Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fis-sezzjoni tad-deep sewers fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ (Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Kemm hu t-tul ta' deep sewers li ġew imnadfa matul dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 18-il ħaddiem immexxija minn erba’ team leaders fis-sezzjoni tad-deep sewers ma’ Malta u Għawdex. Dan l-aħħar 12-il xahar, dawn naddfu u għamlu xogħol ta’ manutenzjoni f’14.7 kilometri ta’ mini tad-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba iltaqa' l-bord tal-Building Industry Consultation Committee matul din is-sena 2011? Is-sitwazzjoni tas-suq tal-proprjetà ġiet diskussa f'dawn il-laqgħat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Bord tal-Building Industry Consultation Committee sa llum matul is-sena 2011 dan iltaqa’ sitt darbiet. Il-kwistjoni msemmija kien is-suġġett priċipali li kien diskuss fl-aħħar laqgħa.
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26925, peress li wara d-data tal-mistoqsija ġiet mogħtija sentenza mill-Qorti li l-art in kwestjoni mhix il-waħda provenjenti mil-legat taż-żwieġ (ta' Giocondu) iżda hija art oħra magħrufa bħala ta' Kasam Sciakak, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet jew l-Uffiċċju Konġunt hux se jneħħi r-reġistrazzjoni minn fuq din l-art, għax din l-art fil-fatt tirriżulta li hi ta' terzi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li l-Qorti ma tat l-ebda sentenza fir-rigward tal-art in kwistjoni, u wisq anqas dwar it-titolu fuq l-art - kull ma kien hemm kien digriet dwar kontro-mandat fejn il-Qorti m'għamlet l-ebda indaġni profonda dwar xi provi li setgħu ġew imressqa rigward it-titolu fuq l-art, iżda qieset il-kaz biss b'mod 'prima facie' - fid-dawl tal-fatt li hemm numru ta' kawżi pendenti rigward it-titolu fuq l-art mibnija mill-persuna lil min tappartjeni, u jekk dan fil-fatt beniex fuq art li hu akkwista jew fuq art li hi proprjeta' tal-Gvern (ġia provenjenti l-entitajiet ekkleżjastiċi), l-Uffiċċju Konġunt hu tal-fehma li tali reġistrazzjoni m'għandhiex titneħħa minn fuq l-art, sakemm il-kawżi numerużi li hemm pendenti (anki ma' terzi li akkwistaw fondi mingħand l-individwu lil min tappartjeni) jkollhom eżitu finali f'forum petitorju, u wara li jitqiesu l-provi kollha li nġiebu quddiem il-Qrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħet il-lukanda Holiday Inn Tas-Sliema? X'persentaġġ fi flus marru għand l-Air Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bejgħ tal-lukanda Holiday Inn sar permezz ta’ kuntratt fl-atti tan-Nutar Vincent Miceli fis-27 ta’April 2007 wara tender maħruġ mid-Dipartiment tal-Artijiet. Il-kuntratt ta’ bejgħ huwa att pubbliku u fih id-dettalji rikjesti mill-Interpellant.
