Ħwienet bid-drain tal-air conditioner jitfa' l-ilma fit-triq
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20199 u 19788 u jara li l-enforcement officers tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jagħmlu spezzjoni tat-toroq tal-Belt u jġiegħlu lil dawk kollha li għandhom id-drain tal-air conditioner jitfa' l-ilma fit-triq biex ineħħuhom fi żmien stipulat għax dan l-aġir qed iwassal għal inkonvenjent kbir għall-persuni li jgħaddu minn dawn it-toroq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dak li qed jitlob l-Onor. Interpellant m’huwiex kompitu tal-MEPA.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20197, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-tneħħija tat-taraġ storiku f'Melita Street bejn Triq id-Dejqa u Triq l-Ifran hux kopert bil-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Trasferiment ta' qbiela tar-raba' tal-gvern jew tal-joint office
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20202, jista' l-Ministru jgħid jekk il-qbiela tar-raba' fuq persuna tistax tiġi trasferita lil ħu l-istess persuna (l-istess familja)?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-qbiela tar-raba’ ma tistax tiġi trasferita bejn l-aħwa peress li skont it-termini tal-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ (Kap 199), trasferiment bejn membri tal-istess familja jista’ jsir lil-axxendenti lineari, jew lid-dixxendenti lineari.
Belt — Triq San Ġwann - no parking fuq taraġ storiku
Question
Jista' l-Ministru jara li l-Kunsilli Lokali tal-Belt jimplimenta miżuri ta' no parking fuq it-taraġ li hemm mal-ġenb ta' Triq San Ġwann bejn Triq id-Dejqa u Triq l-Ifran peress li l-ipparkjar ta' vetturi qiegħed jikkaġuna ħsara kbira lil dan it-taraġ storiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Ministeru mhux responsabbli għall-kunsilli lokali u konsegwentament ma jistax jordna li l-Kunsill jieħu l-miżuri msemmija. B'danakollu, ninfurmah ukoll illi Transport Malta ordnat bollards biex jitwaħħlu tul dan it-taraġ u b'hekk ma jipparkjawx vetturi fuq dawn it-taraġ.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19912, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm instabu infringements ta' permessi maħruġa u f'liema barrieri kienu dawn l-infringements?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet sitta u għoxrin (26) permess ambjentali lill-barrieri għal operati varji, li jinkludu l-irdim ta’ barrieri bit-terrapien u riċiklaġġ ta’ skart iġġenerat mill-industrija tal-kostruzzjoni u twaqqigħ tal-bini. Kien hemm żewġ (2) infringements ambjentali ġo żewġ (2) barrieri differenti; HM32 Misrah Suffara fil-limiti tar-Rabat, Malta, u fil-barriera magħrufa bħala Tal-Mejda fil-limiti tal-Imqabba. Kien hemm ukoll tlett (3) barrieri li ġew mirduma mingħajr il-permessi neċessarji; SM39 Tas-Sienja, Kirkop, SM30 Tad-Dawl, Mqabba u SM38 Ta’ l-Isqof, Mqabba.
Instab ukoll li fit-tlettax il-barriera differenti kien qed isir irdim jew jiddaħħal materjal għal skop ta’ riċiklaġġ mhux awtorizzat bil-permess ta’ żvilupp. F’kull każ inħareġ Avviż. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’dawn il-barrieri.
MEPA — prints tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19918 u jgħid kemm se tiċċarġja l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar lill-applikanti għal prints li jridu jsiru minnha skont il-proċeduri ġodda tal-ipproċesar tal-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-prezzijiet ta’ printing ta’ dokumenti u pjanti f’Euros kif maqbula mal-Kamra tal-Periti.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA mhux se tagħmel qliegħ minn dawn il-
fees.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-kategoriji ta' nies u r-raġuni għala dawn ma ngħatawx l-allowance għall-enerġija li tħabbret fil-budget?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm żewġ kategoriji ta’ nies li ma kenux eliġibbli għall-allowance ta’ enerġija li tħabbret fil-baġit. Dawn iż-żewġ kategoriji:
1. Dawk li qabżu l-konsum ta 10,000
units
f’sena, u
2. Dawk li diġà qed jirċievu xi forma ta’ għajnuna mis-servizzi soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid għal liema tip ta' xiri tista' tintuża' l-smart card mill-istudenti? Tista' tintuża' għax-xiri ta' ħwejjeġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iSmart Card tal-istudenti tista’ tintuża biex jinxtraw oġġetti jew servizzi marbuta mal-edukazzjoni u l-istudji li jkun qed jagħmel l-istudent/a. Billi hu meqjus li l-prattika tal-isport tgħin ukoll fl-iżvilupp tal-istudenti, il-card tista’ ukoll tintuża biex jinxtraw ħwejjeġ li huma użati fil-prattika ta’ xi dixxiplina sportiva.
Sfortunatament ikun hemm xi ħwienet li jbiegħu dan it-tip ta’ ħwejjeġ u jabbużaw billi jbiegħu ukoll ħwejjeġ normali. Il-Bord responsabbli mill-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Isudenti tul is-sena akkademika li għaddiet issospenda s-servizz lil disa’ ħwienet tal-ħwejjeġ li nqabdu jbiegħu ħwejjeġ mhux awtorizzati bl-i
smart card
.
Belt Valletta — Triq San Gwann - tneħħija ta' taraġ
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19789 u jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar li qiegħed isir fit-toroq tal-Belt Valletta hux kopert bil-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tal-permess u tal-pjanti approvati fuq il-Mejda tal-Kamra? Dawn il-permessi jistgħu jinkludu t-tneħħija tat-taraġ li hemm fil-ġenb tat-triq bħalma sar fil-parti ta' Triq San Gwann ma' Triq ir-Repubblika 'l isfel? Japprezza l-Prim Ministru li dan it-taraġ għandu valur storiku apparti li għandu funzjoni importanti għax jagħmilha faċli li persuni anzjani jew bi problemi ta' mobilità jimxu fit-triq li għandha gradient qawwi ħafna?
