Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — twaħħil ta' meters tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-Korporazzjoni Enemalta ilha l-ġimgħat ma twaħħal meter tal-elettriku u minħabba f'hekk, qiegħed jinħoloq inkonvenjent kbir?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, konsegwenza ta’ direttivi mposti mill-General Workers’ Union, ċerti servizzi li l-Korporazzjoni Enemalta tagħti lill-konsumaturi qed ikollhom jieqfu jew jitwalu. Dawn id-direttivi qed isiru minħabba ħames impjegati fil-Control Section tal-Korporazzjoni li mhux qed jaċċettaw li jmorru f’sezzjoni oħra fi ħdan il-Korporazzjoni bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, anke jekk il-Credit Control Section spiċċat u x-xogħol għal debt collection issa qed isir mid-Debtors’ Section ġewwa l-ARMS. Din it-tilwima issa telgħet quddiem it-Tribunal Industrijali, u għalkemm beda dan il-proċess, il-Union xorta għażlet li tibqa’ żżomm dawn id-direttivi, anke b’detriment għas-servizz lill-konsumatur. Il-proċess għall-organizzazzjoini tal-ARMS issa beda miexi, anke wara li l-ARMS iffirmat mal-istess General Workers Union interim agreement li jissalvagwarda l-interessi ta’ l-impjegati tal-Water Services u tal-management li ġew seconded mal-Arms għall- perjodu sa kemm jiġi ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv. Il-korporazzjoni qed tagħmel l-għalmu tagħha biex tibqa’ tagħti l-aħjar servizz lill-konsumatur.
Leg 11 PQ #24334 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Heritage Malta — Bdil ta' uniformi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala se jinbidlu l-uniformijiet tal-impjegati ta' Heritage Malta? Kemm hu stmat li se jiswew l-uniformijiet il-ġodda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #24335 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

War Museum — Tinda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala ġiet stallata tinda fil-War Museum? Għal kemm żmien se titħalla din it-tinda? Kemm tqum din it-tinda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra ġie nstallat kamp militari sabiex il-viżitaturi ta’ dan il-mużew jieħdu esperjenza ta’ faċilita’ militari ta’ dan it-tip. Fl-istess ħin dan il-kamp qed jilqa fih ir-reception tal-mużew. Dan il-kamp inxtara u ġie nstallat fl-2009, u sewa €2,500. Minn dak iż-żmien ’il hawn ħareġ il-permess tal-MEPA sabiex tiġi stallata struttura permanenti u beda x-xogħol preparattiv meħtieġ fuq din l-istruttura.

Tender tal-bini tal-parlament il-ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23996 u jgħid għala il-GHRC fit-tender tagħha għall-bini tal-parlament il-ġdid (GHRC IPB - 03/2011) speċifikat li l-ġebel tal-qawwi li se jintuża għall-faċċata tiegħu bilfors irid jinġieb minn barriera partikolari f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Perit Piano għażel il-lower coralline limestone Maltija bħala l-materjal li jiddomina l-proġett għal raġunijiet estetiċi, kontestwali u arkitettoniċi. L-għażla tal-Perit Piano kienet speċifikament għall-elementi magħrufa bħala "Il-Mara" u "Xlendi" tal-lower coralline limestone. L-ispeċifikazzjonijiet tal-Perit Piano ġew evalwati u verifikati minn Ramsey Stone Consultants (li huma konsulenti fil-qasam tal-ġeoloġija). Bl-assistenza ta' dawn il-konsulenti, tar-Renzo Piano Building Work Shop, Terracore Ltd u Bovis Land Lease (li huma wkoll konsulenti fuq dan il-proġett), il-Grand Harbour Regeneration Corporation ikkumissjonat investigazzjonijiet tekniċi fi tmien barrieri f'Malta u Għawdex minn fejn jista' jiġi estratt il-materjal mixtieq. Biex tintgħażel barriera ried ikollha b'mod ippruvat riserva suffiċjenti tal-materjal li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-Perit Piano. Minbarra hekk l-operatur tal-barriera intalab jikkonferma r-rieda tiegħu li jbiddel is-sistemi tal-produzzjoni biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Perit Piano għad-daqsijiet tat-tqattiegħ speċifikati minnu. F'kull barriera identifikata saru spezzjonijiet viżwali; laqgħat mal-operaturi; ġbir ta' kampjuni u ttestjar fuq perjodu ta' żmien; analiżi formali tal-kampjuni; u evalwazzjoni tal-permessi ambjentali u ta' żvilupp tal-barrieri involuti. Il-konsulenti f'rapport miktub ikkonkludew li l-barriera msemmija kienet l-unika waħda li tissodisfa r-rekwiżiti kollha msemmija. B'rispett tal-interess kummerċjali tal-barrieri li finalment ma ntgħażlux, ma jidirlhix li għandi nippublika r-rapport msemmi..
Leg 11 PQ #24141 Sitting 322 2011-03-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Palazz tal-President — Pilastri tal-Kantina