kwestjoni dwar numru ta' qbiela li jridu jħallsu l-bdiewa
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27450, jista' l-Ministru jgħid jekk mill-persuni msemmija hemmx xi membru li jagħmel xogħol ieħor bil-ħlas mad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern jew il-Ministeru tal-Finanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhu x-xogħol u kemm jitħallas?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-membri li jiffurmaw parti mit-Tenders Committee fi ħdan id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, hemm 2 membri li jagħmlu xogħol għad-dipartiment. Wieħed mill-membri jitħallas €15 is-siegħa inkluż il-VAT, għal servizz ta’ konsulenza fuq xogħol konness ma’ proprjetà u s-sistema tal-Lemis, filwaqt li l-membru l-ieħor jagħmel xogħol ta’ valutazzjoni tal-art għad-Dipartiment, imma ma jitħallasx mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, iżda mill-Ministeru tal-Finanzi.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27449, jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender committee ikkunsidrax il-possibilità li din l-art fil-maġġor parti tagħha kien kultivabbli, hux se tingħata b'ċens għal 50 sena għal skopijiet agrikoli, tista' allura tintuża għal xi skop ieħor jew tispiċċa tiġi negozjata ma' terzi għas-snin taċ-ċens? F'din l-eventwalità l-kuntratt se jagħamel xi tip ta' kundizzjoni li l-gvern jiġi kumpensat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27494, jista' l-Ministru jgħid f'liema sena ġiet imħabbra l-introduzzjoni tas-sistema Lemis? Jista' jgħid min hu l-konsulent fid-Dipartiment fuq din is-sistema? Kemm qed jitħallas? Kif ġie mqabbad? Jista' jgħid x'differenza hemm bejn l-ewwel fażi tal-Lemis kif deskritta minnu fit-tweġiba u s-sistema komputerizzata li qiegħed preżentament juża d-Dipartiment?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw tenders għar-restawr tas-swar? Kemm hu l-valur ta' kull tender u meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol f'kull każ? X'inhu l-persentaġġ tax-xogħol li tlesta f'kull tender sal-lum u kemm tħallas kull kuntrattur għal dawn ix-xogħlijiet s'issa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Prim Ministru jispjega kif qiegħed jinħadem il-printing cost li qegħdin jiġu ċċarġjati l-klijenti tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u fuq liema kriterji qed jinħarġu l-kontijiet? Għaliex dawn il-kontijiet qegħdin jintbagħtu anke lill-klijenti tas-sena 2010 meta dawn l-applikazzjoni tawha hard copy?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kontijiet li ħarġu fuq printing costs ġew irtirati minnufih wara li dawn inħarġu waqt li l-proċess kien għadu għaddej. Ta' min isemmi li qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema ta' applikazzjonijiet online, il-periti kienu jibgħatu hard copies ta' dokumenti u pjanti lill-MEPA fejn l-applikant kien ikun mistenni jħallas.
Il-kontijiet li nħargu mill-MEPA għall-ispiża tal-printing lil kull applikant ġew irtirati minnufih u fil-fatt l-għada filgħodu stess inħarget ċirkolari lill-Periti u ittra lil kull applikant li permezz tagħhom ġew mgħarfa li l-kontijiet kienu ġew irtirati.
Ta minn isemmi ukoll li qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema tal- E-Applications, l-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjannar kienet titlob lil kull applikant sabiex jissottometti 6 kopji ta' numru ta' dokumenti għal applikazzjonijiet ta’ permess f’żoni tal-iżvilupp u 8 kopji ta' numru ta' dokumenti f’każ ta’ żoni ‘l barra mill-iżvilupp. Dawn id-dokumenti jvarjaw minn pjanti għall-site plans, riratti, formuli tal-applikazzjonijiet u dokumenti oħra li jkunu relevanti għal proġett propost.
Fl-2007, il-MEPA introduċiet is-sistema tal-E-Applications b’mod volontarju permezz ta’ liema, l-applikazzjonijiet għal permessi ta’ żvilupp setgħu jibdew jiġu sottomessi b’mod elettroniku mill-applikant. Barraminnhekk, ħafna mill-konsultazzjonijiet li l-MEPA obbligata tagħmel skont il-liġi ma’ entitajiet oħra bħall-KNPD, Transport Malta u Enemalta bdew isiru b’mod elettroniku. Sussegwentament, l-Awtorita’ naqqset l-ammont ta’ kopji mitluba u bdew jiġu mitluba biss 4 kopji tad-dokumentazzjoni għal kull applikazzjoni sottomessa.
Fit-18 ta’ Ottubru tal-2010, il-MEPA talbet li kull applikazzjoni tibda tiġi sottomessa permezz tas-sistema tal-E-Applications b’mod obbligatorju. B’din il-bidla, l-applikant ma baqax jiġi mitlub biex jissottometti hard copy tal-applikazzjoni.
