Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ'Attard — Triq Santa Katerina - rotot tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tibdil li jrid isir fit-rotot tal-Arriva, jinkludi r-rotta li tgħaddi minn Triq Santa Katerina jew xi triq oħra viċin il-housing estate ta' Ħ'Attard għax bħalissa n-nies li joqogħdu f'dawn l-inħawi m'huma moqdija bl-ebda mod?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-residenti li joqgħodu fl-inħawi ta’ Triq Santa Katerina, Ħ’Attard preżentament qed jinqdew b’rotta 106 li tgħaddi fost oħrajn minn Misraħ Kola kif ukoll mill-viċinanzi tal-housing estate ta’ Ħ’Attard. Din ir-rotta tgħaqqad ukoll il-lokalità ma’ l-isptar Mater Dei.
Leg 11 PQ #25197 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żviluppi fuq l-Uffiċċju tal-bord tal-EPC

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-iżvilupp li jirrigwarda l-alterazzjonijiet li saru f'Hexagon House sabiex jiġu nkorporati l-uffiċċji fejn jiltaqgħu l-bordijiet tal-EPC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru.25414.

Sistema LEMIS

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-implimentazzjoni tas-sistema LEMIS fid-Dipartiment tal-Artjiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel fażi tas-sistema tal-LEMIS li titratta s-sezzjoni tal-ġbir tal-kera waslet biex tiġi implimentata, wara li l-proċessi kollha tax-xogħol kollu konness mal-ġbir tal-kera ġew installati, iċċekkjati mal-impjegati u bħalissa qed jingħata t-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema biex ikunu familjari mas-sistema l-ġdida. Barra minn hekk, qed isiru wkoll laqgħat mal-Kunsilli Lokali dwar l-implimentazzjoni tas-sistema tal-LEMIS peress li dawn ser jibqgħu involuti fil-ġbir tal-flus tal-kirjiet tal-Gvern. Qed jiġi wkoll iffinaliżżat il-format il-ġdid tal-kontijiet u l-irċevuti sabiex dawn jibdew joħorġu bis-sistema l-ġdida hekk kif l-ewwel fażi tiġi implimentata.

Persuni li jaħdmu full-time u part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' persuni li jaħdmu full-time u part-time (dawk li jiddikjaraw l-impjieg part-time bħala l-uniku job tagħhom separatament) fl-aħħar tas-sena 2007, 2008, 2009 u 2010? X'inhu n-numru llum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar numru ta' qbiela li jridu jħallsu l-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-artijiet imsemmija fl-avviż numru 44 u 45 (mistoqsija parlamentari 27243) hux każ li l-applikant hu ċenswalist jew jekk hux każ ta' dritt għaċ-ċens minħabba servitu? F'dan il-każ, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dritt tal-ewwel rifjut ġiex dikjarat fis-sejħa għall-offerti? Jista' jgħid x'permess inħareġ mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq din l-art agrikola u jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tat-Tender Committee tad-Dipartiment, kif ġew appuntati u jekk hux qegħdin jitħallsu għal din in-nomina?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fiż-żewġ każi kien hemm applikazzjoni għall-kiri tal-art li ma kinitx mikrija. Iż-żewġ applikanti ġabu l-permess tal-MEPA sabiex iż-żewġ biċċiet art ikunu jistgħu jiġu mikrija bħala raba’. F’ebda sejħa ma kien hemm iddikjarat ir-right of first refusal, madanakollu it-Tender Committee tista’ tirrakomanda ir-right of first refusal skont il-Policy tad-Dipartiment tal-Artijiet. Kopja taż-żewġ permessi tal-MEPA qegħdin jiġu impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-membri tat-Tender Committee huma d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment Proprjeta’ tal-Gvern is-Sur Iman Schembri, is-Sur Alfred Bezzina, il-Perit Anton Żammit, is-Sur Anthony Cachia mid-Dipartiment tal-Kuntratti u Marita Portelli Segretarja. Dawn ġew appuntati mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji ż-Żgħar u l-Artijiet. Ebda wieħed minn dawn il-membri ma jitħallas għan-nomina tagħhom fuq dan il-Kumitat.

Xogħlijiet ta' Bieb il-Belt/Teatru Rjal/Parlament

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont f'liema stadju waslu x-xogħlijiet ta' Bieb il-Belt/Teatru Rjal/Parlament? Kemm ġew jiswew ix-xogħlijiet s'issa u lil min u kemm saru ħlasijiet? X'inhu l-persentaġġ tax-xogħol kollu li s'issa tlesta? Il-proġett għadu miexi skond il-programm sabiex jitlesta fiż-żmien stipulat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari nru. 25075 u 25445. Rigward l-persentaġġ tax-xogħol kollu li tlesta, jien infurmat li dan huwa ta’ 8% tal-Hard Cost by Value sal-aħħar ta’ Ġunju 2011.
Leg 11 PQ #27490 Sitting 382 2011-07-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Obbligi tal-Produtturi/entitajiet