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23995 u 23707 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-istat strutturali tal-pilastri fil-kantina tal-Palazz tal-President fil-Belt, liema pilastri qegħdin jerfgħu l-bini kollu huwiex fi stat perikoluż? Qatt sar xi rapport dwar l-istat strutturali ta' dawn il-pilastri u jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #24142 Sitting 322 2011-03-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Outline permits imġedda

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 23988, jista' l-Prim Ministru jagħti l-PA number ta' outline applications li ġew approvati matul l-2005-2010 kull sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #23987 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — Promenade ta' San Pawl il-Baħar - tisbieħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23701 u jgħid kemm kien in-numru ta' spazji għall-parkeġġ qabel ma nbeda x-xogħol ta' tisbiħ fil-promenade mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu f'San Pawl il-Baħar? Kemm se jitnaqqsu spazju ta' parkeġġ minħabba dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ parkeġġi uffiċjali fir-toroq li fihom qed isir dan il-Proġett ta’ tisbieħ – dawk immarkati b’żebgħa bajda – kienu oriġinarjament 78. Spazji oħrajn li kienu jipparkjaw il-karrozzi fihom maġenb bankini, imma mhux immarkati, kienu 29. Grazzi għal dan il-proġett ġew introdotti bankini fejn ma kienx hemm, ġie organizzat il- parking skond il-linji gwida tal-Awtorità tat-Trasport u l-MEPA u ġew eliminat il- parking li jista’ jkun perikoluż għat-traffiku li jkun għaddej mit-triq. Issa l-ispazji uffiċjali li se jkunu mmarkati u se jammonta għal madwar 63 spazju għall-karozzi u 8 spazji għall-muturi.
Leg 11 PQ #23988 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Outline permits imġedda

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23704 u 23510 u jgħid kemm ġew imġedda outline permits matul is-snin 2005 - 2010 kull sena separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li m'hemmx metodu dirett kif toħroġ l-informazzjoni mitluba mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta Dwar L-Ambjent u l-Ippjanar.Biex din l-informazzjoni tinġabar manwalment tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin li jista jintuża b’ mod aktar produttiv mill-Awtorita’. Madankollu jekk l-Onor. Interpellant jixtieq xi informazzjoni fuq xi każ partikolari nitolbu javviċinani bid-dettalji tal-każ.

