Legislature:
Category:
Reset
Active:

Winery tal-Gvern fil-Buskett

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14110 jgħid x'qiegħed jiġri mill-winerytal-Gvern fil-Buskett? Din il-winery ingħatat lill-privat? Jekk fl-affermattiv, b'liema kundizzjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport — persuni jistennew għat-test tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13889 u jgħid jekk jikkonsidrax li l-Awtorità dwar it-Trasport tipprovdi xi tip ta’ faċilitajiet fejn persuni li jkunu qegħdin jistennew il-ħin sabiex jagħmlu t-test tas-sewqan ikunu protetti mill-elementi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm kamra apposta għal dan il-għan imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Żurrieq — xogħlijiet fuq Valletta Road

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13890, jista' l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li ngħata x-xogħol u x'inhu l-valur tal-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur għal dawn ix-xogħlijiet huwa VRC Joint Venture u il-valur tal-kuntratt huwa ta’ €4,400,003.22.

Ħ'Attard — Xogħlijiet fuq Triq Xatbet l-Art

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kien il-ħsieb li issir Triq Xatbet l-Art, Ħ'Attard, (l-mappa qed tintbagħat separatament), il-parti li mhux iffurmata u li tmiss mal-bini ġdid li tlesta f'dawn l-aħħar xhur peress li l-istat ta' din it-triq hi ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għalkemm din it-triq hija responsabbiltà tal-Gvern din ma kinitx inkluża fil-lista oriġinali ta’ toroq li kellhom isiru mill-Gvern Ċentrali. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq ikunu jistgħu jsiru skont il-fondi u l-prijoritajiet li jirriżultaw.

Korporazzjoni Enemalta — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13895 u jgħid x'kien l-ammont ta' ħaddiema fil-Korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1998 maqsum skond il-gradi tal-impjegati? X'inhu l-ammont ta' impjegati illum maqsum skon il-gradi tal-impjegati? X'kien l-ammont globali ta' ħlas li sar lill-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta matul is-sena 1998 u matul is-sena 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Proġett ta’ Pjazza San Ġorġ — Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13888 u jagħti breakdown tal-ispiża li saret fil-proġett ta’ Pjazza San Ġorġ inkluż il-ħlas li sar lil kull kuntrattur? Kemm kienet in-nefqa għall-attivitajiet promozzjonali li saru fil-ftuħ ta’ dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Nuqqas ta' kaxxi għall-meters ta' 3 phase

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Korporazzjoni Enemalta għandhiex nuqqas ta' kaxxi għall-meters 3 phase? Jekk fl-affermattiv, meta se jibdew jiġu stallati l-meters 3 phase għax din is-sitwazzjoni qiegħda tikkawża danni kbar lil ċerti negozji b'mod partikolari lill-iżviluppaturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament hawn nuqqas ta' 3 phase service boxes. Dawn ġew ordnati u l-ewwel kunsinja mistennija tasal sa nhar il-Ġimgħa 29 ta' Jannar 2010.

Rabat, Triq Ħad-Dingli — riħa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jivverifika r-raġuni għar-riħa tad-drenaġġ li hemm fi Triq Ħad-Dingli, Rabat għax din qiegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti ta' Triq Ħad-Dingli u Triq San Trofimu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għalkemm kien hemm problema fis-sistema tad-drenaġġ li kienet qed tikkawża riħa tinten fit-toroq imsemmija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma solviet din il-problema u r-riħa m’għadhiex hemm.

Driving examiners

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13891 u jgħid x'inhu n-numru ta' driving examiners tal-karozzi? Kemm minn dawn il-persuni rreżenjaw matul l-2009? In-numru ta' examiners huwa suffiċjenti għall-ammont ta' testijiet li jsiru matul is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm tmien Driving Examiners – fosthom hemm wieħed Senior Driving Examiner. Fis-sena 2009 kien hemm riżenja waħda. L-Awtorità ħasset il-bżonn ta’ aktar Eżaminaturi u għal dan il-għan diġà beda il-proċess sabiex jiġu impjegati ħames eżaminaturi oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13894 u jgħid kemm tikri vetturi mill-privat il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? X'tip ta' vetturi huma u x'inhi r-rata ta' kera għal kull ġurnata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tikri ħamsa u ħamsin vettura mill-privat, kif qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #14142 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Payslip tal-paga lill-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13893 u jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-paga qiegħda tidħol fil-kont bankarju tal-ħaddiema, diversi ħaddiema (inkluż tad-distretti) mhux qegħdin jingħataw payslip?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Payslips jitqassmu jum wieħed (1) qabel id-data tal-ħlas. Kull payslip individwali tkun issiġillata f’invilopp speċjali. Kull invilopp bil-payslip ikun issiġillat f’invilopp akbar ma’ oħrajn skond it-taqsima u ndirizzat lir-ras ta’ kull taqsima rispettiva. Din il-proċedura sseħħ għal kull ħlas ta’ salarju jew bonus. Ma jirriżultax li kien hemm każi fejn il-ħaddiema m'huwiex jingħataw payslip.

