Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #28906 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — referenza tal-periti fuq korrispondenza

Question

Jista' l-Prim Ministru jara jekk hux possibbli li kull meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tibgħat korrispondenza lill-periti permezz tal-internet tikkwota n-numru ta' referenza tal-perit ukoll għax ħafna drabi b'mod partikolari fil-każ ta' ħlas li jsir fuq l-internet mill-perit f'isem il-klijenti ma jkun hemm xejn x'jiddistingwi għal min tippartjeni l-korrispondenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li s-sistema elettronika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija pprogrammata illi kull fejn huwa possibli tikwota r-referenza tal-perit. Dan ma huwiex possibli, iżda, fir-rigward ta' rċevuti ta' ħlas ġġenerati online meta l-perit ikun qed idaħħal applikazzjoni għax f'dan l-istadju l-informazzjoni tkun għada mhux qed tinżamm ġewwa file tal-Awtorità. L-Awtorità qed tippjana biex tipprogramma s-sistema b'mod li din ir-referenza tkun tista tibda tiġi inkluza fl-irċevuta, la darba jiġu pprogrammati faċilitajiet ta' prijorita akbar.
Leg 11 PQ #20197 Sitting 392 2011-10-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Belt Valletta — Triq San Ġwann - tneħħija ta' taraġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19789 u jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar li qiegħed isir fit-toroq tal-Belt Valletta hux kopert bil-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tal-permess u tal-pjanti approvati fuq il-Mejda tal-Kamra? Dawn il-permessi jistgħu jinkludu t-tneħħija tat-taraġ li hemm fil-ġenb tat-triq bħalma sar fil-parti ta' Triq San Gwann ma' Triq ir-Repubblika 'l isfel? Japprezza l-Prim Ministru li dan it-taraġ għandu valur storiku apparti li għandu funzjoni importanti għax jagħmilha faċli li persuni anzjani jew bi problemi ta' mobilità jimxu fit-triq li għandha gradient qawwi ħafna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li x-xogħol ta' pavimentar li qed isir fil-Belt Valletta huwa kopert minn diversi permessi maħruġa permezz tal-avviż legali 115/07, hekk imsejjaħ id-Development Notification Order (DNO), fosthom, DN 59/10 (Triq San Ġwann, minn Triq l-Ifran sa Triq ir-Republika), DN 60/10 (Triq Nofs in-Nhar, minn Triq l-Ifran sa Triq ir-Republika), DN 61/10 (Triq Melita, minn Triq l-Ifran sa Triq ir-Republika), DN 62/10 (Triq il-Karrijiet, minn Triq id-Dejqa sa Triq ir-Republika), DN 63/10 (Triq it-Teatru l-Qadim, minn Triq Zekka sa Triq Marsamxett) u DN 754/09 (Triq id-Dejqa, minn Triq l-Ordinanza sa Triq l-Arcisqof). Applikazzjonijiet pendenti hemm DN 336/10 (parti min Triq il-Merkanti minn Triq l-Arcisqof sa Triq San Kristofru), DN 337/10 (Triq Santa Lucija, minn Triq l-Ifran sa Triq San Pawl), DN 338/10 (Triq Melita, minn Triq il-Merkanti sa Triq il-Batterija), DN 339/10 (Triq San Gwann minn Triq il-Merkanti sa Triq San Pawl), DN 340/10 (Triq San Kristofru, minn Triq San Pawl sa Triq il-Mediterran), DN 341/10 (Triq San Federiku) u DN 680/10 (Triq L-Arcisqof, minn Triq l-Ifran sa Triq ir-Republika). Dawn l-applikazzjonijiet gew prezentati mill-Uffiċċju Proġett ghar-Rijabilitazzjoni fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarjiet Rurali, u dan wara li sar studju dettaljat tat-toroq fiċ-ċentru tal-Belt Valletta preżentat mill-istess uffiċċju. Dwar Triq San Gwann, il-permess ma kienx jinkludi it-tnehhija tat-taraġ li hemm fuq kull naħa tat-triq bejn Triq l-Ifran u Triq id-Dejqa, imma ir-restawr tal-stess taraġ.

kwestjoni dwar numru ta' qbiela li jridu jħallsu l-bdiewa

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27788, jista' l-Ministru jgħid kemm jitħallas il-membru mħallas mill-Ministeru tal-Finanzi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27788.

