Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #29877 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Furjana -MCP Car Park — ħruġ mill-parkeġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-ħruġ il-ġdid tal-MCP Car Park quddiem il-Fosos tal-Furjana ftit 'il fuq mill-petrol station hux kopert mill-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax dan il-ħruġ u mill-aktar perikoluż għall-vetturi li jkunu neżlin 'il isfel fit-triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-każ qed jiġi investigat.

Tenders tal-Furniture and fittings — Parlamentari il-Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala fit-tenders għal furniture and fittings għall-bini tal-Parlament il-ġdid, il-konsulent tal-Grand Harbour Regeneration Corporation speċifikaw id-ditta li jipproduċu kull oġġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-konsulent tal-Grand Harbour Regeneration Corporation speċifika biss żewġ prodotti fit-tender tal-finishes għall-parlament il-ġdid; kif ġej:- 1) glazed partitions and integrated cupboards speċifikati minn Renzo Piano tad-ditta Unifor Spa bħala nominated sub-sontractors fit -tender minħabba li l-prodott magħżul jissodisfa kriterji tekniċi speċifiċi tal-akustika. 2) fixed seating ta' tip Vitra and Poltrano, liema pultruni ġew magħżula mill-arkitett Renzo Piano għax jissodisfaw il-kriterji ta' disinn.
Leg 11 PQ #29880 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — ħlas tal-building levy

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkalkula l-ħlas tal-building levy f'każ ta' applikazzjoni għall-iżvilupp ta' dar, tieħux biss in konsidderazzjoni l-area msaqqfa jew inkella l-area kollha tal-plot inkluż il-landscaping?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li skont ir-regolament 3(a) tal-Avviż Legali 48/2011, li jemenda r-regolament 2 tal-Avviż Legali 356/2010, “area ta’ l-art” tfisser: (a) għal skopijiet residenzjali, l-area totali ta’ art fi ħdan bini stabbiliti b’kejl tal-bini mill-estern, li tinkludi l-ħxuna tal-ħitan esterni u ta’nofs il-ħxuna tal-ħitan divizorji jew ta’ terzi, u tinkludi: kull kamra li tisporġi ’il barra, kull taraġ, lift, xaftijiet, btieħi interni, verandi, terazzini miftuħa, gallariji, skont il-kejl tal-bini f’kull livell; kmamar tal-bejt; terrazzini furmati fil-livell tal-bjut meta dawn jappartjenu lill-penthouses jew lil xi struttura tal-bejt akbar minn 36m² (esklużi l-washrooms li jkunu jservu għall-numru ta’ appartamenti flimkien), btieħi interni, btieħi ta’ wara, ġonna fuq quddiem, ġonna fil-proprjetà, rigress impost, fil-livell ta’ taħt; u strutturi oħra fi ħdan il-konfini tas-sit; sakemm ma jkunx speċifikament stipulati fi ħdan dawn ir-regolamenti.

Rijabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina — Persuni maħtura

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew maħtura fuq il-kumitat għar-rijabilitazzjoni ġdida tal-Belt, Kottonera u l-Imdina? Lil min jirrapreżentaw dawn il-persuni? X'tip ta' ħlas qegħdin jingħataw dawn il-persuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, ngħarrfu li l-unika persuna li tingħata ħlas huwa ċ-Chairman tal-Kumitat li jirċievi onorarju ta’ €15,242.64 fis-sena.
Leg 11 PQ #29842 Sitting 406 2011-11-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni li jagħmlu xogħol mid-dar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw sabiex jingħata permess lill-ħaddiema fil-ministeri, servizz pubbliku u f'entitajiet pubbliċi jaħdmu mid-dar? Kif jinżamm kontroll u rendikont tax-xogħol li jkun sar mid-dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li Impjegati Pubbliċi li jkunu għamlu mill-inqas sena servizz u li x-xogħol tagħhom jista jsir permezz ta’ teleworking, jistgħu japplikaw mad-direttur rispettiv tagħhom sabiex jaħdmu mid-dar. Fl-evalwazzjoni ta’ talbiet għat- telework , jiġu kunsidrati dawn il-kriterji: a) in-natura tax-xogħol tal-impjegat/a; b) ir-raġuni l-għaliex it-talba tkun qed issir; c) il-ħiliet tal-impjegat/a; d) l-esiġenzi tas-servizz. Il-ftehim milħuq bejn l-impjegat u d-direttur rispettiv għandu jinkludi l-iskeda li fuqha se jaħdem l-impjegat u n-numru ta’ siegħat li għandom jinħadmu mid-dar u fuq il-post tax-xogħol, l-i standards li l-impjegat għandu jilħaq fix-xogħol tiegħu, u s-sistema ta’ rendikont regolari tax-xogħol imwettaq mill-impjegat. F’każ li talba għat- telework ma tkunx milqugħa, l-impjegat jista’ jappella mas-Segretarju Permanenti rispettiv.