Marsaxlokk — Paviment ta' madwar il-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 23700 jiġifieri kemm kien ġie jqum il-paviment li kien sar u kemm hu stmat li se jiġi jiswa x-xogħol sabiex jinbidel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ pavimentar li kien sar kien ġie jiswa, Lm 63,608.80 (jiġfieri madwar € 150,000). Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dan il-pavimentar sarlu ħafna ħsara mill-vetturi li tħallew jgħaddu u jipparkjaw fuq. Tajjeb ingħidu wkoll li oriġinarjament kien hemm installati bollards biex jkun evitata dan iżda dawn tneħħew (mhux mill-Gvern Ċentrali) wara żmien qasir bill-konsegwenzi li hemm illum. Barraminhekk tajjeb li jingħad illi matul is-snin kien sar xogħol ta' trinek kif ukoll xogħol ieħor mħtieġ fuq ir-Rising Main u li warajhom kien diffiċli li jsir xogħol ta' reinstatement kif meħtieġ. Fid-dawl tal-proġett ta' tisbieħ li sar matul ix-Xatt is-Sajjieda, ittieħdet l-opportunita' biex dan il-pavimentar li għandu ħsarat jinbidel u jsir xogħol li jikkumplimenta il-pavimentar ta' Xatt is-Sajjieda ftit metri l-bogħod. Il-Pavimentar il-ġdid se jkun maħdum bil-porfido u granit u huwa stmat li ser jiswa' madwar €199,735 (inkluz VAT). Se jitwaħħlu numru ta' bollards u se jittieħdu miżuri biex l-vetturi ma jitħallewx jitilgħu fuqu.
Leg 11 PQ #23995 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Palazz tal-President — Pilastri tal-Kantina

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23707 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-istat strutturali tal-pilastri fil-kantina tal-Palazz tal-President fil-Belt, liema pilastri qegħdin jerfgħu l-bini kollu huwiex fi stat perikoluż? Qatt sar xi rapport dwar l-istat strutturali ta' dawn il-pilastri u jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Tender tal-bini tal-parlament il-ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala il-GHRC fit-tender tagħha għall-bini tal-parlament il-ġdid (GHRC IPB - 03/2011) speċifikat li l-ġebel tal-qawwi li se jintuża għall-faċċata tiegħu bilfors irid jinġieb minn barriera partikolari f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Imġarr — pumping station - ilma kkontaminat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk mill-pumping station tal-ilma fl-Imġarr hux qegħdin itellgħu ilma kontaminat? Biex inhu kontaminat dan l-ilma u kemm ilu f'dan l-istat? X'qed isir b'dan l-ilma bħalissa? X'miżuri qegħdin jittieħdu biex jindirizzaw din il-problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-Imġarr pumping station, il-KSI mhix qed ittella’ ilma kontaminat. Fil-preżent, wara li xi sentejn ilu, kien ġie irraportat “leak” tal-fuel minn pompa tal-petrol fi prossimità viċin ħafna tal-“pumping station” lill-awtoritajiet u minħabba illi l-istess ilma ta’ l-Imġarr PS jitwassal sa ġibjun prinċipali wara li jitħallat ma’ l-ilma ta`-ċirkewwa RO, bi ftehim mar-Regolatur, l-MRA, il-KSI, ma ħadet l-ebda riskju u immedjatament ħadet azzjoni billi iżolat dan is-sors mis-sistema tal-ilma tax-xorb. Il-monitoraġġ għadu fis-seħħ peress li il-moviment tal-fuel minn go l-istrati tal-blat f’dik iż-żona huwa difficli w jaf jieħu ċertu żmien. Qabel ma jkun magħruf b’ċertezza li l-fuel fl-ilma ta’ taħt l-art eventwalment ma jistax isib ruħu fl-“aquifer”, l-ilma minn din il-pumping station sa jibqa’ iżolat mis-sistema tad-distribuzzjoni. Sadanittant, qegħdin jibqgħu isiru aktar testijiet fil-laboratorju sabiex jiġi stabbilit jekk l-ilma minn din il-pumping station jistax għal darb’ oħra jiġi użat fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb.

Barrakka ta' Fuq — tender għall-lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għall-bini tal-lift tal-Barakka ta' Fuq? Min tefa' l-offerta u meta se jiġi awarded dan it-tender?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi erba’ (4) offerti intefgħu għat-tender tal-proġett tal-lift tal-Barrakka ta’ Fuq. Dawn l-offerti saru minn dawn il-kumpaniji: BIB Lift JV GBEA J Barrakka Connection JV Grand Harbour Lift JV Il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-offerti għadu għaddej.