Filwaqt li l-proċess ta’ sottomissjoni ta’ applikazzjoni elettronika għandu l-intenzjoni li jiffaċilità il-proċess tal-applikazzjoni billi jnaqqas il-bżonn li l-applikant imur il-MEPA sabiex jissottometti applikazzjoni, il-MEPA xorta għad għandha l-bżonn ta’ hard copy tal-applikazzjoni u tlett kopji tal-pjanti. Dan għaliex hard copy tal-applikazzjoni u l-pjanti għandha tinżamm għall-skopijiet tal-arkivjar. Barra minn hekk, din il-hard copy tiġi ukoll utilizata mill-uffiċjali tal-infurzar meta ssir spezzjoni fuq is-sit. Fl-aħħarnett kopja oħra tal-pjanta tal-iżvilupp jekk eventwalment tiġi approvata tintbagħat lill-applikant u kopja oħra lill-perit.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-ispejjeż tax-xogħlijiet li saru fil-bini tal-bus terminus ġdid fil-Belt? Kemm hu stmat li finalment se jiġi jqum dan il-proġett?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. L-istima tal-proġett hija ta' €3.3m.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera tal-karozzi tal-Arriva humiex eżenti mir-regolamenti tat-traffiku għax diversi minnhom isuqu kif iridu inkluż li ma jgħattux id-dritta madwar roundabouts?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xufiera tal-karozzi tal-Arriva m’humiex eżenti mir-regolamenti tat-traffiku.
Residenza San Vinċenz de Paule jew Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa — applikazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jiddaħħal fi djar tal-anzjani San Vinċenz de Paule jew l-Imtarfa, peress li l-kundizzjoni medika tiegħu marret tant għall-agħar li għandu bżonn l-għajnuna?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjan imsemmi f’din il-Mistoqsija Parlamentari applika fil-15 ta’ Marzu 2011 u ġie Approvat High Priority għad-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa fit-2 ta’ Ġunju 2011. B’hekk ġie mqiegħed fuq il-lista ta’ stennija skont il-mertu tal-każ.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27559, jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-kuntratturi li huma reġistrati sabiex jagħmlu xogħol ta' toroq skont avviż legali 29/2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għat-tenders għar-restawr tas-swar, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala ma ntalbitx ċertifikazzjoni mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ dwar numru ta' ħaddiema li tħaddem kull kumpanija li ssottomettiet l-offerta bħalma jsir dejjem f'dawn it-tip ta' tenders? X'persentaġġ tax-xogħol jista' jiġi subcontracted minn min rebaħ l-offerta? Qed isiru xi verifiki biex jiġi aċċertat li l-persentaġġ ta' xogħol sub contracted ma jaqbeż l-ammont stipulat fit-tenders?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għal offerti kienet ukoll miftuħa għal kumpaniji barranin u għaldaqstant peress li l-ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni msemmija mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kienet tkun diskriminatorja kontra kumpaniji barranin, id-Dipartiment tal-Kuntratti li ma jitlobx din iċ-ċertifikazzjoni.
Il-livell tax-xogħol li jista’ jkun sub-contracted ġie impost massimu ta’ 30% tax-xogħol.