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 27199, jista' l-Prim Ministru jgħid min kien responsabbli sabiex jgħarraf lill-produtturi/entitajiet bl-obbligi tagħhom skont avviz legali nru 227/2006? B'liema mod ġew mgħarrfa dawn il-produtturi/entitajiet b'dawn l-obbligi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta ssir liġi hi responsabbilta ta' min tolqot dik il-liġi li jaġġorna ruħu dwar l-obbligi li joħorgu min din il-leġiżlazzjoni. Ta min jgħid li dan l-avviż legali ilu fis-seħħ għal iżjed minn ħames snin u l-produtturi kellhom diversi opportunitajiet li jaġġornaw ruħhom. Ta' min isemmi ukoll li l-MEPA li hi l-Awtorità Kompetenti għal dan l-Avviż Legali, tul dawn l-aħħar ħames snin ħadet diversi inizzjattivi sabiex tinforma il-produtturi/entitajiet b'dawn l-obbligi. Fost dawn l-inizzjattivi ta' min isemmi (1) diversi laqgħat pubbliċi dwar dawn l-obbligi, (2) użu tal-media kollha (Televizjoni, Radju u Gazzetti), sabiex twassal il-messaġġ dwar l-obbligi lil produtturi, (3) żjarat lil ħafna ħwienet permezz tal-compliance officers tagħha fejn ġew spjegati l-obbligi fuq il-post, u (4) intbagħtu eluf ta' ittri lill-kumpaniji li kellhom potenzjal li jiġu affettwati minn din il-liġi. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li twaqqfu żewġ skemi, il-GreenPak u l-GreenMT sabiex igħinu lill-produtturi jilħqu l-obbligi tagħhom. Dawn l-iskemi wkoll ħadu u qed ikomplu jieħdu inizjattivi sabiex jinfurmaw il-produtturi bl-obbligi tagħhom.
Leg 11 PQ #27491 Sitting 382 2011-07-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Appelli kontra deċiżjonijiet tal-MEPA

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew sottomessi appelli kontra deċiżjonijiet tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-1 ta' Jannar 2011 sat-30 ta' Ġunju 2011? Kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet fl-istess perjodu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010 kull sena separatament? It-tribunal kif kompost jilqa' appelli kontra deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet ambjentali? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm applikazzjonijiet ta' dan it-tip?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmatli gew sottomessi 509 appell konta decizjonijiet tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-1 ta’ Jannar 2011 sat-30 ta’ Gunju 2011. Skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, fil-perjodu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010 gew validati numru ta’ applikazzjonijiet kif hawn fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra. Iva, kif fil-fatt hu ndikat fit-titlu tat-Tribunal – Tribunal ta’ Revizjoni ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar jilqa’ appelli kontra decizjonijiet fuq applikazzjonijiet ambjentali u hemm appell wiehed – Palumbo Shipyards Limited, PAB 10/11.

Dħul mill-bejgħ ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien id-dħul tad-Dipartiment tal-Artijiet mill-bejgħ tal-proprjetà matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010 kull sena separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Valletta — Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jara li jinbnew xi tip ta' shelters fil-bus terminus tal-Belt Valletta għal dawk il-mijiet ta' nies li llum kienu qegħdin jistennew il-karozzi tal-linja f'xemx tiżreġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-bus terminus tal-Belt Valletta, Transport Malta nstallat kiosk wieħed li jinkludi fih shelter, filwaqt li se tistalla sitt kiosks oħra bejn Lulju u Ottubru. Sadanittant, Transport Malta tellgħat ukoll numru ta’ strutturi temporanji sabiex in-nies ikollhom fejn jipproteġu ruħhom mix-xemx.

servizz tas-city cabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mis-servizz tas-city cabs fil-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Is-servizz tac-City Cabs fil-Belt hu servizz privat li jopera taħt liċenzja minn Transport Malta. Din hi infurmata illi l-operatur li kien iħaddem is-servizz ta’ mini cabs fil-Belt Valletta biegħ il-vetturi tiegħu lil operatur ġdid, li issa qed jipprepara biex jibda joffri l-istess servizz ġewwa l-Belt.

Selmun Palace

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24539, jista' l-Ministru jgħid x'ġara minn negozjati li kienu qegħdin isiru ma' Caterina Vitale għal bejgħ tal-lukanda Selmun meta skond ir-risposta l-ħaddiema kellhom jibqgħu impjegati fil-lukanda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi wara li d-Dipartiment tal-Artijiet sejjaħ lil Caterina Vitale Ltd biex tersaq għal kuntratt tax-xiri tal-lukanda Selmun skond it-tender li tefgħet, l-istess kumpannija ma resqitx għal kuntratt, u t-tender waqa’.