Proġett ta' Bieb il-Belt, Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-progress fix-xogħol tal-Proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament il-Ġdid u t-Teatru Rjal huwa kif ser ngħid:- Parliament Building · Substructure - Beda x-xogħol ta’ piling · Superstructure – Il-kuntrattur li rebaħ it-tender qed jipprepara l-fabbrikazzjoni tad-disinn għax-xogħol tal-metall · MEP – It- tender ġie pubblikat fil-11 ta’ Frar · Façade – it- tender ġie pubblikat fil-15 ta’ Frar City Gate · Demolizzjoni – it- tender ġie mogħti u x-xogħol jibda f'April 2011 Opera House · Restawrazzjoni tal-ġebel storiku – ix-xogħol beda u huwa stmat li jitlesta f’Mejju 2011

Arms Ltd — uffiċċju tal-Blata l-Bajda

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 23573, jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti mqabbda mill-Arms Ltd għax-xogħol li qiegħed isir fl-uffiċċju tagħha fi Blata l-Bajda? Kif intagħżlu dawn il-periti u kemm qegħdin jitħallsu għax-xogħol li jridu jagħmlu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-periti li tqabbdu sabiex jagħmlu xogħlijiet fl-uffiċini l-ġodda fi Blata l-Bajda, huma ta’ Kalaxlokk Ltd. ARMS Ltd. qabbdu periti sabiex jivvalutaw il- bill of quantity ippreżenta minn Kalaxlokk Ltd. Id-dettalji ta’ dawn il-periti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — pannelli fotovoltaiċi

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda tħallas lill-privat għall-elettriku ġenerat mill-pannelli fotovoltaiċi, jiġifieri jekk in-numru ta' units ġenerati mill-pannelli jitnaqqsux minn numru ta' units ikkonsumati jew inkella l-kont tal-konsumatur jitnaqqas bis-somma dovuta għan-numru ta' units li jkunu ġenerati mill-pannelli?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23172.

Marsaxlokk — Paviment ta' madwar il-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-paviment li kien hemm madwar il-Knisja ta' Marsaxlokk u li sar ftit tas-snin ilu, huwiex se jinqala'? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għala se jsir hekk? Kemm kien ġie jqum il-paviment li kien sar u kemm hu stmat li se jiġi jiswa x-xogħol sabiex jinbidel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan il-pavimentar qed jinqala’ biex isir mill-ġdid għax dak li kien hemm kienet saritlu ħafna ħsara billi ma kienx hemm kontroll fuq l-aċċess ta’ vetturi għal din il-pjazza. Fil-proġett li qed isir se jiġu stallati bollards biex l-aċċess ghall-pjazza jiġi ristrett u ma tergax issir ħsara.
Leg 11 PQ #23701 Sitting 316 2011-02-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — Promenade ta' San Pawl il-Baħar - tisbieħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' spazji għall-parkeġġ qabel ma nbeda x-xogħol ta' tisbieħ fil-promenade mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu f'San Pawl il-Baħar? Kemm se jitnaqqsu spazju ta' parkeġġ minħabba dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Kuntratt tal-Art

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22953, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-offerti jew tar- riżoluzzjoni parlamentari li permezz tagħha ngħatat l-art skont dawn il-kuntratti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għat-tweġiba parlamentari 22953, l-art ġewwa Ħal Qormi ngħatat b’ċens perpetwu mhux rivedibbli lill-kumpanija Lowenbrau b’mod dirett, skont id-disposizzjoni tal-artikolu 4 (b) tal-Iskeda annessa mal-Att dwar Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kap 268) tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri għall-użu tal-art għal skopijiet industrijali, li f’dan il-każ speċifikament għall-produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku. Kopja ta’ din l-Iskeda qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.