Art għal skopjiet agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27789 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27449, jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender committee ikkunsidrax il-possibilità li din l-art fil-maġġor parti tagħha kien kultivabbli, hux se tingħata b'ċens għal 50 sena għal skopijiet agrikoli, tista' allura tintuża għal xi skop ieħor jew tispiċċa tiġi negozjata ma' terzi għas-snin taċ-ċens? F'din l-eventwalità l-kuntratt se jagħamel xi tip ta' kundizzjoni li l-gvern jiġi kumpensat?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art li qed jagħmel referenza għaliha, l-Onor. Membru se tingħata b’ċens għal 50 sena u ċ-ċenswalist se jkun marbut bil-kundizzjoni li jżomm l-art fl-istat li hi u ma jkunx jista’ f'ebda ċirkustanzi jagħmel xi żvilupp. Fil-każ li l-art tiġi trasferita lil terzi, dawn ikunu marbuta bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċens li se jingħata.

Tender għar-restawr tas-swar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27791 u jgħid kemm ingħataw tenders għar-restawr tas-swar? Kemm hu l-valur ta' kull tender u meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol f'kull każ? X'inhu l-persentaġġ tax-xogħol li tlesta f'kull tender sal-lum u kemm tħallas kull kuntrattur għal dawn ix-xogħlijiet s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Sistema Lemis

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27790 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27494, jista' l-Ministru jgħid f'liema sena ġiet imħabbra l-introduzzjoni tas-sistema Lemis? Jista' jgħid min hu l-konsulent fid-Dipartiment fuq din is-sistema? Kemm qed jitħallas? Kif ġie mqabbad? Jista' jgħid x'differenza hemm bejn l-ewwel fażi tal-Lemis kif deskritta minnu fit-tweġiba u s-sistema komputerizzata li qiegħed preżentament juża d-Dipartiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għall-offerti dwar is-sistema tal-LEMIS ġiet ippubblikata fl-2003 (CT 40/2003). Il-kuntratt għal dan is-servizz ġie iffirmat fl-2010. Mis-sena 2010, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern qabdet il-kumpanija Powerserv bħala konsulent u qed titħallas is-somma ta’ €4,615 kull erba’ ġimgħat inkluż il-VAT għal massimu ta’ 30 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Wara li ttieħdet in konsiderazzjoni l-esperjenza vasta li għandha f’dan il-qasam u l-konoxxenza partikolari tal-proġett. Dan il-kuntratt jagħlaq fl-aħħar ta’ din is-sena. Fost id-differenzi li hemm bejn l-ewwel fażi tal-LEMIS kif deskritta fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 27494, dak l-element tas-sistema tal-LEMIS li titratta s-sezzjoni tal-ġbir tal-kera, u s-sistemi kompjuteriżżati LMS / Land Rent li kien qiegħed juża d-Dipartiment sa mill-bidu tas-snin disgħin, wieħed issib li: · LMS / Land Rent m’għadhomx kompatibbli mal-kriterji tal-informatika li qed jadotta l-Gvern illum, u lanqas ma joffru l-opportunitajiet ta’ espansjoni previsti bħala parti mill-kuntratt tal-LEMIS · Il-MITA mixjin lejn “ phasing out ” tas-sapport LMS / Land Rent waqt li l-kuntrattur tal-LEMIS obbligat jimmantjeni il-LEMIS. · Il-“ bookkeeping ” tal-LEMIS jikkonforma aħjar ma’ regoli ta’“ accounting ” moderni u mas-sistema ta “ accrual accounting ” li qed jaddotta l-Gvern. · Billi l-Kunsilli Lokali huma mqabbdin “ real time ” mad- “database ” tal-LEMIS, l-irċevuti jisstampaw ruħhom fil-Kunsill Lokali waqt lid-Dipartiment m’għadx għandu bżonn idaħħal, jisstampa u jimposta riċevuti ta’ ħlas fil-Kunsilli Lokali. · Il-LEMIS għandha funzjoni ta’ rappurtaġġ aktar effiċjenti u flessibbli li jsarraf f’tnaqqis ta’ siegħat ta’ xogħol u riżorsi. sabiex jinġabru il-kirjiet u l-arretrati u tinħoloq il-“ management information ” li għandu bżonn id-Dipartiment. · Is-sistema l-ġdida tal-LEMIS tista’ tintuża minn entitajiet oħra governattivi li jamministraw proprjetà tal-Gvern bil-benefiċċju ta’ “ database ” waħda u proċeduri ugwali. S’issa kull entità għandha “ database ” u sistema għaliha. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Membru li wara li saret id-“ data migration ” u diversi provi fix-xhur li għaddew, f’Awissu ħarġu l-kontijiet bil-format ġdid (madwar 8,800) u il-ġbir mill-Kunsilli Lokali tnieda mingħajr ebda problema serja. Id-Dipartiment issa qed juża s-sistema l-ġdida biex jagħfas fuq il-ġbir tal-ammonti dovuti lilu aktar fil-pront.