Pont Manwel Dimech

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13887, 13571, 13324 u 13061 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-project implementation report għall-proġett tal-Pont Manwel Dimech?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi f’dan l-istadju ma jkunx għaqli li dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra peress illi għalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-kuntrattur dwar il-multi mposti fuqu bil-għan li tiġi evitata kawża.

Dawl blu minflok abjad fil-fanali tal-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13885, 13569, 13080, 12871 u 12655 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12393, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed tittieħed in kwantu l-ħafna vetturi li għandhom fanali jitfgħu dawl blu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

smart meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala f'każijiet ġodda mhux dejjem qegħdin jitwaħħlu smart meters u dan meta diġa' nbeda l-proċess għall-bdil tal-meters il-qodma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sal-llum l-istallazzjoni tal-smart meters kienet parti minn pilot project biex jaraw xi problemi jista’ jkun hemm. Dan il-pilot project huwa kkonċentrat fuq tibdil ta’ meters qodma f’żoni speċifici. It-tibdil prinċipali tal-smart meters se jibda din is-sena u dan se jinkludi servizzi ġodda kif ukoll tibdil tal-meters antiki.

Awtorità dwar it-Trasport — Ċentru Marittimu ta' Malta - refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13679 u jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol ta' refurbishment li sar fiċ-Ċentru Marittimu ta' Malta fil-Marsa sakemm jiġu akkomodati l-uffiċċju tal-Awtorità dwar it-Trasport? Meta se jsir it-trasferiment tal-uffiċini tal-Awtorità dwar it-Trasport għal dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li dawk li kienu l-uffiċini tal-Awtorità Dwar it-Trasport mhux ser ikunu rilokati għall-eks Ċentru Marittimu ta' Malta, illum imsejjaħ iċ-Ċentru tat-Trasport ta' Malta. Ovvjament dan ifisser li ma saret ebda spiża ta' refurbishment relatata ma' din ir-rilokazzjoni.

Skart separat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala skart separat li jinġabar nhar ta' Tlieta irid bilfors ikun fil-boroz il-griżi jew ma jinġabarx minkejja li jista' jkun f'kontenituri degradable bħalma hi kaxxa tal-kartun jew xi basket tal-karti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li l-borża l-griża għandha l-iskop li tingħaraf mill-kolletur minn reċipjenti/kontenituri oħra li fihom jista' jitpoġġa skart imħallat. Il-borża l-griża hi wkoll semi-trasparenti ħalli skart mhux riċiklabbli jingħaraf u ma jinġabarx.

Korporazzjoni Enemalta — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' ħaddiema fil-Korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1998 maqsum skond il-gradi tal-impjegati? X'inhu l-ammont ta' impjegati illum maqsum skon il-gradi tal-impjegati? X'kien l-ammont globali ta' ħlas li sar lill-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta matul is-sena 1998 u matul is-sena 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport — persuni jistennew għat-test tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li l-Awtorità dwar it-Trasport tipprovdi xi tip ta’ faċilitajiet fejn persuni li jkunu qegħdin jistennew il-ħin sabiex jagħmlu t-test tas-sewqan ikunu protetti mill-elementi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Żurrieq — xogħlijiet fuq Valletta Road

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13482 u 13075 u jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq Valletta Road, Żurrieq? Jista' jgħid ukoll minn kien l-kuntrattur li ingħata x-xogħol? Kemm kien l-valur tal-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ preparamenti u xogħol ta’ “patching” fuq id-“diversion routes” beda u bħalissa qed jsiru l-preparamenti neċessarji sabiex ikun jista' jibda x-xogħol propju fuq din it-triq.