Belt, Kottonera u l-Imdina — pjanijiet tal-kumitat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29943 u jgħid xi pjanijiet għandu kull kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina għat-tliet snin li ġejjin, kull kumitat separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29426 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-tariffi kollha li l-Arriva tiċċarġja lill-passiġieri kif miftehma ma' Transport Malta inkluż għall-użu taż-żoni Park and Ride?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa rikorrenti kif ukoll dik kapitali tal-WasteServ għal dawn l-aħħar tliet snin (kull sena separatament)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa mill-voti rikurrenti tal-WasteServ Malta Ltd kienet tikkonsisti f’ madwar €9.5 miljuni għas-sena 2009, €6.5 milljuni għas- sena 2010, u €6.2 miljuni sa’ Settembru tal- 2011.
Bl-istess mod, in-nefqa mill-voti kapitali kienet ta’ madwar €10.9 miljuni u €9.5 miljuni fis-snin 2009 u 2010 rispettivament, u laħqet €5.9 miljuni sa Settembru 2011.
Grand Harbour Regeneration Corporation — valuri ta' xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29876 u jgħid x'inhu l-valur tax-xogħol imħallas fuq id-diversi proġetti mill-Grand Harbour Regeneration Corporation mit-twaqqif tagħha sal-lum kull proġett separatament? Kemm hu l-valur tax-xogħol li l-korporazzjoni ikkuntrattat sal-lum fuq il-proġetti kollha, kull proġett separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Minsitru tgħid kemm hemm persuni jirreġistraw fuq il-Part 3 bħalissa? Ma' min qegħdin jaħdmu dawn in-nies?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm 1,082 jirreġistraw fuq il-Part 3 sal-aħħar ta’ Settembru 2011.
Nixtieq ninfurmaw lill-Onorevoli Interpellant li lista bl-ismijiet tal-kumpaniji li qegħdin jaħdmu magħhom dawn in-nies ma tistax tingħata minħabba li l-informazzjoni hi kkunsidrata bħala kunfidenzjali skont l-Att XXVI tal-2001 li titratta dwar il-protezzjoni tad-data.
Programm ta' Koeżjoni 2007-2013 — fondi għal Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali ta' fondi li Malta tista' tibbenefika minnu skont il-Programm ta' Koeżjoni 2007-2013? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu ppreżentati talbiet għal ħlas skont dan il-programm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-ammont totali ta' fondi li Malta tista' tibbenefika minnu, skont il-Programm ta' Koeżjoni 2007-2013 taħt l-oġġettiv ta’ Konverġenza , huwa ta’ €840,123,051. L-aħħar data li fiha jistgħu jiġu ppreżentati talbiet għall-ħlas lill-Kummissjoni Ewropea hi l-31 ta’ Marzu 2017. Madanakollu, it-talbiet ippreżentati jridu jkopru pagamenti li saru mit-Teżor sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' nurseries kollha reġistrati, kemm dawk tal-gvern kif ukoll dawk tal-privat? Il-liċenzja tan-nursery tispeċifika l-ammont tat-tfal li jistgħu jinżammu fiha? Isiru spezzjonijiet regolari biex jiġi aċċertat li dawn in-nurseries qegħdin jiġu operati b'mod responsabbli u dan billi ma jkunx hemm overcrowding kif ukoll billi jiġu segwiti policies li jiżguraw li m'hemmx periklu għat-tfal li jużaw dawn il-faċilitajiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mad-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali hemm tlieta u ħamsin (53)
child care facilities
reġistrati proviżorjament. Hemm ukoll tmien (10)
child care facilities
reġistrati temporanjament.
Standard Numru 2 tal-Istandards Nazzjonali għall-faċilitajiet ta’ matul il-jum jeżiġi li għandu jkun hemm spazju biżżejjed ta’ ħames (5) metri kwadrati għal kull tifel u tifla kemm l-area fuq ġewwa u kif ukoll dik fuq barra.
