogħol fuqhom

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6502, 5924, 5715, 5470 u 5293 u jagħti l-lista ta' toroq arterjali, distributorji u lokali li hu ppjannat li jsir xogħol fuqhom matul din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ta' Qali — Villaġġ tas-Snajja' - kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6504, 5926 u 5595 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tipika tal-kuntratt li ġie ffirmat bejn l-ażjendi tal-Villaġġ tas-Snajja ta' Ta' Qali u l-Gvern li permezz tiegħu s-sidien kellhom jingħataw il-proprjetà tagħhom b'ċens u huma joħorġu l-flus għall-iżvilupp tal-proprjetà tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

servizzi tas-saħħa — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm jammonta l-infiq fuq is-servizzi tas-saħħa bħala persentaġġ tal-Gross Domestic Product?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kumpannija sussidjara tal-Freeport — Investiment fil-port ta' Brindisi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6217, peress li l-Ministru rrefera għall-istqarrija li kien għamel hu fl-1 ta' Novembru 2004, jista' jgħid x'ġara fil-każ tal-Brindisi Terminal minn dak in-nhar sal-lum b'mod partikolari: a) Brindisi Terminal Italja s.p.a. kienet inbiegħet u jekk fl-affermattiv, x'kien l-ammont ta' flus miġbura minn dan il-bejgħ? b) Jekk ma nbiegħetx għadhu jopera t-terminal ta' Brindisi? ċ) Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni jekk l-ammont direct ta' €26.6 miljun lil-banek tħallasx u jekk fl-affermattiv meta tħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Brindisi Terminal Italia s.p.a. m’għadiex topera u fit-2 ta’ Novembru 2005 marret għal-likwidazzjoni. Dwar l-ammont dovut lill-banek, Freeport Terminal (Malta) irnexxielha tinnegozja ftehim mal-banek li permezz tiegħu kellha titħallas is-somma ta’ €6.64 miljun bħala ħlas sħiħ u finali ta’ kull ammont dovut minn Brindisi Terminal Italia s.p.a. L-aħħar pagament minn dan l-ammont tħallas fi Frar 2008 sabiex b’hekk l-involviment tal-Freeport Terminal (Malta) fil-port ta’ Brindisi spiċċa darba għal-dejjem.
Leg 11 PQ #6942 Sitting 93 2009-03-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Group 4 - xogħol klerikali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6632 u jgħid jekk hemmx ħaddiema tal-Group 4 jagħmlu xogħol klerikali fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk fl-affermattiv, kemm jitħallsu fis-siegħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rata li biha l-MEPA qiegħda tħallas lil G4S għas-servizz klerikali li qed jofrulha hi ta’ 5.18 Euro kull siegħa (excl VAT).

Għadira — proġett tal-Bypass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6137 u jgħid x'sar mill-proġett tal-bypass tal-Għadira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT issottomettiet lill-MEPA erbgħa (4) applikazzjonijiet oultine għat-triq ta’ l-Għadira. Dawn l-erbgħa alternattivi jikkonsistu: 1. triq ġdida wara d- Danish Village u bini ta’ pont wara r-riserva ta’ l-Għadira, 2. titjib ta’ trejqa ezistenti u bini ta’ pont wara r-riserva ta’ Għadira, 3. bini mill-ġdid u titjib tat-triq eżistenti, 4. twessiegħ ta’ toroq u trejqa eżistenti u bini ta’ tunnel taħt l-għolja eżistenti, L-ADT issa qed tistenna li l-MEPA titlob lill-ADT tipproċedi bl-istudji ta’ mpatt ambjentali ta’ dawn l-alternattivi sabiex tingħazel dik l-alternattiva li għandha l-inqas mpatt ambjentali.

Ħ'Attard — Qasam Industrijali - ranġar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6159 u 5839 u jara li jiġu rranġati t-toroq fil-Qasam Industrijali f'Ħ'Attard għax jinsabu fi stat diżastruż?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Progress fl-implimentazzjoni tar-riforma tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6495 u 6136 u jirraporta l-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riforma tat-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6495.

Number plates personalizzati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6214 jgħid kemm hawn vetturi li għadhom personalised number plates ? Veru hemm vetturi li għandhom number plates li inxtraw bl-irkant u x'kien id-dħul tal-Gvern minn dawn in-number plates?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Jannar 2009, kien hawn 78,799 vetturi li għandhom personalized plates. Iva, veru li diversi customized plates inxtraw bl-irkant li kien beda fl-2004. Id-dħul fuq dawn il- customized plates sa l-aħħar ta’ Jannar 2009 kien ta’ €601,104.

Korporazzjoni Enemalta — xiri ta' enerġija mingħand terzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6498 u 6056 u jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta tkunx disposta tixtri l-enerġija mingħand terzi kemm-il darba jkun hemm importaturi li jistabbilixu impjant rural għal-mogħdija tal-elettriku f'Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Direttorat tat-Toroq — field Officers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6497 u 6057 u jikkonferma jekk xi wieħed mil-field officers fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq li saru f'Ottubru 2006 u li huma inkompetenti se jitneħħew? Jekk fl-affermativ, kif se jingħtażlu l-persuni li se joħdulhom posthom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6497.

Progress fl-implimentazzjoni tar-riforma tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6136 u jirraporta l-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riforma tat-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fit-tieni nofs tal-2008, l-Gvern ippublika l-viżjoni tiegħu dwar is-settur. Saret konsultazzjoni estensiva mall-pubbliku u ma l-istakeholders konċernati fuq is-setturi kollha. Fil-każ tas-settur tat-trasport mingħajr skeda, bħalissa għadejja l-konsultazzjoni fuq ir-regoli l-ġodda.