Bejgħ tal-Holiday Inn

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27787, jista' l-Ministru jgħid jekk il-flus mill-bejgħ tal-Holiday Inn marrux għand l-Air Malta, il-banek u l-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

tenders għat-twaqqif tal-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kuntratturi ġew awarded it-tenders li ħarġu s'issa b'konnessjoni mal-implimentazzjoni tal-proġett dwar riżori għat-twaqqif ta' għargħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ għotja tal-kuntratti b’konnessjoni mal-implementazzjoni tal-Proġett Nazzjonjali għat-Taffija tal-Għargħar riesaq lejn il-fażi finali tiegħu. S’issa ngħata kuntratt wieħed biss li jirrigwarda it-tħammil u t-tqattiegħ tal-blat għal-ġibjun tal-Gżira. Dan ingħata lill-kuntrattur Denfar Excavators Ltd.

provvista ta' trasport pubbliku — tender

Question

Jiista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender li nħarġet għall-provvista ta' trasport pubbliku? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-Arriva?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra CD b'kopja tat-tender li nħarġet għall-provvista tat-trasport pubbliku. Min din qed titneħħa informazzjoni dwar salarji minimi għall-impjegati b'rispett għall-kunfidenzjalita kummerċjali. Fir-rigward tal-kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-Arriva, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 27764.

programmi tar-radju u t-televiżjoni — proposti sottomessi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew sottomessi proposti ta' programmi tar-radju u t-televiżjoni lil Public Broadcasting Services għall-iskeda li jmiss? Liema programmi ġew magħżula u min kien il-promotur/producer ta' kull programm magħżul?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

limiti ta' Ħal Lija — tneħħija ta' traffic lights

Question

Jista' l-Minsitru jirrevedi d-deċiżjoni u jneħħi t-traffic lights ta' fejn Ħal Mann limiti ta' Ħal Lija li ġew stallati sabiex kultant taqsam it-triq il-karozza tal-linja peress li dawn it-traffic lights qegħdin joħolqu ħafna traffic jams kbar matul ir-rush hours u fuq kollox il-karozzzi tal-linja faċilment jistgħu jmorru fuq in-naħa l-oħra tat-triq billi jduru mar-roundabout li hemm ftit 'il fuq minn din il-junction?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru la hu u lanqas għandu ntenzjoni jibda jieħu d-deċiżjonijiet dwar fejn jiġu stallati t-traffic lights imma jħalli dawn id-deċiżjonijiet tekniċi f'idejn it-tekniċi u nassigurah ukoll illi dawn it-tip ta' deċiżjonijiet ma' jiġux riferiti lili għall-approvazzjoni.

Transport Malta — Trasport Pubbliku mill-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kontribu qiegħda tagħti Transport Malta fl-operat tat-trasport pubbliku mill-Arriva? Jista' jgħid kemm hemm persuni ta' Transport Malta nvoluti f'dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Nefqa tal-gvern fuq servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-gvern matul is-sena 2010 b'mod globali għal: a) servizzi tas-saħħa u kura għall-anzjani; b) edukazzjoni; ċ) benefiċċji soċjali; u d) pagi u salarji għall-impjegati taċ-ċivil u fis-settur pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skejjel primarji — xiri ta' kotba

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kotba li jużaw l-istudenti tal-iskejjel primarji jingħatawx b'xejn mill-iskola jew jinxtrawx mill-ġenituri? Tapprezza l-Ministru li f'każ li l-kotba jridu jinxtraw dan tefa' piż finanzjarju fuq il-familji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kotba kollha fl-iskejjel primarji huma pprovduti b’xejn mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.