It-Team tal-Assessuri tal-Welfare Services Assessment Unit tad-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali jagħmel spezzjonijiet ta’ sikwit f’dawn iċ-child care facilities biex jiżguraw li t-tfal li jattendu dawn il-faċilitajiet ikunu f’idejn responsabbli hekk kif jeżiġu l-Istandards Nazzjonali għall-faċilitajiet ta’ matul il-jum.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ ċentri ta’ Ħarsien tat-tfal li huma reġistrati mad-dipartiment.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29734, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li s-sistema tad-drenaġġ tar-Rabat u Ħad-Dingli se tiġi mqabbda mar-relief main fil-bypass tal-Imtarfa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan ix-xogħol, qiegħed fil-programm tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u mistenna li jsir fiż-żmien li ġej.
Jista' l-Prim Ministru jara li l-bozoz li hemm jixegħlu r-roundabout ta' fejn l-Isptar Santa Katerina (fit-tarf ta' Triq Santa Katerina) f'Ħ'Attard jitranġaw peress li diversi minnhom ilhom mitfija ħafna żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-manutenzjoni meħtieġa għanda ssir fi żmien qasir.
Jista' l-Minsitru jgħid b'liema rotot huma moqdija r-residenti tal-Imtarfa llum wara l-aktar riforma riċenti tat-trasport pubbliku? Jista' l-Ministru jagħti ukoll id-dettalji dwar il-ħin li joperaw dawn ir-rotot inkluż kemm joperaw kull siegħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-residenti tal-Imtarfa issa huma moqdija bi tliet rotot li huma:
·
Rotta 51
li għandha frekwenza ta’ 30 minuta bejn 06:59 u 19:29hrs waqt li fil-ħinijiet l-oħra tkun bi frekwenza ta’ siegħa bl-ewwel vjaġġ jibda fil-05:59hrs u l-aħħar vjaġġ li jispiċċa f’22:29hrs mill-Imtarfa. Din ir-rotta tgħaqqad l-Imtarfa mal-lokalitajiet tar-Rabat, Attard, Mrieħel, Sta. Venera, Ħamrun, Floriana u Valletta.
·
Rotta 203
li għandha frekwenza ta’ kull siegħa bl-ewwel vjaġġ ikun tas-07:08hrs u l-aħħar vjaġġ li jispiċċa fl-22:08hrs. Din ir-rotta tgħaqqad l-Imtarfa mar-Rabat, Ta’ Qali, Attard, Mosta Technopark, B’Kara By-Pass, Sptar Mater Dei/Universita’, Tal-Qroqq, San Giljan, Sliema.
·
Rotta X3
li għandha frekwenza ta’ 30 minuta bl-ewwel vjaġġ minn Buġibba li jibda fil-05:50hrs u l-aħħar vjaġġ li jispiċċa fil-23:35hrs; filwaqt li l-ewwel vjaġġ mill-ajruport ikun tal-05:35hrs u l-aħħar vjaġġ ikun fl-22:05hrs. Dan is-servizz isegwi r-rotta li tgħaddi minn Bugibba, Burmarrad, Mosta, Mtarfa, Rabat, Attard, B’Kara, Marsa Park & Ride, Paola u l-Ajruport.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 29849 u ċioe, jgħid fuq liema proġetti/skemi/miżuri tħallsu u kemm tħallsu f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-lista ta’ proġetti/skemi/miżuri hekk kif mitlub.
Belt, Kottonera u l-Imdina — pjanijiet tal-kumitat
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu kull kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina għat-tliet snin li ġejjin, kull kumitat separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Belt, Kottonera u l-Imdina — proġetti li ġew imwettqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema proġetti twettqu mill-kumitati għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina matul it-12-il xahar li għaddew kull kumitat separatament? Kemm kienet in-nefqa fuq kull proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Triq is-Salina - underpass tunnel
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-underpass tunnel fi Triq is-Salini, San Pawl il-Baħar, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta mitluba.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29719, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' kiri ta' tined mingħand il-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-ewwel parti tat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29417.
Grand Harbour Regeneration Corporation — valuri ta' xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-valur tax-xogħol imħallas fuq id-diversi proġetti mill-Grand Harbour Regeneration Corporation mit-twaqqif tagħha sal-lum kull proġett separatament? Kemm hu l-valur tax-xogħol li l-korporazzjoni ikkuntrattat sal-lum fuq il-proġetti kollha, kull proġett separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.