Timed parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġi konċess it-timed parking fid-diversi lokalitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet għall-parkeġġ ikkontrollat għar-residenti jiġu sottomessi lil Transport Malta mill-kunsilli lokali rispettivi. Transport Malta ppubblikat linji gwida għal tali applikazzjonijiet. Dawn jistabbilixxu l-bżonn li l-kunsilli lokali jagħmlu studji speċifiċi u jistabbilixxu l-ammont ta’ parkeġġi eżistenti, l-użu fattwali ta’ tali parkeġġi fit-toroq, f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. L-awtorità tevalwa dawn l-istudji u l-konċessjoni toħroġ a bażi ta’ dawn l-istess studji.

proġett kontra l-għargħar — fondi mill-UE

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-Unjoni Ewropea approvatx il-fondi għall-implimentazzjoni tal-proġett kontra l-għargħar? Jekk fl-affermattiv, kemm hi s-somma approvata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li applikazzjoni għal fondi tal-Unjoni Ewropea trid tinkludi l-permessi tal-MEPA. Għaldaqstant din l-applikazzjoni titressaq meta jinħareġ il-permess. Huwa smat li dan il-proġett se jiġi jiswa madwar €56 miljun.

Ħlas għat-trasport tal-iskejjel

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29429, dwar ħlas għat-trasport tal-iskejjel, tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex għal matul is-sena kurrenti hu previst li n-nefqa se tiżdied b'aktar minn €1,700,000.00 jew kważi b'nofs tan-nefqa tas-sena ta' qabel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-raġunijiet li minħabba fihom qed ikun previst li jkun hemm iż-żjieda indikata huma: 1. Il-prezz l-antik kien qed jirrifletti ftehim li sar sitt snin ilu. Minn sitt snin ‘il hawn kien hemm żidiet fil-prezz tal- fuel , fl-għoli tal-ħajja, u fi spejjeż oħra marbuta mal-operat b’mod ġenerali. 2. Id-Direttorat warrab il-vetturi li kellu u li ma kienux jilħqu l-istandards mitluba mill-operaturi. 3. F’numru ta’ Kulleġġi kien hemm żjieda fir-rotot minħabba r-riforma li qed isseħħ fil-Kulleġġi 4. L-operaturi ġew marbuta b’Service Level Agreements li huma ħafna aktar stringenti minn kif kien fil-ftehim ta’ qabel. Dawn jinkludu: a. Il-ħin li fih jinġabru l-istudenti jew jitwasslu lura d-dar ġie mnaqqas bin-nofs fil-każ tal-iskejjel primarji b. Il-ħin li jdumu jistennew li tasal il-vettura wara l-iskola naqas bin-nofs għall-iskejjel sekondarji kollha, u ġie ridott minn siegħa għall-kwarta għall-iskejjel primarji ċ. Ma tħallewx jinħadmu rotot amalgamati, ħlief f’każi limitati d. L-operat ġenerali ġie mtejjeb fis-sens li l-vetturi kollha jridu jkunu jilħqu il-livelli stipulati mill-Malta Trasnport, kemm fil-preżent, kif ukoll għaż-żmien li matulu jkun jorbot il-ftehim; e. Jekk xufier ma jġibx ruħu kif mistenni mid-Direttorat irid jinbidel f. Kull vettura hi marbuta li jkollha Tracking system għall-matul il-ħin tat-trasport tal-istudenti g. Kull operatur jipprovdi rapport ( hard u soft copy ) tar-rotot kollha li ma jilħqux is-Service Level Agreements, u jingħata wkoll aċċess għat-tracking system biex id-Direttorat ikun jista’ jagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa.

Xgħajra — Ta' Barkat - sewage treatment plant

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tqum is-sewage treatment plant f'Ta' Barkat, Xgħajra? Kemm kienet l-istima oriġinali ta' dan l-impjant?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ fix-Xgħajra ġie jiswa €63.46 miljun, VAT eskluż. L-istima oriġinali tal-proġett kienet tammonta għal € 62.38 miljun, VAT eskluż.
Leg 11 PQ #29849 Sitting 406 2011-11-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi Ewropej

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f'Malta matul is-sena 2010 u din is-sena sal-lum taħt il-programm finanzjarju 2007-2013? Fuq liema proġetti/skemi/miżuri tħallsu u kemm tħallsu f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-total ta' pagamenti (il-parti Ewropea) mħallsa mit-Teżor fuq il-Programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 ta' Malta hu ta’ €93,366,061.68 fis-sena 2010 u €52,145,596.94 din is-sena (sa Ottubru 2011)

Rabat — Wied ta' Għeriexem - main tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-main tad-drenaġġ li għaddej minn Wied ta' Għeriexem (Rabat) għal taħt l-Imdina u Ta' Qali qiegħed ifur kull darba li tagħmel ix-xita meta xi snin ilu kien sar relief main fil-bypass tal-Imtarfa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-main li għaddej minn Wied ta’ Għeriexem (Rabat) irid jiġi eliminat meta s-sistema tad-drenaġġ tar-Rabat u Ħad-Dingli tiġi mqabbda mar-relief main fil-bypass tal-Imtarfa liema xogħol huwa nkluż fil-Masterplan tal-Infrastruttura tad-Drenaġġ.