Rigward il-verifiki, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-subcontracting huwa regolat minn Artiklu 7 tal-General Conditions for Works Contracts.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27492, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex id-dħul mill-bejgħ tal-proprjetà tal-gvern fis-snin 2009 u 2010, kien anqas min-nofs ta' dak li kien jiddaħħal fis-snin 2005, 2006 u 2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċirkostanzi li wasslu għal dan it-tnaqqis kien dovut primarjament minħabba l-fatt li fl-aħħar tal-2008 u bidu tal-2009, l-Iskema tal-Bejgħ ta’ fondi użati għal residenza jew villeġġatura kienet temporanjament sospiża minħabba li kienu qed jiġu riveduti l-kundizzjonijiet ta’ din l-Iskema. F’dan il-perjodu, kien hemm ukoll modifika tar-regoli dwar bejgħ ta’ ċnus temporanji ta’ proprjetajiet kummerċjali u għaldaqstant, dawn it-talbiet ġew miżmuma. Barra minn hekk, mhix aktar politika tal-Gvern li jiddisponi b’bejgħ, artijiet ta’ ċertu kobor, iżda minflok qed jiġi preferut li dawn l-artijiet, jingħataw kirjiet jew ċnus bi skopijiet speċifiċi.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-persentaġġ tal-Gross Domestic Product growth rate meta mqabbel ma' dak medju Ewropew għas-snin 2004-2010 kull sena separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta — klassifikazzjoni tal-kuntratturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi jfornu t-tliet kategoriji tal-klassifikazzjoni tal-kuntratturi li huma reġistrati li jagħmlu xogħol ta' toroq? Kuntratturi li mhumiex reġistrati jistgħu jagħmlu xogħol ta' toroq? X'irid jagħmel kuntrattur sabiex jirreġistra ma' Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-klassifikazzjoni ta' kuntratturi li qed jirreferi għaliha tapplika biss għal dawk il-kuntratturi li gew imdaħħla fil-qafas ta' dak li hu msejjaħ il-Framework Agreement, li jkopri biss xogħlijiet ta' Transport Malta, Enemalta u WSC.
Għall-iskop ta' dan l-istess qafas kienet saret klassifikazzjoni tal-kuntratturi skont l-istess sejħa ta' parteċipazzjoni fejn il-kuntrattur juri nteress taħt liema kategorija jixtieq jitfa’ l-offerti, filwaqt li ġie assesjat fuq il-kapaċita` u l-esperjenza li kienet tirrikjedi l-istess kategorija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument tas-sejħa ta’ parteċipazzjoni.
Għaldaqstant kuntratturi li ma wrewx l-interess f’din is-sejħa u li ma ġewx inklużi f’dan il-qafas awtomatikament, ma' jiġux msejħa biex jitfgħu offerti fuq dawk ix-xogħlijiet ta’ Transport Malta, Enemalta u WSC li jiġu kuntrattati minn dan il-proċess ta' Framework Agreement. Dan il-qafas huwa marbut għal sentejn u jista’ jiġi mġedded għal sentejn oħra fuq deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Madankollu x-xogħlijiet kollha l-oħra li jsiru minn entitajiet oħra Governattivi jew privati, Kunsilli Lokali, xogħol ieħor privat u oħrajn, u li għaldaqstant mhumiex marbuta b’dan il-qafas, isiru minn kuntratturi li huma reġistrati ma’ Trasport Malta u huma awtorizzati li jagħmlu xogħol fit-toroq skont l-Avviż Legali 29/2010.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li f'każ ta' parkeġġ riservat għaċ-ċimiterji fil-qalba tar-raħal u banek, dan il-parkeġġ isir bil-ħin biex ikun jista' jintuża filgħaxijiet u l-festi pubbliċi mill-pubbliku in ġenerali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fejn jiġu approvati reserved parking bays quddiem banek, dawn għandhom ikunu riservati waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju ħlief fejn hemm l-ATMs. Fir-rigward ta’ ċimiterji, dawn m’humiex eliġibbli għal reserved bays skont il-policies applikabbli.
Jista' l-Prim Ministru jivverifika l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27491 dwar appelli kontra deċiżjonijet tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax hu ċar li l-informazzjoni mogħtija hi żbaljata għax in-numri kkwotati huma saħansitra akbar min-numru totali ta' applikazzjonijiet li saru lill-istess awtorità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li n-numru ta’ appelli sottomessi huwa kif ġej:
2007
333
2008
312
2009
280
2010
362
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27508, tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li l-part-time job tagħhom hu l-uniku sors tad-dħul tal-familja tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ETC ma għandiex l-informazzjoni tan-numru ta’ persuni li l-part-time job tagħhom hu l-uniku sors tad-dħul tal-familja tagħhom.