politika tal-gvern dwar photovoltaic farms privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar photovoltaic farms privati? Hemm xi tip ta' għajnuna mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għal min jitħajjar jagħmel investiment bħal dan fl-enerġija alternattiva fuq bażi nazzjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nibda biex ngħid li l-gvern jinkoraġixxi kull tip ta' investiment fis-settur tal-enerġija li tiġġedded, inkluż investiment fil-panelli fotovoltajċi. Biss wieħed jista’ jifhem li l-ewwel preferenza tingħata lil dawk it-teknoloġiji jew proġetti skont kif identifikati fin-National Renewable Energy Action Plan. Biex ikompli jinkoraġixxi l-investimant bħalissa qed ikunu mfassla regolamenti li se jirregolaw il-feed-in tariffs għal photovoltaic farms li huma akbar minn 1MW kif ukoll ghal sistemi ta’ pvs inqas minn 1 MW. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-politika ta’ dan il-Gvern hija li tkun inkoraġġita kull inizjattiva li ssaħħaħ il-kapaċità li tkun ġenerata enerġija rinnovabbli. Tant hu hekk ittieħu inizjattivi oħra f’dan ir-rigward iżda ma jaqawx taħt dan il-Ministeru. Infakkru wkoll li dan il-Ministeru dejjem lest janalizza kull proposta li ssirlu għall-enerġija alternattiva jew għal sorsi oħra mnejn jiġġenera l-electriku u, darba jkollu d-dokumentazzjoni sodisfaċenti, jieħu l-passi li jkun hemm bżonn. L-għajnuna mill-Unjoni Ewropea tkun tiddependi mit-tip ta’ investiment u l-iskemi eżistenti fiż-żmien relatat.

suddisju lil persuni li jgħixu flimkien

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala f'każ ta' żewġ persuni jabitaw flimkien, id-dħul tagħhom jingħad flimkien u tinqatgħalhom l-għajnuna supplimentari, imma fl-istess waqt ma jingħatax is-sussidju fuq il-kont tad-dawl u l-ilma bħala żewġ persuni f'dar waħda għax ma jkunux miżżewġin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f’każ ta’ żewġ persuni li m’humiex miżżewġin u li jabitaw flimikien, dement li tintela l-formola tad-Dikjarazzjoni għal tibdil fin-numru ta’ Persuni fir-residenza u jiġu provduti d-dokumenti meħtieġa, sabiex jiġi aġġornat in-numru ta’ persuni li joqgħodu f’residenza, is-sussidju jingħata fuq in-numru ta’ persuni korrett u għalhekk ma ssir l-ebda distinzjoni min-naħa tal-ARMS, jekk il-koppja tkunx miżżewġa jew le.

mediċina mhux mogħtija lil pazjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-pazjent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mhux qed jingħata mill-isptar il-mediċina Omeprazola 20mg, li ġiet preskritta lilu mill-professur tiegħu meta din il-mediċina hi inkluża fl-iskeda V?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-dokument ta’ Skeda V tal-pazjent li d-dettalji dwaru jntbagħtu separatament skada fl-14 ta’ Mejju 2011. F’dan il-każ il-pazjent irid jagħmel appuntament mal-konsulent biex iġedded id-dokument ta’ Skeda V.

kwotazzjoni maħruġa mid-direttorat tar-restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop wara t-talba għall-kwotazzjoni, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, maħruġa mid-Direttorat tar-Restawr "kiri ta' mwejjed u siġġijiet għal Triq il-Merkanti l-Belt Valletta"?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru iktar kmieni din is-sena ħareġ Sejħa għal Offerti għal xiri ta’ mwejjed u siġġijiet (Ref: Advert No 174/2010 - Tender for Supply and Delivery of Tables and Chairs for catering modules in Merhants Stree, Valletta) marbuta mal-progett ta’ tqegħid ta’ catering modules fi Triq il-Merkanti il-Belt, li l-Uffiċċju tar-Riabilitazzjoni tal-Belt fi ħdan l-MRRA qiegħed jagħmel b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Sfortunatament, dan il-proċess għadu ma ġiex konkluż minħabba żewg appelli kontra aġġudikazzjoni. Sabiex il-proġett kollu ma jkunx imwaqqfa, bħala soluzzjoni proviżorja kien hemm il-ħtiega li l-imwejjed u siġġijiet jinkrew skont ir-regolamenti, sakemm jingħalaq il-process ta’ xiri.