Imrieħel — Corporate Village

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-Corporate Village fl-Imrieħel?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa, il-Malta Enterprise qeda taħdem biex jiġi ippublikat ir-Request for Proposals (RFP) finali. Dan il-proċess mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Marsa Sports Village

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-Marsa Sports Village?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) qiegħed jiltaqa’ ma’ investituri interessati fl-iżvilupp tal-kunċett ta’ Villaġġ Sportiv fil-Marsa biex jisma’ s-suġġerimenti dwar kif jista’ isir titjib fuq is-sejħa oriġinali biex jiġi żviluppat il-kunċett propost b’mod sostenibbli. Dan wara li sa meta għalaq iż-żmien stipulat għas-sottomissjoni ta’ interess f’dan il-proġett ma kien hemm ħadd li ssottometta interess. Is-sejħa għal Espressjoni t’Interess għall-iżvilupp tal-kunċett propost ghall-Villaġġ Sportiv tal-Marsa ġiet ippubblikata fil-gazzetta tal-Gvern nhar id-29 ta’ Lulju u l-perjodu ta’ sottomissjonijiet għalaq fil-25 ta’ Ottubru li ghadda. Il-KMS kien aċċetta li jestendi d-data tal-egħluq oriġinali b’erba’ ġimgħat oħra wara li tlieta mill-ħames żviluppaturi, li ħallsu biex ġabru d-dokument uffiċjali u attendew għal-laqgħat ta’ informazzjoni, kienu talbu għal estensjoni fiż-żmien tas-sottomissjonijiet. Il-KMS kien għażel li joħroġ sejħa għal espressjoni ta’ interess minflok mar mill-ewwel għal tender pubbliku propju minħabba l-kumplessità tal-proġett u biex jesplora mudell li jkun fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-isports.

Uffiċċju Konġunt — post mikri mingħand terzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li qiegħda tgħix f'post mikri mingħand terzi u liema post ġie meħud minn terzi mingħand l-Uffiċċju Konġunt b'titolu ta' ċens jagħlaq, jekk il-persuna li qiegħda tgħix fil-post għandhiex id-dritt tifdi ċ-ċens hi biex tipproteġi lilha nnifisha wara li jagħlaq iċ-ċens?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li persuna li qegħda tgħix f’ post mikri mingħand terzi, liema post qiegħed għand dawn it-terzi b’titlu ta’ ċens temporanju mingħand l-Uffiċċju Kongunt m’għandha l-ebda dritt li tifdi ċ-ċens mal-Uffiċċju Konġunt. Meta jagħlaq iċ-ċens, ai termini tal-Artiklu 1530 tal-Kodiċi Ċivili, l-Uffiċċju Konġunt ikollu d-dmir legali illi jirrispetta dik il-kirja li tkun saret mill-predeċessur tiegħu skont il-Liġi.

Arriva — tariffi tal-Park and Ride

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29426 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-tariffi kollha li l-Arriva tiċċarġja lill-passiġieri kif miftehma ma' Transport Malta inkluż għall-użu taż-żoni Park and Ride?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nollijiet għall-ġarr ta’ passiġġieri bi trasport pubbliku huma mniżżla fir-Regolamenti Dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri kif stipulat fit-Tnax-il Skeda tal-istess regolamenti, liema regolamenti qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li n-nollijiet ta’ Parkeġġ u Biljetti għall-użu tas-siti tal-Park and Ride huma skont il-ftehim milħuq nhar l-20 ta’ Novembru 2010 bejn Transport Malta u Arriva Malta Ltd liema rati qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tined mikrija għat-terminus tal-Belt/Buġibba

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 29417, jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' tined li huma mikrija għal terminus tal-Belt? Kemm hu n-numru tat-tined għat-terminus ta' Buġibba? Dawn it-tined inkrew wara sejħa pubblika għall-offerta (tenders)? Mingħand min inkrew dawn it-tined?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 8 tined il-Belt u 4 Buġibba. It-tined ġew mikrija minn Karl Borg Events u minn Zaffarese Group. Ma kien hemm l-ebda sejħa pubblika għall-offerta.

Xatt tal-Belt — tined għall-karrozini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tined għall-karrozini fix-Xatt tal-Belt? Dawn it-tined inxtraw jew inkrew? Kemm hi n-nefqa ta' dawn it-tined? Dawn it-tined ġew akkwistati wara ħruġ ta' sejħa pubblika għall-offerta (tender)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Numru 27934. Bħalissa m’hemm l-ebda tinda f’dawn l-inħawi peress li t-tined li kienu nkrew kienu tpoġġew biex ikun provdut kenn mix-xemx u s-sħana tas-sajf għaż-żwiemel tal-karozzini.

Trasport lill-iskejjel skolatistiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa it-trasport għall-iskejjel kollha matul is-snin skolastiċi 2008-2009, 2009-2010, 2010-2011? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa għas-sena skolastika kurrenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.