Jista' l-Prim Ministru jindika min hi l-persuna fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar responsabbli mill-Urban Improvement Funds (UIF) għax diversi kunsilli mhux qegħdin isibu koperazzjoni mill-Awtorità rigward dawn il-fondi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-korrispondenza kellha tintbagħat lid-Direttur tas-Servizzi Korporattivi li qed jgħin fl-amministrazzjoni tal-kumitat tal-Urban Improvement Fund. Il-Kunsilli Lokali kollha ġew imgħarrfa b'dan.
Ma jirriżultax li l-awtorità rċeviet xi ilmenti minn xi Kunsilli fuq nuqqas ta' koperazzjoni. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini l-ismijiet tal-kunsill lokali li qed jilmentaw fuq dan in-nuqqas.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19916 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm ġew rapportati persuni li weġġgħu fuq siti ta' kostruzzjoni matul din is-sena 2010? X'kienet in-nazzjonalità ta' dawn il-persuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel kwart tas-sena 2010, in-numru totali ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni (NACE 45) kien jammonta għal 149. Dan kien ippubblikat fin-News Release Nru. 92/2010.
Fit-tieni kwart tas-sena 2010, in-numru totali ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni (NACE 45) kien jammonta għal 131. Dan kien ippubblikat fin-
News Release
Nru. 157/2010.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-NSO m’għandhiex disponibbli informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuni involuti.
Trasferiment ta' qbila tar-raba' tal-gvern jew tal-joint office
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif jista' jiġi trasferit il-qbiela tar-raba' tal-gvern jew tal-Joint Office bejn il-membri tal-istess familja? Id-definizzjoni ta' kerrej kif imsemmija fl-Att dwar it-Tiġdid ta' Kiri ta' Raba' (Kapitlu 199) għadha applikabbli?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-trasferiment/tiġdid tal-qbiela tar-raba’ tal-Gvern jew tal-Joint Office bejn membri tal-istess familja jsir skont id-definizzjoni ta’ membri tal-familja fl-Artikolu 2 tal-Kapitolu 199, u anke lill-legatarji jew ċessjonarji tal-kirja, skont id-definizzjoni ta’ kerrej fl-Artikolu 2 ta’ l-istess Kapitolu 199.
Fil-każ ta’ qbiela bejn diversi persuni, membru tal-familja, jista’ jċedi l-qbiela, billi jirrinunzja a favur kwalunkwe kerrej li jkun jifforma parti mill-istess qbiela, suġġett għall-approvazzjoni tal-kerrejja l-oħra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19787, jista' l-Ministru jirrispondi t-tieni parti jiġifieri jekk din il-marda kenitx ta' periklu għall- bniedem u x'kumpens se jingħataw ir-raħħala li nqatlulhom tiġieġ li nstabu morda bis-salmonella?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din il-marda ma kenitx ta’ periklu għall-bniedem minħabba l-moniteraġġ fuq l-irziezet, l-itestjar fuq it-tjur u l-kontrolli stretti li saru mill-veterinarji fil-Ministeru tiegħi. Ir-raħħala li nqatlulhom it-tiġieġ hu maħsub li jingħataw kumpens skont kif provdut fl-Att tas-Servizzi Veterinarji.
Tista' l-Ministru tikkonferma li ċ-ċwievet tal-proprjetà, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, humiex f'idejn l-Awtorità tad-Djar peress li l-persuna li kienet tgħix fiha ilha ma toqgħodx hemm għal diversi snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar ma tistax tieħu l-pussess vakant tal-fond imsemmi peress li l-inkwilina legali qiegħda tirrisjedi ġewwa Dar tal-Anzjani.
MEPA — prints tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm se tiċċarġja l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar lill-applikanti għal prints li jridu jsiru minnha skont il-proċeduri ġodda tal-ipproċesar tal-applikazzjonijiet?
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Oil Tanking wara li ilu li tħabbar aktar minn sena li se jibdew negozjati mal-prefered bidders?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Freeport Corporation biegħet is-sehem ta' l-isthma fl-Oil Tanking fit 2 ta' Awwissu 2007 u l-gvern ma fadallu l-ebda shareholding.
Tista' l-Ministru tirrispondi t-tieni parti ta' mistoqsija parlamentari 19749 u tgħid kemm qegħdin jimpjegaw nies magħhom, kull fabbrika separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma tistax tagħti informazzjoni dwar kemm hemm nies jaħdmu f’kull kumpanija rispettiva minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk il-kategoriji ta' nies u r-raġuni għala dawn ma ngħatawx vouchers għall-ħlas tal-konsum tal-elettriku?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’każ li l-Onorevoli interpellant fil-Mistoqsija tiegħu qiegħed jirreferi għaċ-ċekkijiet tal-‘allowance’ għall-enerġija li tħabbar fid-Diskors tal-budget għal din is-sena u li tħallsu riċentament mill-Ministeru tal-Finanzi, għandu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Minstru tal-Finanzi.
Dwar il-benefiċċju ta’ l-Enerġija li jitħallas permezz ta’ vawċer mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-benefiċċju jingħata lil min qiegħed jirċievi xi tip ta’ għajnuna soċjali, lil min għandu dħul li fis-sena ma jeċċedix € 8,098.40 u fuq bażi umanitarja. Il-vawċer dovut jiġi kkalkulat skont il-konsum tad-dawl u jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali meta jinħareġ il-kont tad-dawl u ilma tal-benefiċċjarju.