Ħal Qormi — triq maġenb il-PAVI

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27201 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk it-triq li permezz tagħha toħroġ mill-kumpless PAVI f'Ħal Qormi u li tiġi mal-ġenb tal-wied, hijiex triq privata (parti mill-kumpless) jew pubblika?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq li permezz tagħha toħroġ mill-kumpless PAVI f'Ħal Qormi u li tiġi mal-ġenb tal-wied hija triq privata li parti minnha hija soġġetta għal ċens temporanju dovut lill-gvern.

responsabilità mill-bus shelters

Question

Issa li s-servizz tat-trasport pubbliku qiegħed jiġi provdut mill-Arriva, jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-bus shelters, jekk humiex Transport Malta, il-kumpanija Faces jew l-Arriva? Hemm xi ftehim bejn dawn il-partijiet dwar il-bus shelters?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus shelters li jinsabu fis-siti tal-park and ride jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku. Mill-bqija xejn ma nbidel, fis-sens li Faces Ltd huma l-kuntratturi mqabbda jew mill-kunsilli lokali jew minn Transport Malta, u huma responsabbli għall-manutenzjoni u t-tindif ta’ dawn is- shelters .

Belt — Triq San Mark - aċċess prinċipali

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li issa li Triq San Mark ġiet aċċess prinċipali għal Belt, it-traffiku f'din it-triq jingħata preċedent fuq it-traffiku li jkun niżel minn Triq l-Ifran u dan billi ssir stop sign fi Triq l-Ifran fl-intersection ma' Triq San Mark?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba l-viżibilità ristretta fuq ix-xellug għall-vetturi li ħerġin minn Triq San Mark għal ġewwa Triq l-Ifran, il-preċedenza għandha tibqa’ fuq Triq l-Ifran għal dawn ir-raġunijiet ta' sigurtà. Huwa wkoll konvenzjonali li tagħti il-preċedenza fuq it-triq l-aktar maġġura li, f'dan il-każ, hija Triq l-Ifran.

sejħa għall-offerta ta' art mogħtija għal skop agrikolu

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27252, jista' l-Ministru jgħid għal liema skop hija mikrija din l-art u jekk hix mikrija lis-sid tal-art adjaċenti? Jista' jgħid ladarba il-parti kbira tal-art mhijiex kultivabbli, x'inhu l-iskop għala din l-art se tingħata b'ċens? Jista' jirrispondi l-aħħar parti ta' din il-mistoqsija, jiġifieri kemm ingħataw artijiet għal skop agrikolu b'ċens f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din l-art li fil-maġġur parti tagħha mhijiex kultivabbli, kienet tifforma parti minn art akbar ħafna li kienet mikrija mill-Knisja għall-skop agrikolu. Min qiegħed jaħdem din l-art kien applika skont l-iskema tas-sena 2000 ħalli jiġi rikonoxxut hu. Dan ir-rikonoxximent kien sar f’Diċembru 2009. F’Ottubru 2010 l-inkwilina talbet tieħu din l-art b’ċens u wara li saru l-konsiderazzjonijiet meħtieġa mit-Tender Committee, dan il-Kumitat ħass li ma kien hemm l’ebda telf li jagħti din l-art b’ċens bil-kera ta’ mhux anqas ta’ €1,500 kull sena, meta l-kirja kienet biss €33.75 fis-sena. L-inkwilina m’hijiex is-sid ta’ l-art adjaċenti. F’dawn l-aħħar tlett snin ma ingħatawx artijiet għal skop agrikolu taħt it-titolu ta’ ċens, imma jekk ikun hemm talbiet bħal dawn, it-Tender Committee jikkonsidrahom

Ta' Barkat — Impjant tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26780 u jgħid jekk issa li beda jaħdem l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Ta' Barkat, l-impjant ta' Sant Antnin hux se jingħalaq? Jekk fl-affermattiv, meta ħa jsir dan u x'se jsir minflok l-impjant eżistenti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27035.

Mosta — Fort Road - three phase fl-area industrijali

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għala t-three phase fl-area industrijali tal-Fort Road, Mosta qiegħed jinqata' b'mod regolari?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-problema tal-overloading ġiet investigata u x-xogħol meħtieġ biex inaqqas il-load minn fuq il-feeder ikkonċernat sar fit-28 ta’ Ġunju.
Leg 11 PQ #27308 Sitting 377 2011-07-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Suldati tal-Palazz tal-Presidenti il-Belt — changing of the guard - materjal tal-uniformi

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li għas-sajf, is-suldati taċ-changing of the guard mal-Palazz tal-President, il-Belt jingħataw uniformi ta' materjal ħafif b'mod partikolari l-qalżiet għax dawn qegħdin ibatu ħafna f'dawn il-ġranet tas-sħana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li filwaqt li fis-sajf is-suldati jużaw il-ġakketta estiva tal-uniformi taċ-ċeremonjal il-qalziet użat huwa l-istess wieħed tax-xitwa. Madankollu waq li l-Armata qed jesploraw il-possibiltà li jintroduċu materjal eħfef għas-sajf qed jikkonsidraw ukoll il-possibiltà li l- guard iżżarma qabel fl-eqqel tal-istaġun. Is-suldati għandhom struzzjonijiet ukoll biex il-ħin li jgħamlu sentinella jkun iqsar.

Ta' Barkat — Impjant tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issa li beda jaħdem l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Ta' Barkat, l-impjant ta' Sant Antnin hux se jingħalaq? Jekk fl-affermattiv, meta ħa jsir dan u x'se jsir minflokk l-impjant eżistenti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27035.